Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat bejn il-Ministeru u l-Istitut ta' l-Agrikoltura ta' l-Universita' ta' Malta?
Meta saru, min kienu l-persuni/uffiċjali preżenti u x'ġie diskuss?
X'kien il-programm taż-żewġ naħat għal dawn l-aħħar għaxar xhur?
Response (ZAMMIT, NINU)
Saru diversi laqgħat bejn il-Ministeru u l-Istitut tal-Agrikoltura ta' l-Universita' ta' Malta. F'dawn il-laqgħat, fost affarijiet oħra, ġie diskuss programm ta' koperazzjoni ma l-Universita' ta' Udine.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew finalizzati rapporti fil-laqgħat li saru bejn l-uffiċjali Maltin u ta' l-Unjoni Ewropea dwar tibdil li jrid isir fis-setturi lokali sabiex dawn ikunu konformi mal-CAP? Jista' l-Ministru jpoġġi kopja ta' dawn ir-rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ma saru ebda laqgħat bejn uffiċjali Maltin u ta' l-Unjoni Ewropea dwar tibdil li jrid isir fis-settur lokali sabiex dawn ikunu konformi mal-CAP. Huwa mistenni li l-bilateral screening dwar l-Agrikoltura jibda s-sena d-dieħla.
B'riferenza għall-prezzijiet sussidjati tal-bdiewa tal-pajjiżi membri, jista' l-Ministru jinformana x'varjazzjoni ta' prezzijiet jeżistu fl-Unjoni Ewropea meta paragunati ma' prezzijiet ta' prodotti tal-bdiewa u raħħala Maltin u Għawdxin bħal fil-każ ta' produzzjoni ta' tadam għal għasir, majjal frisk, tiġieġ friski, bajd frisk, eċċ, fid-diskussjonijiet li kellhom l-uffiċjali Maltin ma' uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea dwar is-settur tal-biedja u l-impatt ta' sħubija sħiħa?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-prezzijiet tal-prodotti tal-Agrikoltura fl-Unjoni Ewropea jvarjaw skond is-suq intern u s-suq internazzjonali, minn lokalita' għall-oħra u minn żmien għal żmien. Għaldaqstant wieħed ma jistagħx jagħmel paraguni diretti bejn dawn il-prezzijiet u prezzijiet f' Malta.
Peress li f'mistoqsijiet parlamentari numri 8122 u 8238 m'hemmx informazzjoni kemm kien l-overprice fuq il-varjeta' Alpha għall-istess perjodu, jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-overprice fuq il-varjeta' Alpha bikrija?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Dipartiment ta' l-Agrikoltura u Sajd — Sħubija fl-UE
Question
Jista' l-Ministru jgħid min kienu l-uffiċjali tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura, Sajd Akwakultura li mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn intbagħtu sabiex jiddiskutu u/jew jaġġornaw ruħhom dwar l-applikazzjoni ta' Malta għal sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea? F'liema pajjiżi marru, x'kienu l-ispejjeż involuti u x'riżultati nkisbu? Meta se jkomplew d-diskussjonijiet?
Response (ZAMMIT, NINU)
Sal-lum, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru, id-Direttur tal-Agrikoltura, id-Direttur tas-Servizzi Veterinarji, ic-Chief Scientific Officer fid-Dipartiment tal-Agrikoltura, u d-desk officer tal-EU fil-Ministeru pparteċipaw fil-proċess ta'screening fi Brussels. Il-proċess tas-screening hu wieħed fejn jiġu eżaminati r-regolamenti tal-Unjoni Ewropeja. Fil-qasam tal-agrikoltura saru biss żewġ laqgħat ta' 'screening multilateral' jiġifieri flimkien ma pajjiżi oħra applikanti. L-ispiża għall-dawn il-laqgħat kienet ta' Lm5,393.42. F'Settembru huwa maħsub li jsir multilateral screening ieħor dwar l-Aġenda 2000.
Jista' l-Ministru jagħti breakdown tax-xogħlijiet li saru fuq il-proġett ta' riabilitazzjoni ta' Wied il-Qlejja mill-5 ta' Settembru 'l hawn? Kemm intnefqu flus f'dawn ix-xogħlijiet u kemm saru laqgħat mad-diriġenti Taljani ta' Bari li huma l-konsultenti tal-proġett?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-5 ta' Settembru sa l-aħħar ta' Ġunju 1999 saru dawn ix-xogħolijiet fuq il-proġett ta' Wied il-Qlejgħa:
F'Settembru sar tindif ġenerali u tħammil wara d-diega ta' Wied Għomor u tħammil ieħor konness mal-bini tas-slieħi li ġew irranġati. B'kollox inbnew:
171 Gabjuni ta' 2 x 1 x 1 metri
4.5 Materassi ta' 4 x 2 x .23 metri
F'Ottubru kompla t-tindif u tħammil fit-tieni parti tal-proġett kif ukoll ġie mnaddaf mill ġdid l-ewwel diega li nbniet fl-ewwel parti tal-proġett li ntliet bin-naqal wara l-maltemp. F'dan ix-xahar inbnew:
23 Gabjuni 2 x 1 x 1 metri
12 Gabjuni 1.5 x 1 x 1 metri
19 Gabjuni 3 x 2 x .5 metri
F'Novembru kompla t-tħammil u tindif u nbniet selħa bis-sistema tat-Terramesh. B'kollox intużaw:
24 unit ta' Terramesh 4 x 4 x 2 x .5
8 Gabjuni 2 x 1 x 1 metri
F'Diċembru, Jannar u Frar ix-xogħol kellu jieqaf peress li l-inġenji ma setgħux jidħlu fil-wied.
F'Marzu beda jsir xi xogħol żigħr fejn inbnew 15 il-Gabjun 2 x 1 x 1 metri.
F'April spiċċa t-tender li kellu l-kuntrattur fejn bena 69 Gabjun 2 x 1 x 1 metri.
F'Mejju u Ġunju ma sarx xogħol pero saru preparazzjonijiet biex tkun tista' toħroġ tender ġdida għax-xogħol li fadal.
Bejn Settembru u Diċembru tneħħew mill-wied 146 trakkijiet ta'materjal. Il-ħamrija ingħatat lill-bdiewa u l-ġebel intrefa biex jerġa' jintuża.
Dawn ix-xogħolijiet swew:
Inġenji u fuel : Lm5,688
Gabjuni u Terramesh: Lm14,994
F'Novembru u Diċembru kien hawn żewġ delegazzjonijiet minn Bari għal diskussjonijiet dwar il-proġett.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 8239, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra għaliex ma ġiex esportat ebda dulliegħ lejn il-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea? X'kuntatti saru fil-fatt mill-5 ta' Settembru 'l hawn sabiex jiġi esportat dan il-prodott? Fejn saru, meta u x'kienu r-riżultati?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ma kien hemm ebda talba għall-esportazzjoni tad-dulliegħ. Intopp ewlieni għall-esportazzjoni tad-dulliegħ lejn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea huwa bla dubju d-dazju li dan iħallas biex jidħol fl-Unjoni. fl-1996 Gvern Nazzjonalista kien ottjena kowta ta' dulliegħ bla dazju, iżda minnħabba li l-Gvern Laburista kien iffriża l-applikazzjoni, il-ftehim ma seħħx u n-negozjati għandhom jibdew mill-ġdid.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-kwantita' u l-prezz ta' ħawħ frisk fil-Pitkalija ċentrali għall-istaġun tas-sena 1997, 1998 u 1999?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ħawħ
Sena Piż (Kgs) Valur (Lm) Prezz Medju
1997 552,623 181,903.74 32.92
1998 610,689 193,861.18 31.74
Peress li l-istaġun ta' din is-sena (1999) għadu ma għalaqx l-informazzjoni relattiva tingħata aktar tard.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat mal-koperattivi tal-bdiewa, sajjieda u raħħala u produtturi sabiex il-Ministeru jinfurmahom bl-iżviluppi li qed ikollhom l-uffiċjali tad-Dipartiment tal-Biedja u Sajd dwar l-applikazzjoni ta' sħubija sħiħa ta' Malta fl-Unjoni Ewropea? Meta saru u x'rapporti tqassmu? X'kienet ir-reazzjoni tal-koperattivi għal dawn ir-rapporti u jew tagħrif?
Response (ZAMMIT, NINU)
Qed jitħejja programm ta' laqgħat mal-koperattivi tal-bdiewa u raħħala sabiex il-produtturi fil-qasam tal-Agrikoltura jiġu nfurmati dwar l-opportunitajiet u l-isfidi li toffri sħubija sħiħa ta' Malta fl-Unjoni Ewropeja.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn bdiewa u sajjieda fulltime u part-time llum? Kemm ħareġ flus il-gvern f'forma ta' għajnuna finanzjarja lill-bdiewa u sajjieda sena b'sena f'dawn l-aħħar ħames snin?
Response (ZAMMIT, NINU)
In-numru ta' bdiewa u sajjieda irreġistrati full-time mal-E.T.C. huma 2515.
Hemm 1,569 sajjieda part-time reġistrati mad-Dipatiment tas-Sajd. Skond iċ-ċensiment ta' l-Agrikoltura tal-1991 hemm 21,418 bdiewa part-time.
L-għajnuna finanzjarja lill-bdiewa u s-sajjieda li ħareġ il-Gvern f'dawn l-aħħar ħames snin kienet hekk:
1995 Lm 53,363.29
1996 Lm144,077.95
1997 Lm 83,847.48
1998 Lm 66,477.50
1999 Lm 29,511.39 (sal-lum).
Il-figura tal-1999 tirrifletti l-ħlasijiet li saru matul is-sena sal-lum, il-parti l-kbira jikkonsistu f'sussjidju fuq interessi ta' self mill-banek. Barra dan il-ħlas, il-Gvern approva wkoll għajnuna ta' Lm50,000 bħala kumpens għall-ħsarat tal-maltempata tal-1998.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' frott, ħxejjex u ħut importat din is-sena? Kemm kien il-valur ta' dawn il-prodotti?
Response (ZAMMIT, NINU)
Dwar l-ammont ta' frott u ħxejjex importati din is-sena nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari numru 9422. Statistika dwar il-valur ma tinżammx mid-Dipartiment ta'l-Agrikoltura iżda mid-Dipartiment ta'l-Istatistika.
L-ammont ta' ħut importat sa Settembru 1999 huma hekk:
Kilos Lm
Ħut Friżat 1,463,315 1,591,254
Ħut Frisk 15,546 64,200
_________________________________________ ____
Total 1,478,861 1,655,454
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie esportat ħut u/jew ħlejjaq oħra tal-baħar is-sena l-oħra u din is-sena? Kemm minn dan kien ħut mill-fish farms u kemm kien ħut maqbud mill-baħar?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-esportazzjoni għas-snin 1998 u 1999 (sa Awissu) hija kif isegwi hawn taħt:
1998 1998 1999
(sa Awissu) (sa Awissu)
Ħut maqbud mill-baħar 130,156 127,105 115,062
Fish Farms 1,852,000 1,413,149 1,235,000
Peress li l-Ministru ma weġibx parti mill-mistoqsija parlamentari numru 8122 u ċioe' ma qalx kemm kienu l-prezzijiet li ġabet il-patata ta' Malta esportata fl-ewwel erba' ġimgħat tas-suq tas-sena 96, 97 u 98, jista' l-Ministru fil-fatt jwieġeb?
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-over price f'dawn l-ewwel erba' ġimgħat tas-suq ta' snin imsemmija li ġab dan il-prodott?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Peress li l-Ministru fi tweġiba numru 8119 qal li ż-żjarat dejjem laħqu l-għanijiet tagħhom u dan għal ġid ukoll tal-bdiewa, raħħala u sajjied, jista' l-Ministru jgħid x'riżultati kisbu l-bdiewa, raħħala u sajjied?
X'pariri ġodda ngħataw lill-bdiewa, raħħala u sajjieda u/jew il-koperattivi tagħhom b'riżultat ta' dawn id-delegazzjonijiet?
Response (ZAMMIT, NINU)
Fost ir-riżultati li nkisbu hemm:
1. Għajnuna teknika mill-Italja sabiex jiġi ppreparat pjan strateġiku għall-marketing tal-ħut li jinkludi bini ta' pixkerija ġdida.
2. Il-bejgħ tal-patata bikrija tal-varjeta' Sante' fis-swieq Ewropej.
3. Roħs fil-prezz tal-patata taż-żriegħ tal-varjeta' Alpha.
Fost il-pariri li ngħataw lill-bdiewa, raħħala u sajjieda hemm:
1. L-Integrated Pest Management fis-serer.
2. Żriegħ tal-patata bikrija tal-varjeta' Sante'.
3. Tkabbir u tmiegħ ta' mgħalef aħjar għall-produzzjoni tal-ħalib.
4. Kura aħjar tat-tonn sabiex titjieb il-kwalita'.
5. It-taħwil ta' dwieli tal-varjetajiet klassiċi għall-produzzjoni tal-inbid ta' kwalita' għolja.
Jista' l-Ministru jgħid jekk mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn ġewx impjegati biċċiera fil-Biċċerija? Jista' jgħid ukoll huwiex il-ħsieb li fil-futur qarib jiġu mpjegati biċċiera fil-Biċċerija?
Response (ZAMMIT, NINU)
Mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn ġew re-impjegati 6 biċċiera b'kuntratt għal sena. Sadanittant, ħarġu 'internal calls' for applications għal biċċiera. Qegħdin isiru preparazzjonijiet biex joħorġu applikazzjonijiet għall-biċċiera minn barra s-servizz pubbliku, filwaqt li qiegħed jitħejja kors għall-biċċiera b'kolaborazzjoni mal-ETC.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 8129 u jinkludi wkoll ix-xahar ta' Ġunju?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-prezz medju tat-tadam fil-Pitkalija Ċentrali għall-bdiewa matul il-perjodu ta' Jannar u Ġunju 1999 kien hekk:
1999 Piż (Kgs) Lm Prezz Medju
Jannar 178,197 37,707 21.16
Frar 135,777 44,686 32.91
Marzu 205,729 52,876 25.70
April 217,178 65,369 30.10
Mejju 332,582 79,681 23.96
Ġunju 505,356 50,421 09.98
Il-prezz għall-istess perjodu għas-snin 1995, 1996, 1997 u 1998 kienu hekk:
1995 Piż Lm Prezz Medju
Jannar 176,266 55,116 31.2
Frar 195,533 38,478 19.6
Marzu 123,703 49,471 39.9
April 164,772 63,846 38.7
Mejju 167,403 80,139 47.8
Ġunju 362,457 54,886 15.1
1996 Piż Lm Prezz Medju
Jannar 141,072 37,940 26.8
Frar 153,381 53,286 34.7
Marzu 132,883 58,246 43.8
April 135,158 97,852 72.3
Mejju 207,254 88,493 42.6
Ġunju 519,492 46,456 08.9
1997 Piż Lm Prezz Medju
Jannar 198,091 37,606 18.98
Frar 159,237 54,809 34.42
Marzu 163,762 54,301 33.16
April 187,132 77,792 41.57
Mejju 308,578 62,215 20.16
Ġunju 484,854 68,794 14.19
1998 Piż Lm Prezz Medju
Jannar 140,209 57,877 41.28
Frar 127,909 54,985 42.99
Marzu 133,481 69,977 52.43
April 197,448 76,910 38.95
Mejju 291,209 78,220 26.86
Ġunju 562,080 54,911 09.77
Jista' l-Ministru jgħid min kienu jew se jkunu l-uffiċjali ta' l-UE li se jiltaqgħu mal-koperattivi tal-bdiewa u raħħala Maltin u Għawdxin? Meta saru u/jew se jsiru dawn il-laqgħat? X'regolamenti jridu jaddottaw il-koperattivi sabiex ikunu konformi mar-regoli u l-liġijiet ta' l-Unjoni, settur b'settur? Jista' l-Ministru jpoġġi r-regoli li tqassmu u/jew ġew diskussi mal-koperattivi f'dawn il-laqgħat li saru u li se jsiru?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Unjoni Ewropea qegħda dejjem issaħħaħ l-għaqdiet tal-produtturi fl-oqsma tal-Biedja u tas-Sajd. Għaldaqstant ġew stabbiliti kriterji sabiex dawn l-għaqdiet jiġu rikonoxxuti u l-formazzjoni tagħhom mħajjra. Il-Ministeru qed jieħu ħsieb sabiex jifformola l-qafas legali dwar dawn l-għaqdiet. Sa issa ma saru ebda laqgħat uffiċjali tal-UE dwar dan il-proċess.
Jista' l-Ministru jinformani min kien l-uffiċjal ta' l-UE li ltaqa' mal-koperattivi tas-sajjieda Maltin? Meta saru l-laqgħat, x'ġie diskuss u x'regolamenti ngħataw il-koperattivi tas-sajjieda sabiex dawn ikunu mgħarrfa bis-sistemi l-ġodda li pajjiżna jrid jaddotta ta' sħubija sħiħa?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-Koperattivi tas-Sajjieda Maltin ma ġew ippreżentati lill-ebda uffiċjal tal-Unjoni Ewropeja iżda ġew imlaqqa ma żewġ konsulenti Taljani li qegħdin jistudjaw is-swieq tal-ħut. Ma ġew mogħtija l-ebda direttivi lis-sajjieda Maltin iżda żgur wasal iż-żmien li norganiżżaw aħjar is-suq tal-ħut Malti.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 8098 u l-laqgħat tal-Mixed Commission bejn Malta u l-Libja, jista'l-Ministru jaġġornani x'sar u meta f'dawn il-laqgħat ta' bejn iż-żewġ pajjiżi ġie diskuss dan il-protokoll? Xi proposti kien hemm u x'mistenni jiżviluppa fil-ġejjieni bejn iż-żewġ pajjiżi f'dawn is-setturi?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.