Jista' l-Ministru jara għaliex bħalissa l-pilloli PREPULSID 10mg huma out of stock? Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jkunu fl-isptar minħabba l-bżonn urġenti tal-pazjenti għal dawn il-pilloli?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-pilloli Prepulsid 10mg mhumiex fuq il-Formularju imma kienu jinxtraw biss għal żewġ pazjenti bħala `Non Formulary' fuq parir tad-`Drugs and Therapeutics Committee'. L-ewwel approvazzjoni għal dawn il-pazjenti kienet għal sitt xhur u din skadiet fl-aħħar ta' Marzu. Fit-tmienja u l-ħdax ta' April rispettivament inħarġu approvazzjonijiet mid-D.T.C. għall-pilloli Cisapride 10mg (ukoll Non Formulary) għal dawn iż-żewġ pazjenti. Id-Dipartiment tas-Saħħa għandu stokk ta' Cisapride 10mg.
Jista' l-Ministru jgħid jeżistux sessjonijiet ta' physiotherapy għal persuni li jbatu bl-istroke li jsiru fid-dar ta' dawn l-individwi minflok li jintbagħtu fl-isptar Zammit Clapp, peress illi f'ħafna każijiet ikum ta' tbatija ħafna għal dak li jkun biex jattendi tali sessjonijiet u minflok qed ikollhom iħallsu biex isirulhom tali sessions f'darhom? Kif dawn it-tip ta' sessions isiru fuq pazjenti ta' mezza eta' u żgħar f'Zammit Clapp li huwa aktar iffokat fuq l-anzjani?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ma jiġix pprovdut servizz ta` fiżjoterapija fil-kommunita minn impjegati tal-Isptar Zammit Clapp.
Il-`policy` tal-Isptar Zammit Clapp dejjem kienet li jiġi pprovdut servizz ta` fiżjoterapija lill-pazjenti li jkunu għalqu s-sittin sena, u allura mhux veru li jsiru sessions ta` fiżjoterapija fuq pazjenti zgħar u ta` meżża eta`.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-possibbilta' li tinfetaħ poliklinika f'xi wieħed minn dawn il-villaġġi: l-Imqabba, Ħal Safi, Żurrieq u Ħal Kirkop peress li n-nies ta' l-inħawi jridu joqogħdu jmorru l-Furjana?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Bħalissa ma hemmx pjan li tinfetaħ xi poliklinika f`xi wieħed mill-villaġġi imsemmija, anke minħabba n-nuqqas ta` tobba fiċ-Ċentri tas-Saħħa.
Jista' l-Ministru jara tistax tiġi rimedjata s-sitwazzjoni sabiex ikun hemm infermiera maskili disponibbli bħala carers fi djar ta' persuni maskili b'mard kroniku serju jew b'diżabilita'?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru ikkonċernat.
B'riferenza għad-direttiva 92/29 tal-UE li tesiġi lis-sajjieda tal-pajjiżi membri jżommu madwar 620 item ta' mediċina eċċ, fuq il-qoxra li tkun twila aktar minn erba' metri, jista' l-Ministru jinformani jekk dawn is-620 item li l-UE timponi fuq is-sajjieda Maltin u Għawdxin humiex se jiġu mposti wara li nsiru membri tal-UE?
Jista' jgħid x'inhuma l-multi tal-UE kemm-il darba s-sajjieda jinstabu li mhux jonoraw din id-direttiva?
Jista' jgħid kemm se jiswew dawn is-620 item li l-UE tobbliga lis-sajjieda lokali li jżommu fuq l-opri tas-sajd tagħhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li d-direttiva 92/29 tal-UE qatt ma ġiet diskussa mid-Diviżjoni tas-Saħħa.
Peress li d-direttiva 92/29 tal-UE għandha x'taqsam mas-Saħħa u s-Sigurta' fuq il-post tax-xogħol, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm iddewwew nies ġo l-Isptar St Lukes u ġewwa ċ-ċentri tas-saħħa s-sena l-oħra? Kemm minn dawn kienu kkaġunati minn armi tan-nar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li matul l-1999:-
(i) 106,676 attendew id-Dipartiment ta' l-Emerġenza fl-Isptar
San Luqa;
(ii) 109,307 persuna ġew invistati/trattati fid-diversi Ċentri
tas-Saħħa.
Dwar persuni li attendew kemm fl-Isptar San Luqa kif ukoll fiċ-Ċentri tas-Saħħa ma jinżammux records speċifiċi kif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu persuni l-isptar is-sena l-oħra għal xi forma ta' kura minħabba xi aċċidenti waqt li kienu qed jgħoddsu
(diving accidents)?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li fis-sena 1999 ġew ikkurati tmien (8) pazjenti fid-decompression chamber.
Madwar għoxrin (20) oħra ġew ikkurati fl-isptar, iżda mingħajr ħtieġa ta' kura fiċ-chamber. Dan kien l-iżgħar numru ta' għaddasa kkurati f'sena f'dawn l-aħħar għaxar snin. Is-sena l-oħra kien hemm żewġ fatalitajiet waqt l-għads.
Wieħed biss minn dawn inġieb l-isptar u miet fl-emerġenza.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 13534 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Intern u li ġiet riferuta lilek u cioe': jikkonferma jew le l-Ministru li fil-każ tal-mewt ta' Therese Agius it-testijiet għat-tossikoloġija kellhom isiru barra minn Malta minħabba li l-apparat ta' l-Isptar San Luqa kien jinsab bil-ħsara? F'dan il-kuntest jista' jgħid: (a) kemm kien ilu u jekk għadux bil-ħsara dan l-apparat; (b) jekk għadu bil-ħsara meta se jiġi rranġat; (c) kemm kien hemm każi li minħabba li dan l-apparat kien bil-ħsara it-testijiet imsemmija saru barra minn Malta; u (d) jista' jgħid f'kull każ kemm kienet tlaħħaq l-ispiża?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-Dipartiment tas-Saħħa mhux id-Dipartiment responsabli sabiex jipprovdi servizz ta` Tossikoloġija Forensika lil-Qorti. Izda Dr. Michael Sammut Ph.D., Tossikologu fid-dipartiment, ilu minn 1985 jiġi nominat mill-maġistrati fuq bażi personali sabiex jagħmel dan ix-xogħol u għal dan il-għan peress li hemm bżonn laboratorju speċialiżżat jintuża dak li hemm fl-Isptar San Luqa u li huwa risponsabli minnu Dr. Sammut.
F`Jannar 1999, apparat (Gas Chromatograph-mass Spectrometer) li huwa importanti ħafna fix-xogħol Forensiku ġratlu ħsara. Dan l-apparat li ilu jintuża madwar disa` snin instab li issa huwa meqjus bħala `obsolete` mid-ditta li kienet tgħamlu (Perkin Elmer) u għal daqstant kien diffiċli li jinstabu l-`spareparts` neċessarji. Għalhekk, Dr. Sammut ma` kienx f`pożizzjoni li jofri is-servizzi tiegħu għal-każ imsemmi.
Dan l-apparat ġie msewwi fl-ewwel ġimgħa ta` April 2000, u bħal issa qiegħed fil-fażi li jiġi ttestjat u kalibrat.
Il-partijiet (c) u (d) ta` din il-mistoqsija għandhom jiġu referuti lil Ministru tal-Ġustizzja.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ddaħħlu fl-Isptar San Luqa kawża ta' xorb eċċessiv, overdose u/jew użu eċċessiv ta' drogi matul l-ewwel erba' xhur tas-sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
In-numru ta' persuni li ddaħħlu bħala pazjenti fl-Isptar San Luqa kienu:-
Xahar Użu eċċessiv ta' drogi/mediċinali Użu eċċessiv
ta' alkoħol
_________________________________________ ________________________
Jannar 16 3
Frar 13 3
Marzu 29 5
April 22 4
_______________________________________________ ___________________
Ħames persuni ħtiġilhom kura fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn nurses barranin jaħdmu mal-gvern illum? Kemm jitħallsu fuq medda ta' sena, minn liema pajjiż huma, u kemm kienu jqumu lill-gvern l-istess numru ta' nurses li kieku kienu Maltin?
Response (DEGUARA, LOUIS)
In-numru ta' nurses barranin jaħdmu mad-Diviżjoni tas-Saħħa huwa wieħed u erbgħin (41). Dawn huma mill-pajjiżi msemmija hawn taħt:
Renju Unit 3
Albanija 4
Niġerja 4
Jugoslavja 7
Indja 3
Pakistan 2
Filippini 5
Bulgarija 2
Polonja 4
Russja 1
Repubblika Slovakka 3
Bosnija 1
Ghana 1
Maċedonja 1
__________________________________
41
Dawn, ħlief fil-każ ta' infermier mir-Renju Unit, jitħallsu l-istess paga u allowances bħall-infermiera Maltin. Dan l-infermier mir-Renju Unit jitħallas ukoll accomodation allowance ta' Lm1200 fis-sena u expatriate allowance ta' Lm918 fis-sena.
Jista' l-Ministru jgħid kemm sewa flus iċ-ċentru ta' Birkirkara biex inbena u ġie attrezzat? Meta nfetaħ jew tlesta u x'servizzi qed jingħata l-poplu minn dan iċ-ċentru tas-saħħa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Iċ-Ċentru tas-Saħħa ta'B'Kara nfetah f'Marzu 1999 u sa llum jipprovdi dawn is-servizzi lill-pubbliku ta' Ħal Balzan, B'Kara, Lija u l-Iklin.
Servizz ta' spiżerija.
Servizz ta' Podoloġija li jinkludi wkoll ċerti servizzi f'dan il-qasam li qabel kienu waqfu bħal suletti (simple insoles).
Servizz ta' Speech Therapy erba' darbiet fil-ġimgħa.
Servizz ta' Physiotherapy darbtejn fil-ġimgħa.
Servizz ta' konsulent mediku li jinkludi wkoll Skeda 5.
Klinika ta' tabib u nurse fuq bażi ta' klinika distrettwali (Berġa) għar-residenti ta' Birkirkara mit-8.00am sal-11.00am mit-Tnejn sal-Ġimgħa kuljum.
L-ammont ta' flus imħallsa mid-Diviżjoni tas-Saħħa kien ta' LM30,914.73ċ.
Il-bini sar mid-Dipartiment tal-Proġetti u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tobba barranin jaħdmu mal-gvern illum? Kemm jitħallsu, kemm ilhom hawn kull wieħed u kemm kien ikun il-ħlas ta' dawn it-tobba fis-sena kieku dawn kienu Maltin?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba dwar it-tobba barranin li jaħdmu fid-Diviżjoni tas-Saħħa hija kif ġej:
Nru. Data ta' bidu ta' l-impjieg
______________________________________________
1 26/02/1980
1 30/08/1984
1 29/11/1985
1 05/06/1988
1 08/01/1989
1 13/08/1989
1 22/08/1989
1 13/12/1989
1 30/05/1990
1 01/07/1991
1 16/01/1992
1 06/03/1992
1 17/03/1992
1 19/03/1992
1 03/07/1992
1 27/07/1992
1 22/09/1992
1 14/08/1993
1 30/10/1993
1 15/11/1993
1 29/11/1993
1 21/01/1994
1 27/02/1994
1 28/02/1994
1 21/03/1994
1 25/04/1994
1 20/06/1994
1 01/08/1994
1 07/03/1995
1 01/04/1995
1 01/05/1995
1 11/06/1995
1 30/10/1995
1 20/11/1995
2 01/03/1997
1 23/03/1997
1 03/05/1997
1 22/08/1997
1 25/09/1997
1 01/07/1999
2 16/08/1999
1 15/12/1999
1 16/12/1999
1 06/01/2000
1 26/01/2000
__________________________________
47
45 minn dawn it-tobba barranin jitħallsu l-istess salarju bħall-Maltin, iżda bla taxxa, u jieħdu wkoll ``expatriate allowance'' ta' Lm1200 fis-sena. Iż-żewġ konsulenti l-oħra għandhom salarju annwali ta' Lm45,000 u Lm35,000 (bla taxxa) rispettivament.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ħareġ flus id-dipartiment tas-saħħa għall-overtime din is-sena? Kemm tħallsu flus l-impjegati ta' kull sptar jew ċentri tas-saħħa eċċ. f'kull każ?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-flus li ħareġ id-Dipartiment tas-Saħħa għall-overtime mill-1 ta' Jannar 2000 sat-30 ta' April 2000 huwa kif ġej:
SEZZJONI AMMONT
LM
______________________________________
Permanent Secretary Office 222
Govt. Pharm. Services 8607
Human Resources 104
Policy & Planning 1187
Director General 11
Finance & Administration 4988
Public Health 7182
Health Information 1018
Health Promotion 230
Primary Health Care 7979
Boffa Hospital 5059
Mt. Carmel Hospital 307960
St. Luke's Hospital 310531
______________________________________
TOTAL 655078
______________________________________
Veru li fl-Isptar Monte Carmeli, waqt li għaddejjin azzjonijiet industrijali mit-tliet unions ta' l-infermieri ġew imqabbda jaħdmu nursing aides li lanqas għad għandhom appointment, u jagħmlu xogħol ta' superviżjoni ma' pazjenti perikolużi jiġifieri constant supervision one to one, meta l-psikjatri jordnaw u jispeċifikaw li dan ix-xogħol irid isir minn nurse kif tgħid eżatt il-formola apposta mibgħuta taħt separate cover?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nikkonferma dak li qed jgħid l-Onorevoli Interpellant.
Dan sar minħabba nuqqas ta` servizzi ta` emerġenza adekwati provduti mit-tlett unions filwaqt li l-alternattiva li tħalli lill-pazjenti mingħajr ebda supervizjoni ta` xejn, kienet tkun agħar. B`dan il-mod kien hemm min jiġbed l-attenzjoni tan-nurse management jew tat-tobba jekk jinqala` xi ħaġa. Huwa minħabba raġunijiet bħal dawn li d-Divizjoni tas-Saħħa kienet tant kritika fuq it-tip ta` azzjonijiet li qed jieħdu t-tliet unions ta` l-infermiera.
Jista' l-Ministru jerġa' jivverifika jekk l-antenna li titwaħħal fuq l-iskejjel u ħdejn inħawi residenzjali biex iwassal is-sinjali u t-trasmissjonijiet tal-mobile phone b'xi mod jew ieħor hijiex jew tistax tkun ta' ħsara għas-saħħa tal-persuni milquta?
Response (DEGUARA, LOUIS)
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 16036, nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Diviżjoni tas-Saħħa, qiegħda tistudja l-possibilta' jekk dawn l-antenne jistawx ikunu ta' ħsara għas-Saħħa Pubblika.
B'dan il-għan ġie maħluq Bord, minn rappreżentant tas-Saħħa Pubblika, Direttur tal-Wireless and Telegraphy, kif ukoll espert fuq din il-materja.
Jekk ikun il-każ, jinħareġ `Code of Safety Standards' għal Malta fuq standards internazzjonali. Tali standards jibdew jiġu annessi bħala kundizzjoni mal-liċenzja relatata li tiġi maħruġa mid-Direttur tal-Wireless and Telegraphy.
Fost diversi każijiet ta' stħarriġ li saru minn ħafna istituzzjonijiet madwar id-dinja, fosthom fir-Renju Unit, sa llum f'ebda wieħed ma nstabu provi li t-trasmissjonijiet li ġejjin minn stazzjonijiet tal-mobile phones (apparat ċellulari) huma ta' dannu għas-saħħa tal-persuni.
Billi d-dipartiment tas-saħħa qed jibgħat tobba ta' kumpannija privata biex tivverifika s-sick leave, jista' l-Ministru jgħid kemm qed tiswa lid-dipartiment din il-proċedura fuq medda ta' sena? Meta beda l-kuntratt u kemm ġew visitati mpjegati minn meta beda jgħodd il-kuntratt?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Minn mindu d-Diviżjoni tas-Saħħa bdiet tibgħat tobba ta' kumpaniji privati biex tivverifika s-sick leave, jiġifieri mill-1 t'Ottubru 1999, saru 883 viżti lill-impjegati tad-Diviżjoni.
L-informazzjoni fuq il-kuntratt hija ta' natura kummerċjali.
Jista' l-Ministru jgħid, min kienu l-membri fil-bord, min-naħa tad-diviżjoni tas-saħħa, li fassal id-deployment plan tan-nurses fl-Isptar Monte Carmeli?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-deployment plan tan-nurses fl-isptar Monte Carmeli kien imfassal minn:
Direttur Ġenerali
Direttur Sptarijiet
Direttur Policy and Planning
Direttur Nursing
Direttur Psikjatrija
Manager Nursing Services fl-isptar Monte Carmeli
Peress li qed isir ħafna diskors li d-Diviżjoni tas-Saħħa qed tonfoq nofs miljun lira fi ħlas għall-overtime lin-nurses ta' l-Isptar Monte Carmeli, jista' l-Ministru jgħid kemm il-gvern se jerġa'jiġbor lura minn dan il-ħlas f'taxxi ċioe' f'income tax għax hu fatt magħruf li kull dħul ta' ħlas ta' overtime li jaqilgħu nurses, huwa kollu nxtaxxat b'35%?
Jaqbel li minn dan il-ħlas allura l-gvern jerġa' jdaħħal lura Lm87,500 f'taxxa biss mingħajr ma titqies iż-żieda fil-kontribuzzjoni tas-sigurta' soċjali ta' dan il-ħaddiem?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ammont ta' flus li tħallas f'overtime lin-nurses matul is-sena 1999 hu ta' Lm450,113. Taxxa fuq din is-somma kkalkulata b'rata ta' 35%, tammonta għal Lm157,539. Il-kontribuzzjoni tas-sigurta' soċjali ma għandha taqsam xejn ma' overtime billi din titqies biss fuq is-salarju basiku.
Ma nafx jekk l-Onor. Interpellant qed jissuġġerixxi li għandna nagħtu iżjed overtime biex il-Gvern jiġbor iżjed Taxxi!
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru li kemm ilhom fis-seħħ l-azzjonijiet industrijali, meħuda mit-tliet unions ta' l-infermiera fl-Isptar Monte Carmeli kien hemm swali nkluża is-secure unit, fejn ġew imħaddma, ġranet u iljieli sħaħ, nursing aides li għadhom lanqas biss ingħataw l-appointment? Veru li dawn in-nursing aids għamlu xogħol li mhux fil-job description tagħhom jew li normalment isir taħt superviżjoni tan-nurses?
Veru li dawn waqt li kienu xogħol waħedhom qassmu pinnoli anke perikolużi u dan imur saħansitra kontra l-liġi?
Jista' l-Ministru jinvestiga dawn in-nuqqasijiet serji u jassigura l-Kamra li ttieħdu l-passi biex din qatt ma tirrepeti ruħha?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Minħabba l-azzjoni ndustrijali u minħabba servizz ta` emerġenza inadegwat minn naħa tat-tliet unions ta` l-infermiera kien hemm ġranet u ljieli fejn xi swali tħaddmu bin-nursing aides appuntati f`din il-kariga wara kors, eżami ta` kwalifika u Selection Board tal-Public Service Commission.
Fiċ-ċirkustanzi msemmija ma kienx hemm alternattiva ħlief illi dawm in-nursing aides jagħmlu xogħol li m`huwiex fil-job description tagħhom jew taħt superviżjoni kontinwa tan-nurses minn naħa tal-management. Id-Diviżjoni ħadet il-prekawzjoni illi n-nurse managers kienu qegħdin iżuru dawn is-swali fuq bażi regolari u n-nursing aides ingħataw struzzjonijiet illi kif jinqala l-inqas dubju ta` problema jitolbu l-għajnuna ta` l-istess nurse managers jew tat-tobba.
Huwa minnu li kien hemm inċident iżolat ta` wieħed illi l-pilloli tlestew f`borża minn nurse manager biex jingħataw aktar tard minn nursing aide. Dan sar għaliex il-unions rabtu in-nurse management b`azzjoni ndustrijali illi la setgħu jużaw in-night nurse superintendent u lanqas setgħu jisselfu nurse minn sala oħra biex jagħti dawn il-pilloli. Ta` min wieħed ifakkar illi meta pazjent ikun bil-leave mill-isptar il-pilloli jingħataw mill-qraba tiegħu.
Veru li fl-Isptar Monte Carmeli minkejja li d-Direttur tad-Diviżjoni tas-Saħħa qed jagħti l-impressjoni li kollox miexi sew, jeżisti taħwid kbir fis-swali?
Veru li żewġt nurses nisa ġew attakkati fil-Ward 10, minn xi pazjenti, ġew mweġġa' sew u ntbagħtu l-Isptar San Luqa għal aktar kura?
Veru li l-mediċina li s-soltu titqassam fis-7.00 a.m. ġiet imqassma anke fil-11.00 a.m. f'ċerti swali waqt l-azzjonijiet industrjali?
Jista' l-Ministru jgħid meta se jirtabu l-irjus u jerġgħu jibdew in-negozjati f'din il-materja?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-Direttur tad-diviżjoni tas-Saħħa dejjem saħaq u qatt ma ħeba l-fatt li din l-azzjoni estrema minn naħa tal-unions ta` l-infermiera qed toħloq tbatija lill-pazjenti u tista tkun ta` periklu kemm lill-pazjenti kif ukoll lil dawk illi jieħdu ħsiebhom.
Veru li żewġ nurses ġew attakkati fuq il-female ward 10. Dan sfortunatament jiġri minn żmien għal żmien ġo sptarijiet mentali madwar
id-dinja. In-nurses involuti intbagħtu l-isptar San Luqa għall-vista. L-għada daħlu xogħol normali. Ta` min isemmi illi dan l-inċident seħħ waqt li s-sala kellha n-numru ta` nurse normali.
Veru li minħabba l-azzjoni tat-tliet unions tan-nurses pinnoli tas-7.00a.m. f`ċerti swali tqassmu fil-11.00a.m. Għal raġunijiet bħal dawn, id-divizjoni tas-Saħħa tant ikkritikat lit-tliet unions tan-nurses li l-azzjonijiet tagħhom kienu qed jolqtu primarjament lill-pazjent.
Id-Diviżjoni tas-Saħħa dejjem lesta tinneġozja izda ma tistax iċċedi fejn għandha raġun jew tabroġa r-responsabilita taħħa.