Legislature:
Category:
Reset
Active:

Servizz Pubbliku

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hawn ħaddiema mas-settur pubbliku (ċivil) fuq kuntratt definit tax-xogħol u kemm hawn ħaddiema mas-settur pubbliku - kumpanniji, korporazzjonijiet statali - fuq kuntratt definit tax-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha ser tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Sptar Mater Dei — Xiri ta' apparat mediku

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16230 u jgħid: B'riferenza għall-informazzjoni dwar xiri ta' apparat għall-isptar Mater Dei li tpoġġiet fuq il-mejda tal-Kamra (PL3740) nhar l-Erbgħa 28 ta' Settembru 2005, jista' il-Prim Ministru jagħti rendikont ta' apparat mediku li nxtara għall-isptar Mater Dei bejn Ġunju 2005 u Novembru 2005 u li ma kienx imniżżel fil-lista li ġiet impoġġija fuq il-mejda tal-Kamra? Jista' jgħid kemm kien il-valur ta' dan l-apparat? Jista' jagħti rendikont tad-ditti u l-kumpanniji li mmanifatturaw dan l-apparat mediku? Jista' jagħti rendikont separat ta' l-apparat li nxtara mingħand kull ditta u l-ispejjeż involuti? Jista' jagħti rendikont ta' l-apparat li għad fadal jinxtara għall-isptar Mater Dei?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabelli li qed inpoggi fuq il-mejda tal-kamra.

Ġbir ta' VAT

Question

Jista’ il-Prim Ministru jwiegeb mistoqsija parlamentari 16194 u jgħid jekk teżistiex breakdown ta' l-Lm427,121 li nġabret bħala VAT mill-edukazzjoni? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti dawn id-dettalji?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-breakdown tas-somma Lm427,121 huwa li ġej: Lm 317,713.47 (Adult and other Education) Lm 60,186.25 (Higher Education) Lm 33,489.97 (Secondary Education) Lm 15,733.66 (Primary Education)

Taxxi Interni — Konvenji

Question

Jista’ il-Prim Ministru jgħid kemm ġew reġistrati konvenji mad-dipartiment tat-taxxi interni fis-sena 2004 u din is-sena? Liema kien l-ogħla valur ta' bejgħ/xiri propost f'konvenju wieħed għal kull sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li matul l-2004 kienu reġistrati 9,908 konvenji mad-Dipartiment tal-Capital Transfer Duty fi ħdan id-Diviżjoni tat-Taxxi Interni waqt li sal-15 ta’ Settembru 2005, kienu reġistrati 6,716-il konvenju. L-ogħla valur ta’ bejgħ/xiri propost f’konvenju wieħed għas-sena 2004 kien ta’ Lm 6,070,500 waqt li għas-sena 2005 l-ogħla valur kien ta’ Lm 18,000,000.

Dipartiment tat-taxxi interni

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid fil-preżent kemm huwa l-ammont f'ċifra ta' flus li d-dipartiment tat-taxxi interni għandu jiġbor bħala ħlas dovuti tan-national insurance (bolla) għas-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004 u 2005 separatament peress li għadhom ma tħallsux?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi t-tagħrif mitlub huwa kif ġej: a) Kontribuzzjonijiet tal-Ewwel Klassi: 2000 Lm1,704,775 2001 Lm1,938,076 2002 Lm2,325,799 2003 Lm2,112,251 2004 Lm3,913,112 L-informazzjoni għas-sena 2005 tkun magħrufa meta jintbagħtu r-returns mill-employers fi Frar tas-sena d-dieħla. b) Kontribuzzjonijiet tat Tieni Klassi 2000 Lm1,138,661 2001 Lm1,076,276 2002 Lm1,239,358 2003 Lm1,164,725 2004 Lm1,439,648 2005 Lm 846,714 (Jannar – Awissu) Dawn L-ammonti jinkludu kontribuzzjonijiet ibbażati fuq stimi fejn ma tkunx intbagħtet il-formola tat-taxxa.

Dipartiment tat-taxxi — Bord tal-kummissarji

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ilu mhux maħtur il-bord tal-kummissarji fid-dipartiment tat-taxxi ? Għaliex mhux maħtur? Kemm hemm każi pendenti quddiemu? Meta se jinħatar il-bord?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ż-żmien tal-ħatra tal-membri taz-zewġ Bordijiet ta’ Kummissarji Speċjali mwaqqfin skond l-artiklu 34 ta’ l-Att dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa kien skada f’Diċembru li għadda. It-tmiem tat-terminu tal-ħatra ta’ membri f’xi bord huwa z-żmien li fih il-Ministru jikkunsidra dwar jekk għandux jirritjeni jew jibdel xi membri fil-bord. Il-President issa approva l-ħatra tal-membri taz-zewġ Bordijiet u l-ittra tal-ħatra diġa’ nħarġet mill-Ministeru tal-Finanzi ; l-avviz ħareġ fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ l-20 ta’ Diċembru 2005. In-numru ta’ kazijiet pendenti huwa 91.

National Reform Programe

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk inħatrux il-persuni li ser ikunu inkarigati jimplimentaw in-national reform programme? Min huma?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li qegħdin jiġu maħtura contact-persons fil-Ministeri biex jiġu implimentati l-miżuri ta’ National Reform Programme taħt id-direzzjoni tal-Management Efficiency Unit fi ħdan l-uffiċċju tiegħi. Mhux antiċipat li ser ikun hemm bżonn ta’ ebda reklutaġġ estern.

Taxxi Interni — Kuntratti ta' trasferiment ta' proprjeta'

Question

Jista’ il-Prim Ministru jgħid kemm ġew reġistrati kuntratti ta' trasferiment ta' proprjeta’ inter vivos u causa mortis mid-dipartiment tat-taxxi interni fis-sena 2004 u din is-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ kuntratti ta’ trasferimenti ta’ proprjeta’ immobbli inter vivos u causa mortis mad-Dipartiment tal-Capital Transfer Duty fi ħdan id-Diviżjoni tat-Taxxi Interni kien kif sejjer jingħad:- SENA INTER VIVOS CAUSA MORTIS 2004 15,926 2,335 2005 sal-15 ta’ Settembru 2005 10,101 1,957

Settur Pubbliku — Ħaddiema bil-light duty

Question

Jista’ il-Prim Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li qed jaħdmu bil-light duty?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi minn total ta’ 27,883 ħaddiema full-time mal-Gvern, in-numru ta’ ħaddiema li qegħdin fuq light duties hu ta’ 215.

Fabbrika Denim — Ħlas ta' bolol

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-fabbrika Denim ħallsitx lill-gvern il-parti tal-bolla dovuta mill-impjegati fl-aħħar ħames snin peress li avviċinawni mpjegati nkwetati dwar dan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li d-Dipartiment tat-Taxxi Interni huwa prekluż mill-Att dwar it-Taxxi fuq id-Dħul milli jagħti l-informazzjoni mitluba, pero’ ninsab infurmat li ttieħdu l-passi neċessarji biex ikunu protetti l-interessi ta’ kulhadd.

Surcharge fuq l-indiċi tal-prezzijiet

Question

Jista' il-Prim Ministru jagħti dettalji ta' kif wasal għall-fatt li l-effett tas-surcharge fuq l-indiċi tal-prezzijiet bl-imnut kien ta' 0.72 punti? Jista' jikkonferma wkoll jekk f'dawn il-kalkoli min ħadimhom ħax in konsiderazzjoni l-fatt li s-surcharge se titla b'1.21% kull xahar u li l-prezz tal-petrol żdied b'3c9m?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li kif ingħad fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 15503, l-impatt ta’ 0.72 punti fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-imnut inħadem fuq surcharge ta’ 55%. L-impatt ta’ 1.21% kull xahar u ż-żieda fil-prezz tal-petrol huwa eskluż minn dan il-kalkolu.

Dipartiment tat-taxxi

Question

Jista' il-Prim Ministru jara li fil-każ tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, id-dipartiment tat-taxxa ma jibqax jeżerċita pressjoni fuqha għal ġbir ta' taxxa għal perijodu 1978 sa 1996 meta d-dipartiment jaf li tali mhux dovut għax preskritt u żewġha jinsab mejjet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li minħabba d-dispożizzjonijiet ta’ segretezza fl-Atti dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, id-Dipartiment tat-Taxxi Interni mhux f’pożizzjoni li jiżvela informazzjoni personali. Nitlob għalhekk lill-persuna konċernata biex tiċċekkja mas-sezzjoni tat-Taxpayer Service tad-dipartiment matul il-ħin ta’ l-uffiċċju.

Ġbir ta' dazju

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' dazju miġbur fl-aħħar sena qabel Malta saret membru ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-ammont ta’ dazju miġbur fl-aħħar sena qabel Malta saret membru ta’ l-Unjoni Ewropea, jiġifieri minn Mejju 2003 sa April 2004, kien ta’ Lm56,810,419.

Self minn banek kummerċjali — Ħaddiema tad-DENIM

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-Ministeru tal-Finanzi wasalx għal xi ftehim mal-banek kummerċjali fir-rigward ta' self li għandhom magħhom il-ħaddiema ta' DENIM Limited u fiex jikkonsisti dan il-ftehim? Jekk fl-affermattiv, kienu nformati dwaru l-ħaddiema ta' l-imsemmija fabbrika?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Dipartiment tat-taxxi interni

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16213 u jagħti informazzjoni dwar id-dħul (income) minn dawn il-kategoriji ta' persuni indikati, cioe': Persuni miżżewġa pero' jimlew separate declaration ; Persuni miżżewġa u jimlew joint declaration; u Persuni mhux miżżewġa li jimlew individual declaration? Jista' il-Prim Ministru jagħti din l-informazzjoni għal kull kategorija fuq indikata f'dawn l-income brackets minn dħul dikjarat: Lm0 - Lm4,200 Lm4,200 - Lm6,000 Lm6,000 - Lm8,000 Lm8,000 - Lm10,000 Lm10,000 - Lm12,000 Lm12,000 u aktar? Jista' jagħti l-informazzjoni mitluba fl-ewwel u t-tieni parti għas-snin 1995-2004?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant. Għar-rigward tas-snin 1995 sa l-1997, it-tagħrif ma setax ikun miġbur.

AFM — Suldati

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm tkeċċew mill-armata suldati jew ranks oħra kull sena, għal dawn l-aħħar ħames snin u għaliex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor Membru għat-tweġiba li kont tajtu għall-Mistoqsija Numru 11866 fis-16 ta’ Mejju 2005 (Seduta 267) inżid ngħid li matul din is-sena tkeċċew żewġ Gunners oħra mill-Armata minħabba kondotta militari ħażina.

Ministeri/enti pubbliċi — Enerġija elettrika

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15823, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li matul is-sena d-dieħla, sabiex il-ministeri u enti pubbliċi jnaqqsu l-ispiża fuq kontijiet tad-dawl isir investiment f'apparat solari jew apparat ieħor biex jipproduċi l-enerġija elettrika li jkollhom bżonn huma stess u b'hekk il-gvern ikun qiegħed jagħti l-eżempju? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm hu maħsub li se tkun l-ispiża fuq din l-inizjattiva? Jista' jikkonferma jekk id-dipartimenti tal-gvern u enti pubbliċi ngħatawx struzzjonijiet biex jibdlu l-bozoz f'energy savers u f'każ li fl-affermattiv, meta ngħatat din l-istruzzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Gvern għaddej b’numru ta’ miżuri pożittivi fi ħdan id-dekasteri tiegħu biex titnaqqas l-ispiża fil-konsum ta’ l-enerġija minn sors li ma jiġġeddidx. Permezz tal-Green Leaders f’kull Ministeru, qed jiġi ffinaliżżat audit dwar il-konsum tad-dawl. Dan l-eżerċizzju għandu jħejji aħjar l-entitajiet ikkonċernati biex jattwaw miżuri aktar ambjentalment aċċettabbli. Barra minn hekk, qed jiġi utiliżżat dejjem aktar il-biodiesel f’vetturi misjuqa minn uffiċjali tal-Gvern. Fl-aħħarnett, bħala proġett pilota, l-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent qed iħejji għall-proġett pilota biex tiġi nstallata photovoltaic panel ta’ 2 kilowatts fuq il-bejt tal-Ministeru. In-nefqa għal dan mistennija tkun ta’ madwar 10,000 ewro. Proġett pilota ieħor, mniedi mill-istess Ministeru, jikkonsisti fit-tibdil tat-tubi ta’ l-uffiċini b’teknoloġija hekk imsejjħa T5 fejn kull tubu jikkonsma 48% anqas minn tubu ordinarju. In-nefqa għal dan il-proġett hija ta’ madwar 1500 ewro.

Ċentru għas-servizzi finanzjarji

Question

Huwa minnu li l-gvern kien qed jikkonsidra serjament li jwaqqaf finance Malta bħala aġenzija li tippromwovi lil Malta bħala ċentru għas-servizzi finanzjarji, billi l-MFSA llum huwa regolatur u biddel fehmtu minkejja li kien ta x'jifhem lil xi financial practitioners li din kienet sejra tkun miżura tal-budget 2006? Jekk iva, x'verament wassal għal bdil fil-linja li ħa l-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

OPM — Kuntratti ta' konsulenza

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid liema dipartimenti governattivi jew enti pubbliċi taw kuntratti ta' konsulenza lill-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament matul l-2004 u l-2005? Kemm kienet l-ispiża ta' dawn il-kuntratti, wieħed wieħed, f'dawn is-snin? Jista' jgħid liema dipartimenti governattivi u enti pubbliċi taw kuntratti ta' konsulenza lill-kumpannija Island consultancy services matul l-istess medda ta' żmien u kemm kienet l-ispiża ta' dawn il-kuntratti f'dawn is-snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Ġbir ta' VAT

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 15658, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk teżistiex breakdown ta' l-Lm427,121 li nġabret bħala VAT mill-edukazzjoni? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti dawn id-dettalji?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.