Jista' l-Ministru jgħid kif ġie magħżul l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? X'kompetenzi għandu fil-qasam tal-agrikoltura? Jista' jgħid ukoll x'xogħol qed jagħmel u kemm għandu nies taħt ir-responsabbiltà tiegħu? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tiegħu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-individwu li d-dettalji dwaru intbagħtu separatament, beda jokkupa il-kariga ta’ Direttur tal-Agrikoltura mid-9 ta’ Awwissu 2011, wara sejħa pubblika. Ġie maħtur f’din il-ħatra mil-grad sostantiv ta’ Senior Principal Officer (skala 7) wara li serva ta’ Technical Attache (Agriculture) mar-rappreżentanza permanenti Maltija fi Brussell bejn l-2004 – 2010.
Ninsab infurmat ukoll li għandu 121 persuna taħt ir-responsabbiltà tiegħu u x-xogħol marbut mal-ħatra huwa kif elenkat fl-Appendiċi A tal-kuntratt tiegħu bħala Direttur tal-Agrikoltura, li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istrateġija li twassal sabiex jintlaħqu l-miri tat-tnaqqis ta' emissjonijiet li Malta ntrabtet li jintlaħqu bl-iffirmar riċenti mill-Kabinett tal-Ministri Maltin tal-Protokoll ta' Kyoto għall-perijodu 2013-2020?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li f’dak li għandu x’jaqsam ma’ tnaqqis ta’ emissjonijiet serra, Malta hija marbuta mal-miri li ġew maqbula bħala parti mill-hekk imsejjaħ ‘climate and energy package’tal-Unjoni Ewropea maqbul fl-2009. Dawn jiffurmaw parti mill-pakkett ta’ miżuri li permezz tagħhom l-Unjoni Ewropea bħala blokk qed timmira li tilħaq il-mira tagħha ta’ tnaqqis ta’ 20 fil-mija fl-emissjonijiet meta mqabbel mal-1990. L-istrateġija preżenti hija dik diskussa u maqbula f’dan il-Parlament f’Settembru 2009.
Jista’ l-Ministru jikkonsidra l-possibbiltà li fil-post fejn hemm il-water park ikun hemm ukoll xi forma ta’ lqugħ mix-xemx kemm għat-tfal infushom kif ukoll għall-ġenituri li jakkumpanjawhom? Kemm hu n-numru ta' nies li qed jaħdmu f'dan il-park preżentement?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li b’żieda mat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqisja Parlamentari Nru 2452, ser ikun hemm cleaner u 2 uffiċjali tas-sigurta kuljum.
Ninsab infurmat ukoll li kemm it-tfal, kif ukoll min ikun qed jakkumpanjhom qed ikunu pprovduti lqugħ mix-xemx sakemm idumu jistennew biex jidħlu ġewwa l-park. Kull sezzjoni ġewwa l-park ma ddumx aktar minn għoxrin minuta u t-tfal ikunu l-ħin kollu taħt, jew imxarrbin bl-ilma.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — kompożizzjoni tal-bordijiet ta' entitajiet, awtoritajiet u korporazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid minn min kienu komposti l-bordijiet tal-entitajiet, awtoritajiet u korporazzjonijiet li kienu jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu f’Diċembru tas-snin 2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012 ? Jista’ jgħid x’kienu r-remunerazzjonijiet, ħlasijiet u benefiċċji li kienu qegħdin jirċievu dawn il-membri?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lil Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewlna, qiegħed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub rigward il-WasteServ, miġbur f’tabella.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — Deputy chief of staff/head of secretariat
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux Deputy Chief of Staff/Deputy Head of Secretariat, u jekk iva min hu/hi l-persuna li qed tokkupa dik il-pożizzjoni bħalissa fis-segretarjat privat tiegħu u/jew l-uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tiegħu fejn applikabbli?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi m’għandix Deputy Chief of Staff/Deputy Head of Secretariat.
Billi xi ġimgħat ilu kien hemm rapport fil-media lokali dwar allegat użu tal-glysophate fuq prodotti agrikoli minn bdiewa Maltin, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'passi ħa l-Ministeru dwar l-istess rapporti u l-konsegwenzi tagħhom?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-mistoqsija għanda tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat.
Fid-dawl tal-fatt li mijiet ta' residenti qegħdin isofru minn inkonvenjent kontinwu minħabba razzett, u fiċ-ċirkostanzi li nbdew proċeduri legali mill-Ministeru Biedja, u Sajd u Drittijiet tal-Annimali (ex MRRA) kontra s-sid tar-razzett li hemm fi Triq San Tumas ġewwa Ħal Tarxien, jista’ l-Ministru jikkonferma jekk dan ir-razzett fil-preżent huwiex qiegħed jonora l-obbligi kollha kif titlob il-liġi? Jista' l-Ministru jgħid x'passi u x'moniteraġġ qed isir mill-Ministeru tiegħu sabiex jiġu protetti l-interessi tar-resident tal-madwar? Jista’ jgħid jekk għandux pjanijiet sabiex dan ir-razzett jiġi rilokat band’oħra?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mis-Segretarjat Parlamentari li iva, din hi s-sitwazzjoni li writna mil-Gvern preċedenti u dan il-każ ilu għaddej numru ta’ snin u qatt ma sar xejn.
Fil-ġejjieni, l-ħsieb tal-Gvern huwa li jmexxi l-proġett tar-relokazzjoni tal-irziezet.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – konsulenzi mill-1998
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenzi mill-1998 sal-lum mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewlna, t-tagħrif miġbur s’issa qed jitpoġġa bħala Tabella A, B u Ċ fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninfurmak ukoll li t-tagħrif miġbur mill-WasteServ, Tabella A, huwa mis-sena 2003 ’l hawn peress li din l-entita bdiet topera f’din is-sena, filwaqt li t-tagħrif l-ieħor ikopri mis-sena 2008, Tabella B, u mis-sena 2010, Tabella Ċ, ’l hawn. Il-kumplament tat-tagħrif jingħata aktar il-quddiem.
B’referenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 3179 indirizzata lill-Prim Ministru jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm hu n-numru ta' bdiewa li talbu li jkollhom art tal-Gvern trasferita fuq isimhom wara li għaddiet il-liġi fil-Parlament li tippermetti tali trasferiment, fl-aħħar tal-Leġiżlatura li għaddiet?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li kien hemm applikazzjoni waħda, li qegħda tiġi evalwata, għal trasferiment tal- art tal-Gvern.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3177, fejn intqal kemm hu n-numru ta’ kaxxi ġodda li tpoġġew fis-suq matul l-2012, u kemm se jinxtraw kaxxi ġodda, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm bżonn ta’ kaxxi biex jiġu użati mill-bdiewa għal ġarr ta’ prodotti agrikoli fil-Pitkalija?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li skont dak li jiġi ddikjarat mill-pitkala, bdiewa u xerrejja, jintużaw madwar 50,000 kaxxa fil-ġimgħa ġol-pitkalija. Tajjeb li wieħed jgħid li din il-figura tista titla jew tinżel skont l-istaġun u skont l-abbundanza jew nuqqas ta’ produzzjoni staġjonali.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ kaxxi li ġew dikjarati li ma jistgħux jibqgħu jintużaw, peress li tkissru, jew għal xi raġuni oħra matul l-2012 u 2013 s’issa?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li matul l-2012 u 2013 s’issa, kien hemm madwar 15,000 kaxxa u 8,500 kaxxa rispettivament li ġew ddikjarati li ma jistgħux jibqgħu jintużaw, peress li tkissru jew għal xi raġuni oħra.
Mitigazzjoni tal-gassijiet serra minn refrigerants
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif u min qed jieħu ħsieb l-mitigazzjoni tal-gassijiet serra mir-refrigerants domestiċi, kummerċjali u industrijali? Kif qed issir il-governanza tan-nies tekniċi li jużawhom u kif qegħdin jiddisponu minn dawn ir-refrigerants meta jikkontaminaw ruħhom?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li bħalissa l-Awtorita ta` Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qiegħda tieħu ħsieb ir-regolazzjoni ta` l- importazzjoni, vjaġġi, użu u tqegħid fuq is-suq ta’ Gassijiet Serra Florinati u prodotti li għandhom bżonn dawn il-gassijiet biex jiffunzjonaw.
Kif inhu preskritt mill-Avviż Legali 93 ta’ l-2010, mitigazzjoni ta' emissjonijiet u governanza tan-nies tekniċi li jużawhom issir taħt diversi forom:
1) tagħmir stazzjonarju b`aktar minn 3 kilogrammi ta' gassijiet serra florinati qed jiġi irregistrat ma’ l-Awtorita sabiex jiġi assigurat illi dan it-tagħmir jiġi spezzjonat għall- ‘
leakages’
ta` mill-anqas darba fis-sena. Sidien ta` dan l-apparat għandhom l-obbligu li jżommu ktieb ta` reġistrazzjoni li jinkludi dettalji ta` dawn l-ispezzjonijiet li huwa soġġett għal verifiki annwali minn uffiċjali ta’ l-Awtorita.
2) Importazzjoni ta` ċilindri tal-gass għandhom bżonn liċenzja approvata mill-Awtorita li dejjem tirrikjedi illi dawn jiġu impurtati f`ċilindri li jistgħu jerġgħu jintużaw. Dan sabiex jiġi assigurat li ma jintużawx cilindri ‘
disposable’
li meta jintremew jista jkollhom residwi ta’ gass li jista' jiġi rilaxxat meta dawn jinqerdu.
3) Il-persuna involut fil-manutenzjoni u mili mill-ġdid bil-gass ta’ sistemi li jżommu
leakages
għandhom obbligu illi jattendu korsijiet speċjali li jipprovdu il-kwalifiki minimi meħtiega skont kif definit fir-regolament tal-KE 842/2006. Dawn il-korsijiet qed jiġu pprovduti lokalment mill-MCAST u jieħdu l-forma ta’ korsijiet ‘
full time’
għall-individwi li għadhom ħa jibdew jaħdmu fis-settur, u korsijiet ‘
part time’
għal min ġa qiegħed jaħdem f` dan is-suq. Ġaladarba dawn jottjenu dawn il-kwalifiki minimi, dan il-persuna għandu l-obbligu li jżommu ktieb ta' reġistrazzjoni li jinkludi informazzjoni dwar kemm sabu
leakages
, b`kemm gass reġgħu mlew fis-sistema u x`għamlu b`xi gass skartat li nġabar. Dan il-ktieb għandu jimtela kull darba li dawn jagħmlu manutenzjoni ta’ sistemi u għandu jinżamm għal mill-anqas ħames snin u huwa wkoll suġġett għal verifiki każwali minn uffiċjali ta’ l-Awtorita.
Filwaqt li hawn siti lokali li jaċċettaw u jħottu apparat qadim illi għandu bżonn dawn il-gassijiet biex jiffunzjona, m'hawnx siti lokali li jistgħu jeqirdu il-gass maħruq jew ikkontaminat. Għaldaqstant dan ikollu jiġi esportat f`faċilitajiet awtorizzati barra minn Malta li jistgħu jeqirdu dan il-gass.
Ir-rimi ta' apparat u gass huwa rregolat minn l-Avviż Legali 184 tal-2011 (kif amendat) u 106 tal-2007. Dawn jirrikjedu li faċilitajiet li jaċċettaw jew iħottu dan l-apparat ikunu regolati minn permessi ambjentali maħruġa mill-Awtorita. Jirrikjedu wkoll li vetturi li jġorru dan l-iskart ikollhom permess mill-Awtorita.
Sabiex jinġarr gass jew apparat maħsub għar-rimi, hemm bżonn ‘
consignment permit’
skont Avviż Legali 184 tal-2011 (kif amendat). Meta hemm bżonn li ssir esportazzjoni ta’ dan l-iskart ikun hemm bżonn ‘
transfrontier shipment Permit’
skont Artiklu 4 ta` regolament tal-KE 1013/2006 sabiex jiġi assigurat li dan inqered f`faċilitajiet awtorizzati.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – konsulenzi mill-2004
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenzi mill-2004 sal-lum mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewlna, t-tagħrif miġbur s’issa qed jitpoġġa bħala Tabella A, B u Ċ fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninfurmak ukoll li t-tagħrif miġbur mill-WasteServ, Tabella A, huwa komplut kif mitlub, filwaqt li t-tagħrif l-ieħor ikopri mis-sena 2008, Tabella B, u mis-sena 2010, Tabella Ċ, ’l hawn. Il-kumplament tat-tagħrif jingħata aktar il-quddiem.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — Servizzi klerikali minn kuntratturi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kuntratti maħruġa bejn 1 Jannar 2012 u 8 Marzu 2013 mid-dipartimenti u entitajiet fid-dekasteru tiegħu għall-servizzi klerikali minn kuntratturi li jissupplixxu skrivana li jagħtu xogħol f’dawn l-entitajiet tal-Gvern? Kemm minnhom jitolbu li l-kuntratturi jħallsu l-minimu ta’ skala 16 tas-servizz pubbliku (ekwivalenti ta’ Skrivan) u jekk le, xi ħlas qegħdin jieħdu l-ħaddiema? X’inhi r-rata kull siegħa li titħallas lill-kuntrattur?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li m’hemmx kuntratti maħruġa bejn l-1 ta’ Jannar 2012 u t-8 ta’ Marzu 2013 mid-dipartimenti u entitajiet fid-dekasteru tiegħi għall-servizzi klerikali.
Organizzazzjonijiet rikonoxxuti bħala rappreżentanti tal-bdiewa, raħħala u sajjieda
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-organizazzjonijiet li huma rikonoxxuti bħala rappreżentanti tal-bdiewa, raħħala u sajjieda, mill-Ministeru? Kemm-il laqgħa saret s’ issa ma’ dawn l-organizazzjonijiet individwalment mill-elezzjoni ‘l hawn, kemm ilu li ġie ffurmat il-Gvern il-ġdid?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-Ministeru jirikonoxxi u lest li jiltaqa ma’ kull organizazzjoni jew kull grupp ta’ persuni bona fede li jirappreżentaw lill-bdiewa, raħħala u sajjieda.
Ninsab infurmat ukoll li s’issa, kemm ilu li ġie ffurmat il-Gvern il-ġdid, il-Ministeru ltaqa ma’ numru ta’ għaqdiet kif elenkat fit-Tabella mehmuża li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — konsulenza
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu lill-individwu li ismu qed jintbagħat separatament, mis-sena 2000 sal-lum? Jista’ jgħid dwar xiex kien dan ix-xogħol, jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewlna, qiegħed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub, miġbur f’tabella.
Jista' l-Ministru jagħti estimu ta' kemm se ddaħħal flus Malta mill-irkant ta' allowances taħt id-direttiva dwar emissions trading fis-snin 2013 u 2014 u kif mistenni jintuża dan id-dħul?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li minħabba li għadhom għaddejjin diskussjonijiet fuq livell Ewropew dwar l-ammonti eżatti li ser ikunu rkantati, huwa prematur li wieħed jgħid kemm ser idaħħal flus Malta fis-snin imsemmija.
proġett “A world you like” — Appoġġ lill-parteċipanti
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern tax xi forma ta' appoġġ jew għajnuna lil xi parteċipant fil-proġett Ewropew "A World You Like"?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li taħt il- proġett Ewropew "A World You Like" sar sponsorship attiv mill-Gvern lill-parteċipant wieħed.
Jista' l-Ministru jgħid hux mistenni li Malta tilħaq il-livelli proposti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra fl-2013 taħt l-"effort sharing decision" u x'inhu jagħmel il-Gvern biex jassigura li l-miri 2013-2020 jintlaħqu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li skont l-aħħar rapport dwar il-politika u l-miżuri u l-emmissjonijiet proġettati ta’ gassijiet serra li ssottomettiet u pubblikat Malta fil-31 ta’ Mejju 2013 (Malta’s Biennial Report on Policies and Measures and Projected Greenhouse Gas Emissions 2013), l-emmissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ Malta fl-2013 mhux mistennija li jeċċedu l-allokazzjoni ta’ emissjonijiet annwali għas-sena 2013 skont l-Effort Sharing Decision. Fir-rapport, li kopja tiegħu qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, jidhru l-miżuri li l-Gvern qed jieħu biex jassigura li l-miri qed jintlaħqu.