Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #17867 Sitting 345 2000-07-12 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Tfal taħt l-eta' f'discos

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu tfal taħt is-16-il sena ġo discos din is-sena? Kemm inqabdu tfal jixorbu l-alkoħol din is-sena? Kemm ittellgħu persuni l-qorti talli daħlu dawn it-tfal ġo discos u/jew biegħu xorb alkoħoliku lil tfal taħt l-eta'? X'weħlu f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li din is-sena, sa l-10 ta` Lulju, il-Pulizija qabdet 5 persuni taħt is-16-il sena ġo postijiet ta` divertiment, filwaqt li tressqu tlett persuni talli ppermettew tfal taħt is-16-il sena ġo post ta` divertiment. Tnejn għad għandhom il-każ pendenti quddiem il-Qorti, filwaqt li l-persuna l-oħra ġiet liberata.
Leg 9 PQ #17868 Sitting 345 2000-07-12 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ċittadini Libjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni ta' ċittadinanza Libjana li ġew Malta bl-ajru minn Istanbul, it-Turkija f'dawn l-aħħar sentejn? Kemm minnhom ġew hawn għal aktar minn darba u kemm-il darba f'kull każ? X'kien l-iskop tal-mawra tagħhom f'pajjiżna?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bejn l-1 ta` Jannar 1998, u l-31 ta` Mejju 2000, in-numru ta` persuni ta` ċittadinanza Libjana li waslu bl-ajru f`Malta minn Istanbul kien ta` 2,090. Ninsab infurmat ukoll li ma tinżammx statistika tat-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant fit-tieni parti tal-Mistoqsija.
Leg 9 PQ #17869 Sitting 345 2000-07-12 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Reati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati reati fix-xahar ta' Ġunju din is-sena mill-pulizija u x'tip ta' reati kienu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant hu kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #17872 Sitting 345 2000-07-12 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Persuni li kissru l-liġi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tneħħew barranin minn Malta din is-sena għax kissru xi liġi ta' Malta? Min fejn kienu dawk li tneħħew? Kemm swiet lil pajjiżna fi spejjeż ta' vjaġġi ta' l-ajru din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li din is-sena, sa l-aħħar ta` Ġunju, tneħħew minn dawn il-Gżejjer 300 persuna wara li tressqu quddiem il-Qorti u nstabu ħatja. Dawn il-persuni kienu mqassma kif ġej : - Armenia 3 Ġordan 6 Niġer 1 Ingilterra 2 Lebanon 5 Pakistan 1 Bulgarija 14 Libja 174 Romanija 1 Ċina 8 Moldavia 1 Sirja 15 Eġittu 29 Marokk 5 Tuneżija 22 Iraq 1 Niġerja 3 Turkija 1 Italja 2 Jugoslavja 3 Irlanda 1 Palestina 1 Russja 1 Ninsab infurmat ukoll li fl-istess perijodu, in-nefqa għat-tneħħija minn dawn il-Gżejjer ta` persuni minn dawk imsemmija kienet tammonta għal Lm4,606.70.
Leg 9 PQ #17882 Sitting 345 2000-07-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment ta' l-Artijiet — Villa Portelli

Question

Meta u għaliex ġie deċiż mil-Lands Department li l-kirja ta' Villa Portelli togħla għall-Lm100,000? Issa li l-MDC se tmur f'post ieħor, x'użu ser isir minn Villa Portelli?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li meta l-MDC daħlet ġo Villa Portelli fil-Kalkara, it-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern ħasset li, bħal ma jsir f`ċirkostanzi simili, terġa` ssir valutazzjoni kurrenti tal-kera tal-post. Il-perit tat-Taqsima ivvaluta din il-kera bħal Lm100,000 fis-sena. Ninsab infurmat ukoll li għad ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni dwar x`użu ser isir minn Villa Portelli, meta din tiġi mbattla mill-MDC.
Leg 9 PQ #17753 Sitting 344 2000-07-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

TL/V/33/99

Question

Jista' l-Ministru jekk jogħġbu jirrimedja bil-permessi meħtieġa għat-talba TL/V/33/99? Peress l-bżonn ta' dawn il-permessi huma wieħed urġenti, jista' l-Ministru jara li ma jkunx kawżat aktar dewmien? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-talba TL/V/33/99 ġiet riferuta lill-Uffiċċju tal-Pulizija dwar Permessi tal-Ħwienet, fil-5 ta` Ottubru, 1999, fejn beda il-proċess. Din l-applikazzjoni ġiet ipproċessata mid-Dipartimenti tal-Gvern ikkonċernati kollha, u fit-23 ta` Novembru, 1999, intbagħtet fid-Distrett Nru. 9, tal-Mosta, biex iwaħħlu r-rapport tad-Distrett, flimkien man-'Neighbours Consent Form'. Peress li kien hemm gar li oġġezzjona għal din it-talba, fl-24 ta` Marzu, 2000, l-applikazzjoni ġiet riferuta għal kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Pariri dwar Liċenzji tal-Pulizija.
Leg 9 PQ #17824 Sitting 344 2000-07-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment ta' l-Artijiet — Reklamar

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 17593, li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru għall-Ambjent u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': b'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 17190, jista' jgħid x'inhija l-policy tal-gvern għar-reklamar ta' art għal skopijiet agrikoli? X'policy għandu l-gvern għal dan il-għan u liema huma s-siti f'Malta u Għawdex li fil-mument qed jiġi reklamat bil-permessi meħtieġa ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 17190 fejn spjegajt il-policy ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar skond il-provvedimenti tal-liġi sabiex tissalvagwardja l-ambjent kontra perikli potenzjali minn dan it-tip ta` żvilupp. Ninsab infurmat ukoll li sa issa għad ma ħareġ l-ebda permess li jissanzjona reklamar ta` art għal skopijiet agrikoli.
Leg 9 PQ #17829 Sitting 344 2000-07-11 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

Madliena — Triq il-Veduta

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-Awtorita' ta' l-Ippjanar bidlet il-livelli ta' Triq il-Veduta, Madliena sabiex tinqeda persuna meta b'dan il-mod qiegħed joħloq inkonvenjent kbir għar-residenti l-oħra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-triq li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant minn dejjem kienet iddisinjata b`iżjed minn talut wieħed, parti taqleb lejn Triq il-Majjistral u parti lejn Triq il-Markiż J. Scicluna. Sabiex il-ksur tat-taluti ta` din it-triq ikun iktar uniformi, inħass il-bżonn li jsir tibdil żgħir fin-naħa ta` Triq il-Majjistral. Dan sar wara studju tekniku u dettaljat, filwaqt li ttieħed ħsieb li ma jinħoloq l-ebda inkonvenjent għar-residenti tat-triq.
Leg 9 PQ #17841 Sitting 344 2000-07-11 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru ta' l-Intern

PA2416/00

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 17696, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-proġett pilota ta' Moynihan House kif ippreżentat mit-taqsima proprjeta' tal-gvern?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-proġett pilota ta` Moynihan House kif ippreżentat mit-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern.
Leg 9 PQ #17857 Sitting 344 2000-07-11 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Mwiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mietu persuni traġikament sena b'sena f'dawn l-aħħar ħames snin? X'kienet il-kawża tal-mewt f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant beda jinżamm taħt forma kompjuterizzata mill-1998 u huwa kif ġej: Kawża tal-mewt 1998 1999 2000* Omiċidji 7 12 4 Inċidenti tat-traffiku 16 12 8 Suwiċidju 11 23 8 Oħrajn 21 21 20 * Sa l-10.07.2000
Leg 9 PQ #17858 Sitting 344 2000-07-11 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Fire engines

Question

Billi l-pulizija żammet taħt il-control tagħha żewġ fire engines għal crowd control speċjalment waqt il-logħob tal-football, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pulizija detailed biex jaħdmu fuq dawn iż-żewġ vetturi? X'joqogħdu jagħmlu dawn meta l-vettura ma tkunx qed tintuża? Kemm qed jiswew lill-korp dawn iż-żewġ vetturi biex jinżammu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-membri ta` l-SAG li għandhom il-ħila fl-immannġar ta` dawn il-vetturi, meta ma jkunux meħtieġa sabiex joperaw dawn il-vetturi, jagħmlu xogħol bħal kull membru ieħor ta` din l-Iskwadra. Fir-rigward ta` spejjeż li dawn il-vetturi qed jiswew lill-Korp tal-Pulizija, ninsab infurmat li bħal ma hu l-każ f`kull vettura oħra, dawn huma għal fuel, maintenance u meta jkun meħtieġ tiswijiet ta` ħsarat li jistgħu jinqalgħu minn żmien għal ieħor.
Leg 9 PQ #17866 Sitting 344 2000-07-11 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Reati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati reati ġo Paceville din is-sena u kemm minnhom ġew allegatament konnessi minn persuni taħt is-16-il sena? X'kien l-allegat reati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li matul din is-sena, sal-10 ta` Lulju, il-Pulizija ta` San Ġiljan kellha 192 rapporti ta` reati li jidhru li seħħew ġewwa Paċeville. Dawn ir-reati jinkludu attentat ta` serq, offiżi fuq il-persuna, ħsarat, falsifikazzjoni, reati sesswali u serq. Minn dawn kien hemm rapport wieħed ta` offiża fuq il-persuna, fejn kien allegat li ġie mwettaq minn persuna taħt is-16-il sena.
Leg 9 PQ #17649 Sitting 343 2000-07-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Sptar San Filep — Mewta

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi progress kien hemm fl-aħħar sitt xhur dwar l-inkjesta dwar mewt fl-isptar San Filep, riferuta f'mistoqsija parlamentari numru 11613?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Inkjesta dwar il-każ li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant għadha mhix konkluża.
Leg 9 PQ #17662 Sitting 342 2000-07-10 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Talbiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet quddiem l-awtorita' ta' l-ippjanar, id-dipartiment ta' l-artijiet għal żvilupp jew estensjonijiet ta' art u/jew għal użu ta' bini eżistenti għal kmamar tan-nar? Kemm ilhom pendenti dawn it-talbiet? X'inhija l-pożizzjoni ta' dawn l-għaqdiet/organizzazzjonijiet eċċ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bħalissa l-Awtorita` ta` l-Ippjanar għandha quddiema tlett applikazzjonijiet pendenti li jirrigwardjaw kmamar tan-nar. Waħda minnhom hija talba ta` rikonsiderazzjoni. Applikazzjoni PA 4732/99 ġiet sottomessa fl-1 ta` Settembru 1999 minn Fontana Brothers u PA 5253 ġiet sottomessa fl-4 ta` Ottubru 1999 minn Dilettanti tan-Nar Munxar. PA 6007/98 ġiet sottomessa fil-15 ta` Ottubru 1998 mis-Sur Reno Schembri u ġiet rifjutata mill-Bord tal-Kontroll ta` l-Iżvilupp fl-4 ta` Awissu 1999. Dwar din ta` l-aħħar ġiet sottomessa talba għal rikonsiderazzjoni minn din id-deċiżjoni u bħalissa l-applikazzjoni qiegħda tistenna deċiżjoni fuq din it-talba. Ninsab infurmat ukoll li bħalissa m`hemmx talbiet pendenti għand it-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern għal żvilupp jew estensjonijiet ta` art u/jew għal użu ta` bini eżistenti għal kmamar tan-nar.
Leg 9 PQ #17800 Sitting 342 2000-07-10 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Kunsill Lokali — Gwardjani privati

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 13741 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali u li issa ġiet riferuta lilu u cioe': B'riferenza għal avviż għal għanijiet ta' l-Att ta' l-1996 dwar Gwardjani Privati u Lokali "Att Numru XIII ta' l-1996" Numru 898 maħruġ fil-Gazzetta tal-Gvern Numru 16,878 bid-data ta' 26 ta' Novembru 1999, paġna 8366, għaliex il-lista ta' l-applikazzjonijiet li rċieva l-Kummissarju tal-Pulizija, skond Artikoli 7 u 8 ta' l-Att ta' l-1996 dwar il-Gwardjani Privati u Lokali, ma ġietx stampata kif attwalment jindika l-avviż imsemmi? Jista' l-Ministru jagħti din il-lista ta' l-applikazzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li kull applikazzjoni li saret mal-Pulizija għal liċenzji ta` Gwardjani Lokali, Gwardjani Privati, kif ukoll Aġenziji ta` Gwardjani Lokali jew Gwardjani Privati, ġew ippubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern skond kif titlob il-liġi. Għaldaqstant nissuġerixxi lill-Onor. Interpellanti tagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli mid-Dipartiment ta` l-Informazzjoni.
Leg 9 PQ #17641 Sitting 341 2000-07-10 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ċitazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ċitazzjonijiet li ħareġ il-korp tal-pulizija matul l-ewwel xhur tas-sena? Jista' jagħti breakdown ta' dawn iċ-ċitazzjonijiet f'Malta u Għawdex separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta` ċitazzjonijiet għal kontravenzjonijiet maħruġa mill-Pulizija matul l-ewwel sitt xhur ta` din is-sena kien ta` 55,245 f`Malta u 1,720 f`Għawdex. Ta` min hawnhekk jispjega li din l-informazzjoni ma tinżammx taħt forma ta` statistika u ġiet miġbura manwalment, u dan kien possibli peress li kienet tkopri perijodu relativament qasir.
Leg 9 PQ #17644 Sitting 341 2000-07-10 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Marfa — Xogħlijiet

Question

B'riferenza għall-iżvilupp li qed isir qrib il-moll u s-slipway tal-Marfa, jista' l-Ministru jassigurana li se jibqa' jkun hemm aċċess għall-pubbliku u għas-sajjieda? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanti ta' kif huwa approvat li jsir il-landscaping fl-inħawi u fejn se jsir l-aċċess għas-slipway u l-moll tal-Marfa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar m`għandhiex applikazzjonijiet pendenti u lanqas ħarġet xi permess li jaffettwa l-aċċess għall-moll u s-slipway li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant. Ninsab infurmat ukoll li mhux qed isir l-ebda żvilupp li jagħlaq l-aċċess għal l-istess moll u slipway.
Leg 9 PQ #17736 Sitting 341 2000-07-10 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Servizz Sigriet — Telephone tapping

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il darba s-servizz sigriet ġie awtorizzat jagħmel tapping tat-telephone? Jista' jgħid ukoll x'mekkaniżmu hemm f'dan is-sens u x'passi jittieħdu biex jiġi assigurat li ħadd mill-persuni li għandhom aċċess għat-tapping ma jabbuża b'tapping mhux awtorizzat?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 8273.
Leg 9 PQ #17808 Sitting 341 2000-07-10 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

HAC — Twaqqigħ ta' imħażen

Question

Jista' l-Ministru jikkwota l-kummenti li taw l-HAC u d-Dipartiment tal-Mużewijiet dwar it-twaqqigħ ta' imħażen storiċi fix-xatt tal-Birgu li ssemmew f'mistoqsija parlamentari numru 17614?

Response (BORG, TONIO)

Il-HAC li jifforma parti minnu d-Direttur tal-Mużewijiet għamel spezzjoni fuq is-sit u dwar dan il-lok partikolari qal: 'Il-Kumitat jaqbel mal-proposta li ż-żewġ imħażen tal-cooperage jistgħu jitwaqqgħu, u dan minħabba l-istat ħażin li jinsabu fih, kif fil-fatt jidher mir-ritratti sottomessi'.
Leg 9 PQ #17640 Sitting 340 2000-07-07 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Kollużjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' kollużjonijiet tat-traffiku rapportati lill-pulizija matul l-ewwel sitt xhur tas-sena? Kemm kien in-numru ta' kollużjonijiet tat-traffiku għall-istess perijodu rapportati lill-pulizija għas-snin 1998 u 1999?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fl-ewwel sitt xhur ta` din is-sena, ġew irrapurtati lill-Pulizija 6,241 inċidenti tat-traffiku, filwaqt li matul l-istess perijodu fl-1998 u fl-1999 kienu rrapurtati 5,047 u 5,161 rispettivament.