Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorita' tad-djar — Periti konsulenti

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 13279, tista' il-Ministru tgħid min huma l-periti konsulenti mqabbda mill-awtorita' tad-djar? Kif ġew magħżula u x'inhu l-ħlas li se jingħatalhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-periti konsulenti li qed ifasslu d-disinn tal-proġett ġdid fi Triq San David Mtarfa, huma Paul Camilleri & Associates. Ta’ min isemmi li dawn il-periti kienu tqabbdu biex ilestu l-pjanti għall-iżvilupp ta’ dan is-sit fl-1990, wara li rebħu kompetizzjoni għall-aħjar disinn għall-iżvilupp ta’ l-Imtarfa. Minħabba li d-disinn oriġinali fuq dan is-sit partikolari ma ġiex approvat mill-MEPA, ġie decis mill-MEPA stess li jsir disinn ġdid tas-sit kollu li jinkorpora fih ir-riabilitazzjoni tal-bini vakanti li jinsab bejn is-sit imsemmi u d-dar tal-anzjani. Il-Periti jitħallsu d-dritt professjonali tagħhom skond it-tariffa stabbilita applikabbli.

Stallazzjoni ta' lift

Question

Tista' il-Ministru tinvestiga x'inhi r-raġuni li persuna bl-istess isem tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li talbet għal stallazzjoni ta' lift, ser tiġi milqugħa t-talba tagħha qabel dik tal-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jingħataw separatament u dan nonostante li din l-aħħar persuna tinsab fi stat ta' għajnuna aktar mill-persuna l-oħra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jinġabar u Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Familja u Solidarjeta' Soċjali — Diretturi u chairpersons

Question

Tista' il-Ministru tgħid min huma d-diretturi u chairpersons tal-kumpanniji, entitajiet u bordijiet li jaqgħu taħtha? Tista' tgħid x'remunerazzjoni u benefiċċji oħra għandu kull wieħed minnhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Familja u Solidarjeta' Soċjali — Safar

Question

Tista' il-Ministru tagħti statistika ta' kemm saru trips ta' safar matul l-2002, l-2003, l-2004 u l-2005 sal-lum minn persuni fis-settur pubbliku kollu, cioe' persuni li mhux biss jaħdmu fiċ-ċivil imma wkoll fis-settur pubbliku kollu, li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni li qed tintalab mill-Onor. Interpellant, li tkopri medda ta' erba' snin, trid ħafna żmien biex tinġabar u naħseb li l-ħin ta' l-uffiċjali li jkunu jridu jitqabbdu biex jiġbruha jista' jintuża aħjar.

Djar — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, se tiġi allokata akkomodazzjoni soċjali għaliex ilha aktar minn 17-il sena li applikat u dan peress li l-fond li llum tgħix fih huwa bla arja, bil-konsegwenza li membru tal-familja tagħha żviluppat kondizzjoni medika kronika?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m'oħrajn simili.

Akkomodazzjoni soċjali

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta l-familja indikata separatament se tiġi allokata akkomodazzjoni soċjali peress li l-fond fejn toqgħod illum għandu biss kamra waħda u mhijiex f'kundizzjoni li jabitaw fih erbgħa minn nies, bil-konsegwenza li żewġ membri ta' din il-familja żviluppawlhom kundizzjonijiet mediċi kroniċi kif jixhdu ċ-ċertifikati mediċi li ġew mgħoddija lid-dipartiment?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m'oħrajn simili.

Akkomodazzjoni soċjali

Question

Tista' il-Ministru tgħid f'liema stadju ta' proċess waslet l-applikazzjoni indikata separatament, sabiex issir allokazzjoni ta' akkomodazzjoni soċjali peress li dan il-każ ilu pendenti madwar 17-il sena? Tista' il-Ministru tinnota li tul dan iż-żmien kollu din il-familja qatt ma ġiet offruta xejn?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m'oħrajn simili.

Flus miġbura minn kontribuzzjonijiet ta' l-anzjani

Question

Tista' il-Ministru tgħid matul il-perijodu Jannar-Mejju 2005, kemm inġabru flus mill-kontribuzzjonijiet ta' l-anzjani: a) f'San Vincenz de Paule; b) minn kull dar residenzjali tal-gvern; c) mill-anzjani residenti fi djar privati taħt il-public private partnership scheme?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sigurta' Soċjali — Ommijiet xebbiet

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm huma dawk is-single mothers li qed jirċievu xi forma ta' benefiċċju mid-dipartiment tas-sigurta' soċjali? Jista' jgħid kemm huwa l-ammont komplessiv?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub qed jinġabar u Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Mtarfa — Proprjeta' ta' l-awtorita' tad-djar

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 12620, tista' il-Ministru tgħid jekk l-awtorita' tad-djar bdietx it-tħejjijiet u l-pjanti għar-riabilitazzjoni tal-proprjeta' hemm indikata u dwar l-art ta' biswitha? Bdew jiġu ppreparati l-pjanti tal-maisonettes, appartamenti u garages u jekk iva, meta hu mistenni li dawn ikunu ffinalizzati? Il-pjanti se jsiru jew qed isiru minn periti u/jew draughtsmen ta' l-awtorita' jew tal-gvern? Hemm xi ħsieb meta se jitlesta dan il-proġett?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-pjanti li rreferejt għalihom fit-Tweġiba għall-Mistoqisja Numru 12620 li jien tajt f'Seduta Nru. 274 qed jiġu ppreparati minn periti konsulenti mqabbda mill-Awtorita' tad-Djar. Dawn il-pjanti mistennija jkunu lesti fi ftit ġimgħat oħra. F'dan l-istadju hu prematur li nindika data meta dan il-proġett ser ikun lest.

Djar — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta l-persuna ndikata separatament li trabbi familja waħedha u li tinsab homeless se tiġi allokata akkomodazzjoni soċjali? Taf il-Ministru li din il-familja ilha f'din is-sitwazzjoni aktar minn tlett snin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m'oħrajn simili.

Proġetti ta' housing

Question

Tista' il-Ministru tgħid liema huma l-proġetti ta' housing li bħalissa qegħdin taħt kostruzzjoni? Liema huma l-lokalitajiet? Kemm hemm units f'kull binja? Kemm hu stmat li se tiġi tqum kull binja? Kemm kien proġettat li se tkun tqum kull binja? Meta beda kull proġett? Meta kellu jibda kull proġett? Meta mistenni jintemm kull proġett? F'liema stadju ta' kostruzzjoni jinsab kull proġett?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub dwar proġetti ta’ bini ta’ postijiet taħt konstruzzjoni mill-Awtorita` tad-Djar u d-Dipartiment għall-Bini u Tiswija ta’ Djar hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Familja u Solidarjeta' Soċjali — Studenti li jagħmlu xogħol fis-sajf

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk hemmx kumpanniji, entitajiet u dipartimenti li jaqgħu taħtha li se jimpjegaw studenti għas-sajf? Jekk fl-affermattiv liema huma, kemm se jiddaħħlu u kif se jintgħażlu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmata wkoll li dawn ma jintagħżlux mid-Dipartiment jew entita' li jkunu se jaħdmu magħha.

Familja u Solidarjeta' Soċjali — Ħaddiema/uffiċjali

Question

Matul l-ewwel xhur tas-sena, tista' il-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema/uffiċjali, eċċ. f'entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha li tkeċċew/ġew sospiżi mix-xogħol jew immultati xi penali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li matul din is-sena ġiet sospiża persuna waħda mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali u oħra mill-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali. Din ta' l-aħħar sussegwentement irreżenjat minn rajha.

Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Inkwilin ta' post tal-gvern

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'passi se jieħu d-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali biex inkwilin ta' post tal-gvern jerġa' imur jgħix f'daru wara li inġustament xi ħadd ħadlu daru?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ma għandha ebda titolu li tgħix fil-post indikat, liema post ser jittieħed lura mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali permezz ta’ żgumbrament.

Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Każ dwar persuna anzjana

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'passi ħa d-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali biex persuna anzjana - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - titkeċċa minn post tal-gvern wara li inġustament keċċiet lin-neputi tagħha li huwa separat biex hi tmur tgħix f'dan il-post f'Bormla?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 13025 f’din l-istess Seduta.

Sigurta' Soċjali — Każ dwar benefiċċji soċjali

Question

Tista' il-Ministru tinvestiga l-każ ta' benefiċċji soċjali ta' anzjana mill-Isla indikata separatament li awtorizzatni ngħaddi wkoll korrispondenza relatata separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

Sigurta' Soċjali — Każ dwar benefiċċji soċjali

Question

Tista' il-Ministru tinvestiga l-każ ta' benefiċċji soċjali ta' anzjana mill-Isla indikata separatament li awtorizzatni ngħaddi wkoll korrispondenza relatata separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

Fgura — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' il-Ministru tgħid fiex waslet it-talba ta' mara separata mill-Fgura - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li qed tistenna post alternattiv mid-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-applikazzjoni li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma’ oħrajn simili.

Sigurta' soċjali — Ħaddiema Maltin li kienu jaħdmu mas-servizzi

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta mistennija jieħdu s-somma dawk il-Maltin li kienu mas-servizzi li baqgħu qatt ma ħadu s-somma, mentri dawk li kienu magħrufa bħala s-summers u daħlu wara, ħadu s-somma xorta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal xi tip ta' gratuity li setgħet kienet dovuta lill-pensjonanti Maltin li kienu mpjegati mas-Servizzi Ngliżi. Jekk dan hu l-każ, peress li tali gratuitym'hiex dovuta mill-Gvern Malti, nitolbu jagħti parir lill-persuni konċernati li jagħmlu r-rappreżentazzjonijiet tagħhom mal-British Pensions Office lokali.