Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11729 li oriġinarjament saretlill-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u t-Twettiq tal-Manifest Elettorali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk hemmx xi problemi sabiex, fond ESF 2.85 Linking Industrial Needs and Vocational Education and Training to Optimise Human Capital, Operational Programme II - Cohesion Policy 2007 - 2013 in Pharmaceutical Industry Sector - Pharmaceuticals and Chemicals li qed jintuża f'kors l-MCAST, jintuża kif ippjanat? Jekk iva, x'inhuma dawn il-problemi u x'soluzzjonijiet qed jittieħdu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-proġett ESF 2.85 - Linking Industrial Needs and Vocational Education and Training to Optimise Human Capital immexxi mill-MCAST offra u qiegħed joffri taħriġ f’għaxar setturi differenti tal-industrija, lil ‘l fuq minn 400 student. Is-setturi jinkludu t-Teknoloġija tal-Informatika, Infrastruttura, Servizzi Finanzjarji, Ikel, Xorb, Farmaċewtika, Marittimu, Stampar, Manifattura tal-għamara u Manifattura tal-Plastika. L-investiment se jiswa €701,000, 85% minnu ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea.
Mill-2011 saru ħames korsijiet minn sitta fil-programm tal-Farmaċewtika u tlieta li ġew repetuti, li għalih ġew iċċertifikati 19-il persuna. Minnhom, ħamsa ser jingħataw ċertifikat f’livell ta’ Award jekk itemmu b’suċċess l-istudji tagħhom fis-sitt modules tal-programm, li huma:
i.
Good manufacturing practices (sar darbtejn - lesti)
ii.
Basic Chemical Concepts and Techniques (lest)
iii.
Basic Laboratory Operations (l-ewwel kors lest, beda t-tieni kors u twaqqaf minħabba nuqqas ta’ parteċipazzjoni)
iv.
Work-related experience in the science-based pharmaceutical sector (l-ewwel kors lest, beda t-tieni kors)
v.
Active Pharmaceutical Ingredients and Finished-dosage form (lest)
vi.
Introduction to bio-technology (għaddej – ikun lest f’Diċembru/Jannar)
Dan il-programm sar għat-tieni darba din is-sena, fejn tlieta mis-sitt korsijiet diġa ngħataw, bl-aħħar kors qed jingħata bħalissa u li mistenni jintemm f’Jannar 2015. Dan ifisser li kull kors ser ikun ingħata għallinqas darba. Madankollu, minħabba domanda għolja għal xi korsijiet – fosthom il-kors Work-related experience in the science-based pharmaceutical sector – l-MCAST għażlet li toffri t-tieni rawnd tiegħu, li kien mistenni jibda nhar it-Tnejn 27 ta’ Ottubru. Minħabba l-indisponibbilta’ tal-għalliema, dan il-kors kellu jitwaqqaf temporanjament u tkompla minn nhar is-Sibt 8 ta’ Novembru.
Ma hemm l-ebda ċirkostanza oħra li se taffettwa l-pjan għal dan it-taħriġ.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm tuck shops fl-iskejjel tal-Gvern, tal-Knisja u tal-privat?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li n-numru ta’ skejjel tal-istat, tal-Knisja u tal-privat li għandhom tuck shop hu ta’ 49 imqassmin kif ġej:
Skejjel tal-Istat - 30
Skejjel tal-Knisja - 10
Skejjel tal-privat - 9
Jista’ l-Ministru jgħid liema skejjel (tal-Gvern, tal-Knisja u tal-Privat) f’Malta u Għawdex għandhom tuck shops?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti f'Malta u Għawdex li għandhom tuck shop huma kif jidher fil-listi li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ ikel qed jiġi offrut mit-tuck shops tal-Gvern, tal-Knsija u tal-privat?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li meta toħroġ sejħa għal Konċessjoni ta’ Kiri ta’ Tuck Shops fl-Iskejjel Statali ikun hemm anness mad-dokument lista ta’ ikel u xorb li jistgħu jinbiegħu fit-tuck shops. Kopja ta’ din il-lista qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Inqiegħed ukoll tagħrif dwar it-tip ta’ ikel offrut mit-tuck shops fl-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti.
Jista’ l-Ministru jgħid xi pjan għandu sabiex junk food bħal pastizzi, pizza, burgers eċċ. ma jiġux offruti għall-bejgħ mit-tuck shops tal-iskejjel tagħna?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fi Frar 2015 ser toħroġ policy fuq Healthy Lifestyles biex tirregola t-tip ta' ikel li jiġi servut f'kull tuck shop fl-iskejjel tal-Istat kif ukoll dawk tal-Knisja u Indipendenti.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — kuntratti ta' konsulenza
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ kuntratti ta’ konsulenza li ngħataw mill-entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu u jgħid f’kull każ xi proċedura ntużat biex jinħatru dawn il-konsulenti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika għal liema perjodu qiegħed jitlob din l-informazzjoni. Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li l-ingaġġ ta' konsulenti jsir skont il-proċeduri ta' ingaġġ mal-Gvern.
Jista' l-Ministru jagħti breakdown tal-proġetti li saru minn Marzu 2013 sal-lum, ta' tisbiħ u mmodernizzar fl-iskejjel madwar Malta u Għawdex?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli bi tweġiba għal din il-mistoqsija. Tabella ‘A’ hija l-lista tat-tenders maħruġa mill-Fondazzjoni għall-iSkejjel ta' Għada għal proġetti ta' tisbiħ u mmodernizzar fl-iskejjel, filwaqt li Tabella ‘B’ tagħti breakdown tal-proġetti ta’ tisbiħ u mmodernizzar li saru fl-iskejjel tal-Istat madwar Malta u Għawdex minn Marzu 2013 sal-lum, ippreparata mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi.
Jista' l-Ministru jgħid minn Marzu 2013 liema korsijiet żdiedu li jingħataw mill-Università f'Għawdex?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li minn Marzu 2013 ’l hawn, komplew isiru l-korsijiet kollha li qabel kienu jsiru Għawdex. Id-deċiżjoni dwar liema korsijiet għandhom jiftħu Għawdex tittieħed skont għadd ta’ kriterji, inkluż l-għadd ta’ applikanti li jkollhom il-kwalifiki meħtieġa għad-dħul fil-kors li għażlu u li jkunu jixtiequ jsegwu l-kors f’Għawdex.
Fis-sena akkademika kurrenti hemm 117-il student Għawdxi li qed isegwu kors Għawdex.
Peress li l-iskola ta' Raħal il-Ġdid ma' kienetx titqies bħala skola adekwata, jista' l-Ministru jgħid jekk il-programm alternattiv li beda f'Raħal il-Ġdid fil-futur hux se jitkompla f'din il-binja? Jista' jagħti d-dettalji dwar l-ispejjeż li saru sabiex isir ir-refurbishment meħtieġ għall-programm ta' din is-sena? Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-professjonisti u n-numru tagħhom li qed jaħdmu f'dan il-programm?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba għall-ewwel parti tal-mistoqsija hija iva. Il-bini tal-iskola ta’ Raħal Ġdid sal-aħħar ta’ din is-sena skolastika mhux se jkun baqagħlu iktar studenti tas-Sekondarja jattendu ġo fih u se jibda jintuża għal programmi alternattivi ta’ tagħlim għal studenti li jkollhom bżonn post, qafas u ambjent differenti biex jitgħallmu fih.
Rigward it-tieni u t-tielet parti tal-mistoqsija, qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella dwar l-ispejjeż għar-refurbishment, u tagħrif dwar il-professjonisti li qed jaħdmu f'dan il-programm.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-arretrati li l-Gvern għandu jagħti lill-iskejjel tal-Knisja f'Marzu 2013 u kemm huma l-arretrati li ;-Gvern għandu jagħti lill-iskejjel tal-Knisja llum?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li sa Marzu 2013, l-arretrati dovuti lill-iskejjel tal-Knisja kien ilaħħaq Ewro 914,557.
L-ammont totali ta’ arretrati dovuti sal-lum ilaħħaq Ewro 4,909,650.
Jista' l-Ministru jgħid kemm swiet sa issa l-miżura l-ġdida taċ-Child Care Centre? Jista' jgħid minn meta bdiet din il-miżura u kemm huwa kkalkulat li se jintefqu sa l-aħħar tas-sena?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-miżura taċ-Child Care b’xejn bdiet fl-1 ta’April 2014 u sa issa swiet €4,591,056.29. Huwa kkalkulat li sa l-aħħar tas-sena 2014, jintefqu madwar €500,000 oħra.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li fl-iskola sekondarja taż-Żokkrija it-toilets huma normalment miżmumin magħluqin ħlief wieħed?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li mhuwiex minnu li t-toilets huma normalment miżmumin magħluqin.
B’mod regolari jkun hemm ħames
toilets
f’ħames blokki differenti b’erba’ kabini (
cubicles
) kull wieħed li jkunu miftuħin għall-istudenti. B’hekk għad-dispożizzjoni tal-istudenti jkun hemm 20
unit
.
F’każ eċċezzjonali ta’ darba matul din is-sena skolastika kellhom jingħalqu t-
toilets
minbarra wieħed għal xi sigħat minħabba ħsara fil-pompi li jissupplixxu l-ilma. Naturalment sa kemm il-ħsara issewwiet ma kienx ġej ilma fil-
flushings
u l-
wash hand basins
u għalhekk ingħalqu t-
toilets
.
Privates għat-Tfal tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex filgħodu it-tfal tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar jiġu b'żewġ privatesseparati, wara nofs in-nhar it-tfal iridu jmorru bi private waħda bil-konsegwenza li xi tfal ikollhom jibqgħu bil-wieqfa?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Qiegħed nassumi li l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għall-iskola Sekondarja tal-Mosta Żokrija fil-Kulleġġ Maria Reġina. Ingħatajt konferma illi l-istess vetturi jservu b’mod identiku r-rotot ta’ filgħodu kif ukoll dawk ta’ filgħaxija. Infurmat ukoll li l-ebda rapport ta’ studenti bil-wieqfa fuq dawn il-vetturi ma wasal fi ħdan l-uffiċċju tat-trasport għall-iskejjel.
Kien hemm okkażjonijiet fejn biex it-tfal jaslu aktar kmieni lura d-dar, l-iskola għabbiet lil xi tfal ġo vettura differenti minn dik ta’ filgħodu. Meta sar hekk, l-iskola assigurat li t-tfal kollha għandhom post adekwat fuq il-vettura.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ studenti f’kull skola primarja u sekondarja ġewwa Għawdex, kemm dawk tal-istat kif ukoll dawk tal-Knisja? Jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ għalliema u LSAs f’kull waħda minn dawn l-iskejjel?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli bit-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li fl-iskola primarja fi Triq Brared, Birkirkara, ġew ingaġġati cleaners li jaħdmu ma’ kuntrattur privat? Jekk iva, hemm skejjel oħra fejn ġara dan? Jista’ jaċċerta lill-ħaddiema cleaners li jaħdmu mal-Gvern fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni li xogħolhom huwa garantit fl-iskola fejn qegħdin jaħdmu issa?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nikkonferma li fl-iskola Primarja ta’ B’Kara hemm kuntrattur tat-tindif li qiegħed jagħti s-servizzi tiegħu fl-Iskola. Bħalissa hemm 13-il skola li għandhom is-servizz ta’ tindif provdut minn kuntrattur privat.
L-impjieg tal-ħaddiema cleaners huwa mad-Direttorat għal Servizzi Edukattivi u għalhekk dawn il-ħaddiema jistgħu jiġu mitluba jagħtu s-servizzi tagħhom skont l-esiġenzi partikolari tal-istess Kulleġġ u anke ta’ skejjel oħra f’Kulleġġi differenti.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10980 fejn fit-tweġiba ntqal li minn Marzu 2013 sa April 2014 in-numru ta' nies Għawdxin li kienu qegħdin jaħdmu fuq bażi full-time żdied b'570 li huma maqsuma 304 mas-settur privat, 63 ma’ entitajiet pubbliċi u 203 ma’ dipartiment tal-Gvern (total ta' 570) u b'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10992 fejn fit-tweġiba ntqal li fl-istess perjodu kien hemm 450 persuna minn Għawdex li l-impjieg tagħhom ġie tterminat u 77 biss minn dawn il-persuni sabu xogħol ieħor, jista' jagħti spjegazzjoni għad-diskrepanzi fil-figuri mogħtija?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10980 tirreferi għall-perjodu minn Marzu 2013 sa April 2014 filwaqt li r-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10992 hija għall-perjodu minn Marzu 2013 sa Awwissu 2014. Barra minn hekk, nixtieq niġbed l-attenzjoni għall-fatt li mhux kull min jitlef ix-xogħol minħabba redundancy imur għand l-ETC biex jirreġistra għax-xogħol. B’hekk il-figuri tat-tweġibiet mogħtija ma jistgħux jaqblu.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10984 fejn fit-tweġiba l-Ministru qal li l-Gvern qiegħed fil-preżent jistudja u jikkonsidra l-possibilitajiet kollha li jeżistu għall-bżonn ta' pixxina f'Għawdex, u meta wieħed jieħu in konsiderazzjoni x-xogħol kollu li sar fuq dan il-proġett mill-amministrazzjoni preċedenti, u anke l-wegħda fil-manifest elettorali fejn il-Gvern intrabat li jtejjeb l-faċilitajiet sportivi f'Għawdex bil-għan ukoll li nattiraw anki turiżmu sportiv lejn Għawdex, jikkonsidra l-Ministru li dawn weħidhom huma fatturi li juru l-bżonn li jsir dan il-proġett?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Kif ingħad fit-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 10984 li l-Onor. Interpellant irrefera tajjeb għaliha, nerġa’ ntenni li l-Gvern qiegħed fil-preżent jistudja u jikkonsidra l-possibiltajiet kollha li jeżistu għall-bżonn ta’ bini ta’ pixxina f’Għawdex. Rigward titjib tal-faċilitajiet sportivi f’Għawdex, il-Gvern hu kommess li jżomm il-wegħda elettorali tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid liema kienu l-Learning Support Centres li kienu joperaw qabel Marzu 2013 u liema huma l-Learning Support Centres li qed joperaw illum?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fl-2010 infetħu l-ewwel żewġ Learning Support Centres, wieħed għal-livell primarju ġewwa l-Marsa u l-ieħor għall-bniet fil-livell sekondarju ġewwa n-Naxxar. Dawn għadhom joperaw.
F’Ottubru tas-sena 2012 l-iskola fil-Kulleġġ San Gorg Preca, magħrufa bħala l-Ospizio, bdiet tiffunzjona bħala Learning Support Centre għas-subien f’livell sekondarju. Dan iċ-Ċentru bħalissa qed jopera mill-kumpless Umberto Calosso taħt il-Kulleġġ Santa Tereża.
Iċ-Ċentru tal-Fortini fil-Kulleġġ Santa Margerita ukoll jilqa` fih studenti subien f’livell sekondarju li għandhom diffikulta` fl-imġiba soċjali u emozzjonali.
Sas-sena skolastika 2013/2014 l-iskola Mater Dei kienet topera bħala skola speċjali għal numru żgħir ta’ tfal b’imġiba diffiċli.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għa;fejn ingħalaq il-Learning Support Centre li kien hemm fl-Imsida?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-iskola Mater Dei, li kien hemm fl-Imsida, kienet topera bħala skola speċjali għal numru żgħir ta’ studenti subien b’imġiba diffiċli. Għalhekk inħasset il-ħtieġa li din l-iskola tingħalaq u l-funzjonijiet tagħha jiġu trasferiti għal-Learning Support Centre ġewwa Santa Venera u dak tal-Fortini.
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-Learning Support Centres li kien hemm fl-Ospizio il-Furjana ġie traferit f'post iżgħar f'Santa Venera? Jista' jikkonferma jekk hux minnu li l-Kap ta' din l-iskola u l-għalliema kienu kontra din id-deċiżjoni li ttieħdet mid-Direttorat tal-Edukazzjoni?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Learning Support Centre li kien hemm fl-Ospizio, il-Furjana ġie trasferit fil-Kumpless Umberto Calosso f’Santa Venera fejn sar tisbiħ u rranġar estensiv biex ikun jista’ jakkomoda l-bżonnijiet ta’ dan iċ-Ċentru. L-għalliema flimkien mal-Kap tal-iskola ħadmu bi sħiħ biex dan it-trasferiment iseħħ bl-inqas diffikultà possibbli.