Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #3568 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Ministeru għall-Ambjent — Computer scanners

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu computer scanners, kemm fil-ministeru kif ukoll fid-dipartimenti kollha li jaqgħu fir-responsabbilta' tad-dekasteru tiegħu, dipartiment, b'dipartiment? Jista' jgħid x'ditta huma? Meta nxtraw? Kemm swew fi spejjeż?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Jien infurmat li fid-dekasteru u d-dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħi hemm 10 scanners, kif indikat hawn isfel: DIPARTIMENT META DITTA KEMM SWEW NXTRAW -------------------------------------------------- ---------- Waste Management 1997 Philips LM 95. Building & Eng. Dept. 1998 Hewlett Packard LM140. Director General 1997 Hewlett Packard LM140. B.I.C.C. 1997 Apple Macintosh LM445. Env. Protection Dept. 1995 Genius Colour LM514. Env. Protection Dept. 1994 Page SP2 Laser Scanner 4800 SP LM514. P.C.C.U. 1998 Epson GT 6500 LM412. Waste Management 1997 Optico PRO LM 55. Segretarju Permanenti 1998 Hewlett Packard LM170. 1992 Genius M.S.U.
Leg 9 PQ #4370 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

San Pawl il-Baħar — Pompa tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal l-istudju imsemmi fit-tweġiba li tajtni għall-mistoqsija parlamentari numru 2975?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

M'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 2975.
Leg 9 PQ #4409 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għall-Ambjent

Swatar — Tiswija ta' triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi rranġata u mogħtija t-tarmac it-triq li twassal għal flats tal-gvern fis-Swatar, l-Imsida fuq in-naħa ta' wara?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #4411 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għall-Ambjent

Msida — Għajn tal-Ħasselin - Tindif

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi imnaddfa l-Għajn tal-Ħasselin, l-Imsida? Jista' l-Ministru jgħid x'jista' jsir biex l-għajn terġa' tingħata l-importanza li jixiriqilha billi tiġi rranġata, restawrata u jekk hemm bżonn anke imċaqalqa għal post ieħor aktar addattat ġewwa l-Imsida?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-proġett biex insebbħu l-Għajn tal-Ħasselin huwa maħsub li jibda għall-bidu ta' April 1999 u naturalment it-tindif isir waqt ix-xogħol ta' skavar u wara wkoll.
Leg 9 PQ #4664 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Distrett Nru. 12 — Servizz ta' drenaġġ

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari tiegħi preċedenti sabiex jiġi estiż is-servizz tad-drenaġġ fil-bliet u l-irħula tat-12-il distrett bħal Baħrija, Buskett, Rabat, eċċ, jista' l-Ministru jinformani bil-programm ta' xogħlijiet li se jsiru matul Marzu, April u Mejju ta' din is-sena f'dawn il-lokalitajiet? Jista' d-Dipartiment ta' l-Ambjent jara li l-fosos tal-Baħrija jitħammlu aktar ta' spiss peress li reġa' qed ikun hemm il-fawran tad-drenaġġ fl-inħawi ta' ġnien il-margia?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

F'Mejju ta' l-1999 mistennija ssir sejħa għall-offerti għat-tqegħid ta' 3.2 kilometri ta' mejnijiet fi Triq l-Imdina bejn ir-Rabat u Ħ'Attard, l-inħawi tal-Ħemsija u t-telgħa tas-Saqqajja. L-ebda xogħol ma huwa ppjanat li jsir fix-xhur indikati, fl-inħawi tal-Baħrija u l-Buskett. Il-kuntrattur il-ġdid li ħa l-kuntratt biex jitbattlu l-fosos ingħata struzzjonijiet ċari tad-doveri tiegħu illi l-fosos tal-Baħrija jiġu mbattlin kuljum inkluż fil-weekend.
Leg 9 PQ #4708 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Ambjent

Tigne' — Assoċjazzjoni Sportiva

Question

B'riferenza għal dak li qal il-Ministru dwar li ntlaħaq ftehim ma' l-Assoċjazzjoni Sportiva Tigne', jista' l-Ministru jgħid: (1) min huma l-għaqdiet membri ta' l-Assoċjazzjoni? (2) Min huma l-persuni li jitkellmu f'isem din l-Assoċjazzjoni? (3) Xi ftehim intlaħaq ma' l-Assoċjazzjoni u bejn min? (4) Min huma dawk l-għaqdiet li jużaw premises ġewwa Tigne'? (5) X'se jiġri minn dawn l-għaqdiet li hemm f'Tigne'?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni mitluba tkun tista' tinġabar wara l-iffirmar tal-ftehim kollu fuq Manoel Island u Tigne'.
Leg 9 PQ #4780 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Bormla — San Gwan t'Għuxa - Swar

Question

Jista' l-Ministru jara li titneħħa eyesore li hemm f'waħda mill-arkati fis-swar quddiem il-flats ta' San Gwann t'Għuxa, Bormla, peress li hemm bieb ta' l-aluminium li jistona, bil-ħġieġ kollu mkisser?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #4318 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Ambjent

Birgu — Skamps

Question

Jista' l-Ministru jieħu ħsieb li mingħajr dewmien jittieħdu passi neċessarji sabiex il-Palazz hekk msejjaħ ta' Skamps ġewwa l-Moll tal-Birgu jibda jsir ir-restawr tiegħu billi l-ewwel jiġu rranġati is-soqfa li minnhom qed tidħol kwantita' ta' ilma li qed jikkaġuna ħsara konsiderevoli lil fond ta' ħdejh, u t-tieni, li l-istudenti ta' l-Iskola Girolamo Cassar jerġgħu jtellgħu l-parti li waqgħet ma' l-aħħar Gwerra Dinjija?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Palazz imsejjaħ ta' Skamps jifforma parti mill-proġett tal-Kottonera Waterfront Development u li d-diskussjonijiet fuqhom qegħdin fi stadju avvanzat ħafna u wieħed jittama li x-xogħol ta' riabilitazzjoni u konservazzjoni tal-Palazz ikun fuq quddiem fil-prioritajiet ta' l-iżvilupp. Is-suġġeriment ta' l-Onorevoli kollega dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija Parlamentari rigward l-involviment ta' l-iskola Girolamo Cassar huwa ta' min wieħed jikkonsidrah.
Leg 9 PQ #4319 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Ambjent

Bormla — Knisja tal-Madonna tas-Sokkors

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra xi progress sar sabiex fil-futur qarib isir it-tindif, l-ewwel tal-partijiet prinċipali interni u esterni tal-Knisja tal-Madonna tas-Sokkors ġewwa Bormla, u t-tieni, tal-Mina ta' Santa Liena?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Is-suġġeriment ta' l-Onorevoli kollega ġie nnutat u nispera li x-xogħol indikat ikun jista' jsir wara li jsiru l-investigazzjonijiet neċessarji.
Leg 9 PQ #4474 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għall-Ambjent

Xrob l-Għaġin — Park nazzjonali

Question

B'riferenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 4241, jista' l-Ministru jgħid liema huwa "il-ftehim bejn il-gvern u s-sid tal-proprjeta' "L-Għarix" wara s-sentenza tal-qorti relattiva", u d-data tal-ftehim?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-ftehim bejn il-Gvern u s-sid tal-propjeta' "L-Għarix" mhu xejn ħlief dak illi ġie iffirmat fit-22 ta' Mejju ta' l-1998 li qiegħed inpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra fejn fost affarijiet oħra ġie miftiehem li: "Tiġi assenjata u trasferita biċċa art fil-Fawwara kompriżi l-benefikanti eretti fuqha" u li "fil-każ illi l-permessi tal-bini ma jkunux approvati u/jew ix-xogħlijiet ta' kostruzzjoni ma jsirux u/jew ma jiġux kompletati fi żmien sena minn meta jiġu approvati l-permessi, l-Gvern jaċċetta u jobbliga ruħu, li jassenja lill-familja Mintoff jew akkomodazzjoni alternattiva aċċettabbli mill-istess familja Mintoff fid-diskrezzjoni esklussiva tagħha jew, alternattivament, li jħallas lill-istess familja Mintoff dik is-somma li tiġi talvolta maqbula bejn il-Gvern u l-familja Mintoff".
Leg 9 PQ #4692 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Ambjent — Impjegati - overtime

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar għoti ta' overtime fis-sezzjoni tas-salarji tad-Dipartiment ta' l-Ambjent (xogħlijiet)? Jista' l-Ministru jagħti r-raġunijiet għaliex qiegħed jingħata dan l-overtime?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Jien infurmat li l-overtime li qed isir bħalissa fis-Salaries Section ikopri tibdil fil-cards tas-Salarji dwar l-increments li jibdew iseħħu mill-1/1/99 flimkien mal-'cost of living increase'. Jingħata bidu għal return ta' l-Allowances għas-sena 1998 flimkien ma' tibdil tar-rata ta' l-Overtime, Allowances eċċ. Ħlas ta' arretrati għal dawk l-impjegati li rtiraw jew ġew boarded out bejn is-snin 1996 sa 1998 u ġbir ta' informazzjoni dwar l-istess impjegati f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-unpaid leave u sick leave. Iċċekkjar u mpustar tal-P3 forms għas-sena 1998. Tajjeb li l-Onorevoli Membru jkun jaf li t-Taqsima tas-Salarji tieħu ħsieb il-ħtiġijiet ta' madwar 1600 impjegat.
Leg 9 PQ #4695 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru għall-Ambjent

Ħsarat kaġunati minn għargħar

Question

Billi ċerti residenti f'Cane Street u Mannarino Road Birkirkara li kellhom il-proprjeta' tagħhom imħassra bl-għargħar li seħħ f'Jannar 1998, kienu għamlu talba għal kumpens, jista' l-Ministru jgħid jekk dawn humiex se jiġu kkumpensati għall-ħsara meta dawn diġa' ġew ikkumpensati għall-għargħar fl-1979?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ma ninsabx infurmat illi hemm xi talba pendenti fis-sena indikata mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 9 PQ #3492 Sitting 65 1999-02-17 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

San Ġiljan — Triq B'Kara - Għargħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi biex jitnaqqsu l-għargħar li jkun hemm fi Triq B'Kara, f'San Ġiljan kull darba li tagħmel ix-xita?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li t-Taqsima tax-Xogħlijiet qed tagħmel studju sabiex il-mina ta' l-ilma tax-xita li saret mill-Wied tal-Ballut, titkompla bl-istess mod sa fejn hemm it-Traffic Lights. B'hekk tiġi evitata l-possibilta' ta' għargħar li jkun hemm f'dawn l-inħawi.
Leg 9 PQ #4164 Sitting 64 1999-02-16 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Rabat — Ħitan tas-sejjieħ

Question

B'riferenza għax-xogħlijiet ta' bini ta' ħitan tas-sejjieħ li qed jissoktaw fi Triq Prinċipali li tagħti għar-Rabat u peress li kienu saru arranġamenti sabiex id-dipartiment jagħmel gates ġodda fl-entraturi tar-raba' ħalli jgħin lill-bdiewa u fl-istess ħin ikunu aktar kompatibbli ma' l-ambjent ta' l-inħawi, jista' l-Ministru ġentilment jirrimedja sabiex dawn ix-xogħlijiet ċioe' l-gates (xatba) jsiru u jitwaħħlu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li ma jirriżultax li qatt saru arranġamenti mad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent biex dan jagħmel gates ġodda fl-entraturi tar-raba' fi Triq Prinċipali li tagħti għar-Rabat u fil-fatt l-istess Dipartiment qatt ma għamel gates għal dana l-iskop.
Leg 9 PQ #4534 Sitting 64 1999-02-16 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Għajn Dwieli — Mina

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jitkompla x-xogħol fuq il-mina ta' Għajn Dwieli?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

M'għandi xejn aktar x'inżid mar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3873.
Leg 9 PQ #4580 Sitting 64 1999-02-16 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru għall-Ambjent

Ministeru għall-Ambjent — Għamara

Question

B'riferenza għall-perijodu 1 ta' Novembru, 1998 sal-31 ta' Jannar, 1999 u għad-dekasteru li għalih hu responsabbli, jista' l-Ministru jagħti lista ta' kuntratti li saru ta' ġarr ta' għamara ta' uffiċini li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt jindika: (a) min kienu l-persuni li għamlu l-award; (b) lil min intalbu quotations; (ċ) kemm kienet kull kwota; (d) min rebaħ il-kuntratt; (e) ingħataw extensions fuq il-kuntratt oriġinali u jekk fl-affermattiv jgħid fiex kienu jikkonsistu u kemm kien il-valur totali tagħhom?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Jien infurmat li matul il-perjodu bejn l-1 ta' Novembru 1998 u l-31 ta' Jannar 1999 ma ingħata l-ebda kuntratt mill-Ministeru għall-Ambjent għal ġarr ta' għamara ta' uffiċini.
Leg 9 PQ #3324 Sitting 63 1999-02-15 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Ministeru għall-Ambjent — Kartolini tal-Milied

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dettaljata ta' kemm laħqet l-ispiża għall-istampar jew xiri ta' kartolini għall-Milied 1998 u kemm ġiet tiswa l-ispiża postali konnessa ma' dawn il-kartolini, kemm mill-Ministeru, kemm mid-dipartimenti li jaqgħu taħtu, dipartiment b'dipartiment, u kemm mill-uffiċċju tas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru? Jista' l-Ministru jgħid fejn ġew stampati l-imsemmija kartolini? Jista' jgħid lil min intbagħtu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-ispiża għax-xiri ta' kartolini għall-Milied 1998 (inkluż l-istampar) kienet ta' Lm1284.50 filwaqt li l-ispiża postali konnessa ma' dawn il-kartolini kienet ta' Lm69 għall-Ministeru u ta' Lm6 għall-uffiċċju tas-Segretarju Permanenti. Dawn il-kartolini ġew stampati mid-ditta Masprint u intbagħtu lill-Ministeri oħra, Membri Parlamentari, kapijiet u uffiċjali għolja fis-Servizz Pubbliku, u Korpi Kostitwiti. Intbagħtu wkoll kartolini lill-membri tal-pubbliku, fost l-oħrajn biex jiġu reċiprokati xewqat għal dawn il-festi li jkunu waslu mingħand il-pubbliku.
Leg 9 PQ #4257 Sitting 63 1999-02-15 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għall-Ambjent

Ambjent — Infiq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus fil-ministeru tiegħu bejn il-5 ta' Settembru, 1998 u l-31 ta' Jannar, 1999; f'riċevimenti, f'safar, f'petrol u diesel u f'pagi għall-impjegati?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant dwar infiq li sar mill-Ministeru għall-Ambjent bejn il-5 ta' Settembru 1998 u l-31 ta' Jannar 199 hi kif ġej: Riċevimenti - Lm 5668.35 Safar - Lm 10800.68 Petrol - Lm 3027.66 Diesel - Xejn Pagi - Lm124305.65
Leg 9 PQ #4511 Sitting 63 1999-02-15 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru għall-Ambjent

Ambjent — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-istatut uffiċjali u x'inhu r-rwol eżatt tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament li bħalissa jirraporta għax-xogħol fid-dipaartiment tal-Ħarsien ta' l-Ambjent?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-persuna li isimha intbagħat separatament għandha l-grad ta' Chief Scientific Officer u bħalissa qed tassisti lill-Aġent Direttur fit-tmexxija tad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent.
Leg 9 PQ #4513 Sitting 63 1999-02-15 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru għall-Ambjent

Sant'Antnin — Impjant ta' riċiklaġġ

Question

B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 753, jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-istudji dwar il-composting plant ta' Sant'Antnin u jaħsibx li qorob biex jiddeċiedi liema sistema titħaddem fl-impjant fil-futur?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-aħjar sistema li għandha tintuża fil-'composting plant' ta' Sant'Antnin għadha qed tiġi analizzata. Ninsab infurmat illi s'issa s-sistema tal-'composting Eco-Pod' tat riżultati pożittivi u jekk ikun hemm sistema oħra trid tkun sistema li hija aħjar minn dik li hemm s'issa.