Legislature:
Category:
Reset
Active:

Heritage Malta – proċedura għal ħruġ ta’ transfers interni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Heritage Malta għandhiex proċedura ta’ kif jinħarġu t-transfers interni? Jekk fil-pożittiv, jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra din il-proċedura? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid għaliex transfers jingħataw bla proċedura stabbilita? Jista’ wkoll jgħid għaliex is-CEO jew l-Acting HR Manager ġieli joħroġ sejħa għal transfer u ġieli t-transfer jaqbad u jingħata?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li ċaqlieq intern ta’ impjegati ma jistax jiġi meqjus kollu l-istess, iżda kull każ għalih skond iċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu. Madanakollu dan dejjem isir skond l-esiġenzi u fl-aħjar interess tal-Aġenzija, sa mit-twaqqif ta’ Heritage Malta fl-2003.

Heritage Malta – self ta’ oġġetti mill-kollezzjoni nazzjonali għar-riċerka

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk riċerkaturi privati għandhomx il-faċilità li jisselfu oġġetti li jiffurmaw parti mill-kollezzjoni nazzjonali ta’ Heritage Malta għar-riċerka tagħhom? Jekk fil-pożittiv, hemm xi proċedura stabbilita u fil-każ jinfurmana biha?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li riċerkaturi privati għandhom biss permess li jistudjaw oġġetti waqt li jkunu fil-mużew, wara li jkun sar appuntament mal-kuratur rispettiv. Madanakollu dan ma japplikax għal specimens tal-kollezzjoni tal-istorja naturali, fejn hija prassi internazzjonali li specimens jitħallew joħorġu mill-mużew għal studji partikolari, u wara jiġu rritornati. Dan isir minħabba li jeżistu iżjed minn eżemplar wieħed ta’ ċerti specimens, u ovjament wara li jkunu ttieħdu l-prekawzjonijiet kollha tal-każ.

Heritage Malta – portable toilets fejn l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex is-CEO ta' Heritage Malta ta l-permess li jitqiegħdu portable toilets fuq il-bankina eżatt ħdejn il-bieb prinċipali tal-Ipoġew ta' Ħal Saflieni? Ma jaħsibx il-Ministru li b'hekk, naqqas l-aċċessibilità fuq il-bankina pubblika għall-persuni li jagħmlu użu ta' din iż-żona?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa obbligu legali li l-ħaddiema li jkunu qed jaħdmu f’xi sit ikollhom faċilitajiet bażiċi bħal dawn. Fl-Ipoġew ma kienx possibbli li l-mobile toilets jitpoġġew ġewwa minħabba x-xogħol infrastrutturali maġġuri li għaddej bħalissa permezz tal-proġett ko-finanzjat mill-Fondi Norveġiżi. Għalhekk dawn kellhom temporanjament jitpoġġew barra fl-uniku post possibbli – fuq il-bankina. Dan sar bil-permess tal-Kunsill Lokali. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li minn dak iż-żmien ’l hawn, peress li ċertu xogħlijiet fl-Ipoġew tlestew, il- mobile toilets imsemmija ddaħħlu ġewwa u probabbilment mhux se jerġa jkun hemm ħtieġa li jerġgħu jinħarġu barra.

Heritage Malta — proġetti

Question

Apparti l-proġett tal-Gozo Museum, li huwa proġett imwelled mill-Ministeru għal Għawdex, jista' l-Ministru jgħid xi proġetti kapitali Heritage Malta bdiet minn Marzu 2013 s’issa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-progett tal-Gozo Museum ġie kkonċeput u mwelled minn Heritage Malta, u qed jiġi amministrat bil-kollaborazzjoni tal-MGOZ. Ninsab infurmat li minn Marzu 2013 sa issa Heritage Malta (minbarra li kkonkludiet għadd ta’ proġetti oħra) bdiet dawn il-progetti. Qed nillimita ruħi għall-proġetti maġġuri biss: · Riabilitazzjoni tal-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni · Riabiltazzjoni tal-Palazz tal-Granmastru · Mużew tal-Arti ġdid (MUZA) · Restawr tal-bitħa interna u tal-Grand Salon tal-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija · Restawr tal-btieħi u facċċati tal-Palazz tal-Inkwiżitur · Restawr tal-faċċati u turretti tal-Mużew Marittimu · Restawr u rikostruzzjoni tal-Mitħna ta’ Kola · Restawr tal-btieħi tal-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali Barra minn hekk, ta’ min ifakkar ukoll lill-Onor. Interpellant li fl-istess żmien Heritage Malta kkonkludiet proġetti oħrajn maġġuri, fosthom Forti Sant’ Anġlu, Forti Sant’ Iermu, il-Katakombi ta’ San Pawl, it-Tempji ta’ Ħal Tarxien, it-Tempji tal-Ġgantija, u il-Katakombi ta’ Bistra.

New York u Pariġi – xogħol ta’ Valentin de Boulogne – persuni

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet tal-individwu/i li akkumpanjaw (jew li se jakkumpanjaw) ix-xogħol ta' Valentin de Boulogne fit-triqithom lejn New York u Pariġi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fil-vjaġġ minn Malta għal New York il-pittura msemmija ġiet akkumpanjata mill-kuratur anzjan tal-Mużew tal-Arti, filwaqt li fil-vjaġġ minn New York għal Pariġi se tkun akkumpanjata mill-konservatur prinċipali tal-pitturi.

Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali – persuni ngaġġati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni ġodda ġew ingaġġati mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali tul is-sena li għaddiet u f’liema grad? Jista’ jgħid x’sejħiet ġodda se jkun hemm tul din is-sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Fis-sena 2016 ġew impjegati ħames avukati fi grad ta’ trainee lawyers. Għas-sena 2017 hemm pjanat; 1. sejħa ta’ żewġ trainee lawyers ġodda u 2. sejħa ta’ żewġ trainee lawyers u avukat li huma replacement ta’nies li rreżżenjaw matul 2016. 3. sejħa ta’ tlett Higher Clerical Officers li huma replacement ta’nies li rrezzenjaw matul 2016.

Heritage Malta — Chief Curator

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta Heritage Malta se toħroġ il-post ta' Chief Curator? Jista' jgħid jekk kandidati bil-livelli ta' MQF 8 hux se jingħataw preferenza?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kariga msemmija timtela’ meta jkun il-waqt opportun skond l-esigenzi tal-agenzija, bil-kwalifiċi meħtieġa għall-pożizzjoni msemmija.

Heritage Malta — Seniro Executive, Priciple Curator/Conservator - time off in lieu

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ħaddiema ta' Heritage Malta li huma fil-grad ta' Senior Executive, Principle Curator/Conservator humiex intitolati għal time off in lieu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-pożizzjoni ta’ Senior Executive, Principle Curator/Conservator ma tinkludix overtime u għalhekk dawk l-uffiċjali f’dawn il-pożizzjonijiet mhumiex intotolati għal time off in lieu.

Heritage Malta — skema ġdida għall-istudenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex kien hemm numru ta' ħaddiema ta' Heritage Malta li lanqas biss ġew informati fuq l-iskema ġdida għall-istudenti li ġiet imnedija f'Settembru? Jista' jgħid għaliex din l-inizjattiva pożittiva ma ġietx ikkomunikata b'mod professjonali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li ma jirriżultax li kien hemm xi impjegati ta’ Heritage Malta li ma kienux jafu b’din l-inizjattiva, li ġiet ikkomunikata fuq il-mezzi kollha tax-xandir.

Heritage Malta – direct orders

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27811, jista' l-Ministru jispjega għaliex fl-2015, inħarġet direct order għal Provision of Turnstiles and Data Barcode Readers - Fort St Elmo għal kumpanija waħda filwaqt li fl-2016, inħarġet direct order oħra għall-Provision of Supply of Turnstiles for Various HM Sites lill-kumpanija oħra? Jista' jgħid għaliex għaż-żewġ direct orders, ingħata r-raġuni ta' Sole supplier - compatibility with ticketing software?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Heritage Malta Bighi Head Office – problemi sanitarji

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10392, jista' l-Ministru jgħid jekk din is-sena kif ukoll fl-2015, Heritage Malta għamlitx testijiet (għal fini ta' saħħa u sigurtà tal-ħaddiema) fuq is-sistema tal-ilma ġewwa l-bini tal-Head Office f'Bighi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fis-sentejn imsemmija saru t-testijiet meħtieġa. Ir-riżultati juru li l-ilma hu tajjeb u bla problemi.

Belt Valletta — Heritage Malta - proprjetajiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il proprjetà Heritage Malta għandha ġewwa l-Belt Valletta li taqa' taħt ir-responsabilità tagħha u kemm minnha mhux qed tintuża? Jista' jelenka s-siti li qed jintużaw u dawk li mhumiex jintużaw?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li Heritage Malta fil-Belt Valletta ghandha il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, il-parti ta’ fuq ta’ Forti Sant’ Iermu, l-Armerija u l-Istate Rooms fil-Palazz tal-Granmastru, u l-Knisja tal-Pilar. Il-proprjetajiet kollha jintużaw. L-ex Mużew Nazzjonali tal-Arti jinsab magħluq.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern lokali, Kunsilli Lokali u dipartimenti – ħlas lill-individwi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 29370, 29116 u 29028 u jgħid kemm intefqu flus li ngħataw lil individwi li b'xi mod taw is-servizzi tagħhom lill-kunsill lokali, dipartiment jew segretarjat jew Ministeru, u li tħallsu mill-voti tal-istess dipartiment, segretarjat jew Ministeru, sena b'sena fl-2014, 2015 u 2016 sal-aħħar ta’ Novembru 2016?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi dawk l-individwi illi b’xi mod jew ieħor taw xi servizz lid-Dipartiment għall-Gvern Lokali u li tħallsu mill-vot tal-istess Dipartiment. Dawn jinkludu ukoll membri ta’ diversi bordijiet. Background: Din l-informazzjoni ingabret mis-sistema tad-DAS tad-DLG u ghaldaqstant jista jkun li hemm xi ismijiet ta’ individwi illi fil-fatt ikunu ta’ kumpanija. It-tabella ma tinkludix informazzjoni ta’ ħlasijiet mill-voti tas-Segretarjat u Ministeru.

Liċenzja tat-televiżjoni — każ ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġi kkuntattjat l-individwu li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament rigward problema dwar il-liċenzja tat-televiżjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Napprezza jekk l-Onor. Interpellant, anke privatament, jgħaddili dokument li fih jispjega x’inhi l-problema li qed jirriskontra s-sinjur sabiex inkun nista’ nifhem aħjar x’inhu l-każ.

Kumpens għad-danni minħabba għargħar – każ ta’ individwu

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġi kkuntattjat l-individwu li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament rigward kumpens għad-danni minħabba l-għargħar hekk skont kif inqatgħat is-sentenza tal-qorti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jinforma lill-persuna li qed jirreferi għaliha sabiex tagħmel kuntatt mal-avukat tagħha sabiex tingħata spjega tas-sentenza u, jekk effettivament hija rebħet kumpens, tiġi gwidata minnu stess kif għandha tipproċedi.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — persuni f'position of trust

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni fuq position of trust minn Marzu 2013 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza? Minn dawn, kemm saru tal-post għax ġew assorbiti fis-Servizz Pubbliku u b'hekk ma baqgħux fuq position of trust?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Is-Siġġiewi, Ħal Qormi u Ħal Luqa – road humps/sleeping policeman

Question

Jista' l-Ministru jindika kemm hemm road-humps / sleeping policeman ġewwa l-lokalitajiet tas-Siġġiewi, Ħal Qormi u Ħal Luqa?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsilli Lokali rispettivi li hemm tmienja u sittin (68) road hump f’Ħal Qormi, tnax (12)-il road hump f’Ħal Luqa u wieħed u għoxrin (21) fis-Siġġiewi.

Ordinanza dwar id-Drittijiet ta’ Xhieda – tariffi riveduti

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġu riveduti t-tariffi fl-iskeda kollha tal-Kap. 108 tal-Liġijiet ta’ Malta (Ordinanza dwar id-Drittijiet ta' Xhieda)?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn it-tariffi kienu saru ħafna snin ilu u ilhom snin twal ma jiġu applikati u għalhekk il-Gvern ma jarax l-utilità li din l-Ordinanza tiġi emendata.