Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment tal-Agrikoltura – irziezet taż-żwiemel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-rekwiżiti mitluba mid-Dipartiment tal-Agrikultura sabiex persuna tkun tista’ tarma razzett taż-żwiemel fil-gżejjer Maltin u Għawdxin? Min jiddeċiedi jekk dawn ir-rekwiżiti humiex milħuqa jew le?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewlna, ir-rekwiżiti meħtieġa mid-Dipartiment tal-Agrikoltura dwar stalel taż-żwiemel huma kif jidhru f’Tabella A, li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Hija responsabbilta tad-Direttur tad-Dipartiment li jiddeċiedi jekk dawn ir-rekwiżiti ġewx milħuqa jew le wara li jingħata parir mill-Animal Husbandry Unit tad-Dipartiment.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — impjegati li qed isegwu kors l-Università

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati li jaħdmu fid-dipartimenti u l-uffiċċji kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li qed jagħmlu kors l-Università u/jew kors online ma' università barranija (indikati separatament)? Jista’ jgħid liema korsijiet huma? Jista’ jgħid x’inhu l-grad ta’ kull impjegat u jekk id-dipartiment ikkonċernat hux qed jagħti xi għajnuna? Jekk fl-affermattiv, x’inhi din l-għajnuna?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewlna, qiegħed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub, miġbur f’Tabella.

ħolqien ta’ c + d waste generation — miżuri regolatorji

Question

Peress li l-Gvern l-ieħor kellu jintroduċi miżuri regolatorji u fiskali biex inaqqas il-ħolqien ta’ c + d waste generation (construction and demolition) biex jippromwovi riċiklar ta’ materjal għall-bini, jista’ l-Ministru jgħid x'kienu dawn il-miżuri?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-mistoqsija għanda tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat.

pjan nazzjonali dwar l-iskart perikoluż

Question

Peress li l-Gvern preċedenti kellu jimplimenta pjan nazzjonali dwar l-iskart perikoluż (hazardous waste), jista’ l-Ministru jgħid meta tlesta u beda jiġi attwat?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi għalkemm il-pjan nazzjonali dwar l-immanigjar tal-iskart fil-gżejjer Maltin (2008-2012) ikkopri il-miżuri dwar skart perikoluż ma jiriżultax li kellu jiġi implementat pjan nazzjonali dwar l-iskart perikoluż (hazardous waste) separatament mill-pjan nazzjonali għall-immaniġjar ta' l-iskart. Meta ġiet mnedija l-istrateġija intqal li “immediate action has to be taken so that the current practice of storing hazardous wastes, where they arise, would be terminated”. Jekk niftakar sew, fil-Parlament l-ex Ministru għall-Ambjent kien anki stqarr fi tweġiba għall-mistoqsija Parlamentari tiegħi fuq domanda supplimentari, li huwa diffiċli ħafna li wieħed jiddifinixi x'inhuwa verament skart perikoluż u li kellu jsir studju dettaljat dwar dan. Sadanitant, il-Gvern l-ieħor minn naħa l-oħra kien għamel tħejjijiet biex ikollna hazardous waste treatment facility żviluppata - proċess li ħa żmien konsiderevoli anki mill-aspett tal-ippjanar.

Ħażna ta’ asbestos

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għad hemm asbestos maħżun f'pajjiżna u kemm minnu għadu qed jinżamm fl-istorage jistenna d-disposal?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-mistoqsija għanda tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat. Li huwa ċert hu li meta saret l-istrateġija dwar l-iskart kien ġie stabbilit li xi elfejn metru kubu ta’ asbestos kien stmat li kien qed jinżamm fl-istorage jistenna d-disposal.

Direttiva WEEE — inċentivi

Question

Billi fis-sena 2010 il-Gvern kien wiegħed review urġenti tal-faċilitajiet eżistenti tal-WEEE u anki inċentivi fiskali biex jiżgura li jintlaħqu l-miri taħt id-Direttiva WEEE, jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ dawn l-inċentivi u meta ddaħħlu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi jekk saret din r-review ma tantx jidher li tat frott għalhiex sal lum għadna nirċievu lmenti kbar mill-korpi kostitwiti kemm fuq l-eko kontribuzzjoni kif titħaddem kif ukoll fuq it-tħaddim tal-WEEE li ma jidhirx li laħaq il-livelli meħtieġa.

Buġibba – Water Park

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3339 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu u jagħtu informazzjoni dwar l-attendenza ġimgħa ġimgħa għas-sajf 2012? Jista’ jagħti t-tagħrif għal-din is-sena, bl-istess mod?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li ma nżammitx l-ebda statistika ġimgħa b’ġimgħa tal-attendenza fis-sajf 2012. Madanakollu ninsab infurmat ukoll li bejn wieħed u ieħor kienu attendew madwar 91,500. Għal din is-sena qed tinġabar l-istatistika.

Żvilupp sostenibbli – flus ivvotati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid il-Gvern preċedenti kemm ivvota flus għall-iżvilupp sostenibbli fil-baġit 2013? Kemm ħadmu l-istrutturi sal-lum minn mindu għaddiet il-liġi dwar żvilupp sostenibbli fil-Parlament?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-baġit 2013 ma kien hemm l-ebda vot speċifiku sabiex jiġu eżegwiti partikolarment il-funzjonijiet ġodda msemmija fil-liġi tal-iżvilupp sostenibbli. Tajjeb li wieħed jirreġistra li għalkemm in-nies fuq l-istrutturi li joħorġu mil-liġi dwar l-iżvilupp sostenibbli ġew appuntati riċentament, minkejja l-qari tal-liġi dwar l-iżvilupp sostenibbli sar fit-tieni nofs tal-2010, il-liġi nnifisa għaddiet mil-istadji kollha tal-Parlament f’Lulju tas-sajf li għadda, iżda l-ewwel ħatriet ta’ dawn l-istrutturi saru biss lejn tmiem is-sena l-oħra. Fiċ-ċirkostanzi nixtieq nuri appreżament għall-kontribut li nies involuti taw f’dan iż-żmien limitat.

Strateġija dwar l-iskart

Question

Peress li fl-istrateġija tiegħu l-Gvern preċedenti kien qal li kien determinat li jħaddem mekkaniżmu biex jiżgura li dawk il-Ministeri li ma jiġbdux ħabel wieħed dwar l-iskart kienu se jiġu ċċensurati mill-Kabinett, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan sarx?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-mistoqsija għanda tiġi riferuta lill-Prim Ministru.

strateġija dwar l-iskart — implimentazzjoni

Question

Peress li l-istrateġija dwar l-iskart kienet titlob li kull Ministeru u stakeholder jappunta uffiċjal eżekuttiv li flimkien miegħu l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali kellu jiddjaloga fl-implimentazzjoni tal-istrateġija dwar l-iskart, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-mekkaniżmu twaqqafx u tħaddimx?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ma sibna ebda evidenza dettaljata li dan sar - speċjalment li l-mekkaniżmu nnifsu twaqqafx u tħaddimx kif il-Gvern preċedenti kien mistenni u marbut li jagħmel- ħlief għall-Green Leaders li kellhom jiġu ko-ordinati mill-Uffiċju tal-Prim Ministru.

Strateġija dwar l-immaniġġar tal-iskart

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern preċedenti kienx kommess li jikkummissjona reviews perjodiċi indipendenti dwar il-progress tal-istrateġija dwar l-immaniġġar tal-iskart? Jista’ jgħid jekk dan sarx u kemm kien effettiv?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Gvern preċedenti kien kommess li jagħmel dawk li jissejħu periodic reviews iżda ma sibna ebda evidenza li dan l-aġġornament u jekk dawn r-reviews indipendenti qattx saru dwar il-progress tal-istrateġija nnifisa, lanqas meta tlabna tagħrif mir-regolatur.

Strateġija dwar l-iskart

Question

Peress li l-istrateġija dwar l-iskart kienet bassret li sas-sena 2015 ir-rata tat-tkabbir kellha titnaqqas għal 1.5% fis-sena, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan it-target hux se jintlaħaq?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant sabiex ġentilment jispeċifika għal liema tnaqqis ta’ 1.5% fis-sena qed jireferri.

San Pawl il-Baħar – applikazzjoni mid-dipartiment tas-sajd

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’tip ta’ żvilupp saret applikazzjoni għalih mid-dipartiment responsabbli mis-sajd fl-inħawi tal-Veċċja, San Pawl il-Baħar? X’użu se jsir minn dan l-iżvilupp, u min hu mistenni li jagħmel użu minnu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li preżentament qed isiru l-kunsultazzjonijiet meħtieġa mid-Dipartiment tas-Sajd u Akwakultura fi ħdan il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima, biex il-Breakwater f’tal-Veċċja jkun msaħħaħ. Huwa ntenzjonat ukoll li jsiru xogħolijiet oħra ta’ manutenzjoni fiż-żona ta’ madwaru li jinkludu s-slipways u l-moll. Bħalissa qegħdin jiġu finalizzati l-pjanti u stimi biex fil-ġimgħat li ġejjin tkun sottomessa applikazzjoni ta’ żvilupp mal-MEPA.

Xemxija – Żbir ta’ siġar

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’tip ta’ żabra qed issir lis-siġar taż-żebbuġ li hemm fix-Xemxija? Meta saret l-aħħar żabra?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li ż-żbir tas-siġar fix-Xemxija ma jaqax taħt ir-responsabilta tal-Ministeru tiegħi.

Il-Miżieb – spezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-uffiċjali tad-dipartiment jagħmlux spezzjonijiet minn żmien għal żmien fl-inħawi tal-Miżieb biex jiġi assigurat li ma jkunx hemm ħaxix ħażin li jitħalla jikber u jinxef taħt is-siġar taż-żebbuġ, liema ħaxix jista’ jikkawża nirien kbar jekk jaqbad?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li għal numru konsiderevoli ta’ snin ma saru l-ebda spezzjonijiet minn l-uffiċjali tad-dipartiment fl-inħawi tal-Miżieb. Ser jiġi evalwat eżattment x’kuntratti hemm relatati ma dan il-post u x’obbligi kuntrattwali hemm jew m’hemmx sabiex imbagħad wieħed jkun jista’ jirregola aħjar x’għandu jsir.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — xogħol ta’ konsulenzi lil individwi jew kumpaniji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenzi lil individwi u/jew kumpaniji mill-2004 sal-lum mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 1542 tapplika wkoll bħala tweġiba għal din il-mistoqsija.

Wasteserv — operat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li sar studju mill-Gvern l-ieħor mill-Ministeru tal-Finanzi dwar l-operat tal-Wasteserv? Jista’ jgħid jekk dan qattx ġie studjat mill-Wasteserv infisha? Hemm xi ħjiel kemm ġie jiswa? Jista’ jgħid jekk il-Wasteserv imxietx fuq il-linji strateġiċi tiegħu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi nista nikkonferma li sar dan l-istudju li jismu “WasteServ Malta Ltd – Financial Review 2011 – reducing net cost to Government”. Dwar kemm ġie jiswa, l-aħjar li l-mistoqsija ssir lill-Ministeru tal-Finanzi li kkummissjonaħ taħt amministrazzjoni preċedenti. Jekk sarx studju mill-WasteServ innifisha huwa diffiċli li jinstab traċċja ta’ dan. Li huwa ċert huwa li l-WasteServ f'ħafna każi baqgħet tagħmel il-maqlub ta' dak li rrikmanda r-rapport. L-ewwel abbozz ta’ dan ir-rapport kien tlesta f’Lulju 2012. Wara konsultazzjoni mal-WasteServ, fejn l-aspetti varji tal-operat ġew spjegati u diskussi, ir-rapport ġie ppreżentat f’Dicembru 2012 in ‘ draft form’ lis-Segretarju Permanenti tal-Finanzi u s-Segretarju Permanenti tal-MRRA, b’uffiċjali tal-WasteServ preżenti. Filwaqt li xi wħud mir-rakkomandazzjonijiet kienu jinsabu fi proċess ta’ implimentazzjoni, intqal li l-maġġjor parti riedu jiġu diskussi fuq livell inter-Ministerjali għax kienu jinvolvu bidliet strateġiċi fil- policy tal-Gvern. Li huwa ċert ukoll huwa li filwaqt li l-Ministru responsabbli għall-WasteServ taħt l-amministrazzjoni preċedenti wera riżervi serji dwar l-istudju nnifsu, f'artiklu riċenti tiegħu, l -ex Ministru tal-Finanzi lanqas jidher li kien f'qagħda li jiċħad jew jikkonferma jekk qattx qraħ- dejjem skont kummenti fil-ġurnali lokali. Tant li huwa ġie kkwotat li qal li lanqas biss jiftakar jekk dan ir-rapport qattx ġie għall-attenzjoni tiegħu meta skont l-istess rapport dan kien abbozz għad-diskussjoni li kien ġie ppreżentat għal kunsiderazzjoni tal-Gvern f' Lulju 2012. Il-Ministru tal-Finanzi ta' dak in-nhar kien ġie kkwotat li qal li għalkemm jiftakar li kien inbeda review process dwar il-WasteServ ma jeskludix li billi dan kien abbozz għad-diskussjoni seta’ baqa’ fuq il-livell tal-għola uffiċjali tal-Ministeru. Il-Ministru kien ġie kkwotat li qal li lanqas jiftakar jekk xi tibdiliet finanzjarji u amministrattivi rrikmandati fir-rapport ġewx implimentati jew le għax qal li f'dak ż-żmien aktar kien qed jiffoka fuq il-Budget innifsu. Huwa qal li x'aktarx ma waqafx minn xogħlu f'Settembru biex jindirizza il-kwistjoni tal-WasteServ.

Wasteserv — pjanijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi rwol għall-Wasteserv kellu maħsub il-Gvern preċedenti fejn jidħol is-settur privat? Mill-konsultazzjonijiet li kellu, fejn kienu waslu l-pjanijiet?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont is-SOLID WASTE MANAGEMENT STRATEGY FOR THE MALTESE ISLANDS il-Gvern preċedenti kien ikkommetta ruħu kif ġej - Il-WasteServ issa għandha l-ħsieb li tkun biss katalista għas-settur privat u ser taġixxi biss fejn ma jkunx hemm alternattiva oħra bħala dak li jissejjaħ an operator of last resort. Fil-konsultazzjonijiet li kelli mall-korpi kostitwiti anki qabel ma assummejt r-rwol li għandi llum fil-Gvern, il-feedback unanimu li kelli kien li l-WasteServ, kuntrarju għal dak li ntqal fid-dokument ta’ strateġija, aktar deher moħħu li jagħmel bil-maqlub - li jżid mal-operazzjonijiet li għandu flok jagħti aktar spazju lill-privat. F'parti oħra tar-rapport jingħad li biex jiġi żgurat li l-użu tal-WasteServ ma jxekkilx l-operat tas-settur privat u s-sehem potenzjal tiegħu, kellha ssir evalwazzjoni tal-aġenzija sabiex tara kemm kien effettiv is-servizz offrut mill-WasteServ sal-lum kif ukoll id-direzzjoni strateġika li kellha tittieħed sabiex din tkun tista’ tiġi addottata ħalli jkun hemm facility devolution mifruxa sew. Li huwa ċert huwa li d-dokument kien jistqarr kategorikament li “AT THIS POINT IN TIME GOVERNMENT WISHES TO REITERATE THAT IT DOES NOT INTEND TO INVOLVE WASTESERV IN ACTIVITIES THAT COMPETE WITH OR IMPINGE UPON THE SERVICES THAT COULD BE OFFERED BY THE PRIVATE SECTOR". Iżda xorta waħda kienu ħallew it-tieqa mbexxqa billi żiedu jgħidu li minħabba il-mandat tiegħu bħala operatur ta' last resort, il-Gvern ta' dak in-nhar ma kienx jeskludi li il-WasteServ tista’ tiġi sfurzata biex tidħol f'servizzi addizzjonali kemm il-darba s-settur privat jagħżel li ma jindirizzax l-opportunitajiet u t-talbiet li setgħu jsirulu.

Sajjieda — Għajnuna mill-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'liema mod konkret qed jaħseb il-Gvern li jgħin lis-sajjieda lokali?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li b’mod konkret il-Gvern ser jgħin lis-sajjieda billi għall-ewwel darba f’numru ta’ snin ħatar Segretarju Parlamentari politikament responsabbli għal dan is-settur u li bis-saħħa ta’ dan is-sajjieda u l-għaqdiet tagħhom qed ikollom kuntatt kontinwu mas-Segretarjat responsabbli għas-sajd. Barra minn dan ġa beda ix-xogħol biex jitfassal il-qafas legali għat-twaqqif ta’ kunsill konsultattiv dwar is-sajd, b’rappreżentanza tal-kooperattivi u ta’ nies tekniċi u esperti f’dan is-settur. Ninsab infurmat ukoll li diġa twaqqaf management committee kompost minn rappreżentanti tad-Dipartiment tas-Sajd u 2 kooperattivi biex ikun aċċertat li l-hardstand facility f’Marsaxlokk titmexxa b’mod ġust u trasparenti għall-beneffiċju tas-sajjieda li jagħmlu użu minha. Inbeda wkoll xogħol preparatorju biex jitwettaq il-proġett tal-bini tal-breakwater, proġett li ilu jiġi mitlub mis-sajjieda. Dan ix-xogħol qed isir minbarra x-xogħol neċessarju biex is-sajjieda jkollom estenzjoni tas-servizzi diretti provduti fuq bażi ta’ 24/7 u tfassil ta’ pjanijiet li eventwalment iwasslu għal titjieb fl-infrastruttura fil-portijiet kif ukoll fil-bini tal-pixkerija l-ġdida. Ninsab infurmat li qed isir ukoll ix-xogħol meħtieġ biex jiġu allokati flus taħt il-programm ġdid tal-UE għat-tisħiħ u żvilupp ta’ dan is-settur.

Fondi tal-Unjoni Ewropea – Sussidju lill-Bdiewa u Raħħala

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 587, jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' fiex waslu l-affarijiet? Jista' jgħid ukoll jekk sarux xi pagamenti dovuti?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-Miżura 121 qiegħda fl-istadju ta’ evalwazzjoni tal-appelli mitfugħa, liema evalwazzjoni qiegħda ssir mill-Bord tal-Appell. Meta jitlesta dan il-proċess, il-Ministeru jħabbar ir-riżultat finali bil-gradwatorja tal-applikazzjonijiet. Il-kuntratti mall-bdiewa u r-raħħala jsiru mmedjatament wara it-tħabbir ta’ dan l-istess riżultat. Ninsab infurmat ukoll li l-pagamenti jistgħu jibdew jiġu pproċessati meta l-bdiewa u r-raħħala li jkunu kkuntrattati jressqu l-fatturi u l-irċevuti li juru l-ispejjeż li jkunu wettqu relatati mal-investiment propost fl-applikazzjonijiet relattivi tagħhom. Ninsab infurmat ukoll li ġew identifikati ammont ta’ fondi limitati li permezz tagħhom, wara li jkunu nstemgħu l-appelli mmsemija, numru ta’ applikanti li kienu tpoġġew ‘on reserve’ fuq il-lista oriġinali jkunu jistgħu jiġu moqdija wkoll.