Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #25242 Sitting 404 2016-06-20 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għall-Finanzi

MFSA – talbiet għall-awtorizzazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il talba għall-awtorizzazzjoni kellha pendenti l-Awtorità ta’ Malta għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA), fl-aħħar ta’ Diċembru tal-2003, 2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010, 2011, 2012, 2013, 2014 u tal-2015? Kemm minn dawn kienu pendenti għal aktar minn sitt xhur u sena? Jista’ jagħti din l-informazzjoni fuq bażi annwali?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fir-rigward tas-snin 2010, 2011, 2012, 2013, 2014 u 2015, l-informazzjoni mitluba qed tingħata permezz tat-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Fir-rigward tas-snin 2003, 2004, 2005, 2006, 2007, 2008 u 2009, l-informazzjoni disponibbli hija limitata u għaldaqstant ma tistax tingħata risposta f’dan ir-rigward. Minbarra l-applikazzjonijiet indikati fit-tabella mogħtija, l-Awtorità ipproċessat ukoll numru ta’ talbiet għal reġistrazzjoni għal fini tal-Att XX tal-2013 dwar il-Provdituri ta’ Servizz lil Kumpaniji li daħal fis-seħħ fl-24 ta’ Diċembru 2013. Minħabba l-ammont u n-natura partikolari tagħhom id-dettalji dwar dawn it-talbiet qed tiġi mogħtija separatament kif ġej: It-talbiet għal reġistrazzjoni pendenti fl-aħħar ta’ Dicembru 2014 , kienu 202 – li minnhom in-numru ta’ talbiet pendenti għal aktar minn sitt xhur iżda anqas minn sena kien 189, filwaqt li ma kien hemm ebda talba pendenti għal aktar minn sena. It-talbiet għal reġistrazzjoni pendenti fl-aħħar ta’ Dicembru 2015 kienu 132 – li minnhom in-numru ta’ talbiet pendenti għal aktar minn sitt xhur iżda anqas minn sena kien 2, filwaqt li n-numru ta’ talbiet pendenti għal aktar minn sena kien 118. Ta’ min jgħid li qabel l-2014 din it-tip ta’ attività ma kinitx waħda reġistrabbli u għaldaqstant l-entitajiet konċernati xorta setgħu jagħtu dan it-tip ta’ servizz minkejja li kellhom (jew għad għandhom) talba għal reġistrazzjoni pendenti.
Leg 12 PQ #26081 Sitting 404 2016-06-20 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Ministeru għall-Finanzi

Dipartiment tal-Kuntratti – xiri — direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista dettaljata ta’ talbiet li saru lid-Dipartiment tal-Kuntratti għal xiri permezz ta’ direct orders ta’ valur ta' fuq minn €120,000 jew Restricted Tendering Procedure (valur, metodu ta’ xiri, data meta saret it-talba, deskrizzjoni tax-xiri u l-isem tal-kuntrattur) hekk kif mitluba mill-Malta Enterprise/Malta Industrial Parks bejn is-snin 2008 u 2012? Jista’ jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew approvati mid-Dipartiment tal-Kuntratti?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Leg 12 PQ #25948 Sitting 401 2016-06-13 Oral · Final From: JOE FARRUGIA To: Ministeru għall-Finanzi

MFSA — Investigazzjonijiet fuq perusni jew entitajiet liċenzjati

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm investigazzjonijiet fuq persuni jew entitajiet liċenzjati fl-2015? Kemm kien hemm pendenti fil-31 ta' Diċembru 2015, u dawk pendenti kemm ilhom taħt investigazzjoni? Barra l-investigazzjonijiet, kien hemm xi kwistjonijiet ta' sorveljanza oħra? X'qed tagħmel l-MSA biex tara li dawn l-investigazzjonijiet u kwistjonijiet jingħalqu fi żmien qasir?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi matul l-2015 kien hemm 50 investigazzjoni għaddejja fuq persuni jew entitajiet liċenzjati mill MFSA. In-numru ta’ investigazzjonijiet pendenti fil-31 ta' Diċembru 2015 kien 36. Minn dawn ta’ l-aħħar 19 inbdew fl-2015, 10 ilhom taħt investigazzjoni mill-2014, 5 mill-2013 u 2 ilhom mill-2011. Barra minn dawn l-investigazzjonijiet hemm numru ta’ kwistjonijiet ta’ sorveljanza li ukoll ivarjaw fid-daqs, fin-natura u fil-kumplessita’ tagħhom u li għaldaqstant l-ammont ta’ żmien li jkun hemm bżonn biex jigu ttrattati jvarja skond il-każ. Dawn il-kwistjonijiet huma segwiti b’mod kontinwu mill-Unit responsabbli għas-superviżjoni skont il-qasam partikolari. Dan isir permezz ta’ korrispondenza, laqgħat mal-persuni jew entitajiet konċernati u/jew żjarat ta’ verifika, kif ukoll permezz ta’ miżuri regolatorji kif jinħtieg, inkluż ħrug ta’ direttivi, penali amministrattivi u sanzjonijiet oħra jekk ikun jitlob il-każ. L-ammont ta’ ħin u riżorsi umani tekniċi meħtiega f’dawn il-proċessi qiegħed dejjem jikber flimkien mat-tkabbir fis-settur u ż-żieda fid-daqs ta’ l-entitajiet konċernati. L-MFSA għaldaqstant għaddejja b’diversi programmi ta’ reklutaġġ u t-taħrig intiżi biex jitħaffu l-proċessi ta’ investigazzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet ta’sorveljanza, filwaqt li dawn il-proċessi jibqgħu isiru bir-reqqa neċessarja u skont il-proċeduri mitluba mill-liġi. Twaqqfet ukoll Enforċement Unit u qed jigi emendat l-Att dwar l-Awtorita’ tas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta, biex jissaħħu l-proċessi ta’ infurzar u fl-istess waqt titjieb l-allokazzjoni tar-riżorsi meħtiega kemm għax-xogħol ta’ superviżjoni u sorveljanza, kif ukoll għal dak investigattiv u ta’ infurzar. L-Awtorita’ qegħda tistudja wkoll kif jista jsir iktar titjib fin-numru kbir ta’ proċessi li hija tħaddem.
Leg 12 PQ #25949 Sitting 401 2016-06-13 Oral · Final From: JOE FARRUGIA To: Ministeru għall-Finanzi

MFSA — direct orders

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar in-numru ta' direct orders li ngħataw mill-MFSA matul is-sena 2014 u matul is-sena 2015? Jista' jagħti lista ta' dawk li ngħataw direct orders ta' ammonti minn €10,000 f'sena waħda?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Leg 12 PQ #25975 Sitting 401 2016-06-13 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Finanzi

Proprjetajiet — bejgħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid, matul is-sena 2015, kemm inbiegħu proprjetajiet li l-valur tagħhom huma: a. anqas minn €150,000; b. bejn €150,000 u €250,000; c. bejn €250,000 u €600,000; d. bejn €600,000 u €1,000,000; u e. aktar minn miljun ewro?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hi skond it-tabella mehmuża: VALUR TAL-PROPJETANUMBRU TA PROPRJETAJIET LI ĠEW MIBJUGĦA Anqas minn €150,00011,783 Bejn €150,000 u €250,0002,398 Bejn €250,000 u €600,0001,258 Bejn €600,000 u €1,000,000240 Aktar minn €1,000,000173
Leg 12 PQ #20183 Sitting 400 2016-06-08 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għall-Finanzi

Ministeru għall-Finanzi – direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ingħataw xogħol, kemm b’direct order jew wara sejħa pubblika l-Avukat u/jew id-Ditta tal-Avukati li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament sew jekk b’konsulenza jew xogħol ieħor għas-snin 2003–2013?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #25771 Sitting 399 2016-06-06 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Ministeru għall-Finanzi

Skema għall-persuni b’diżabilità – trasferiment ta’ karozza – każ ta’ individwu

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġi kkuntatjat l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward problema li qiegħed isib dwar trasferiment ta' karozza taħt l-iskema għall-persuni b'diżabilità?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru diġa għamel kuntatt mal-individwu kkonċernat u l-problema tiegħu ġiet solvuta.
Leg 12 PQ #25781 Sitting 399 2016-06-06 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għall-Finanzi

Laqgħa dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar il-laqgħa li nżammet ftit ġranet ilu f’Mejju 2016 fil-bini tal-MFSA dwar l-aħħar żviluppi fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u li kienet indirizzata minn esperti Awstrijaċi u għal liema laqgħa kienu preżenti uffiċjali tal-Gvern, membri tal-Ġudikatura u avukati mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-laqgħa li qed issir referenza għaliha hi fil-fatt waħda minn sensiela ta’ sitt training seminars li l-MFSA organizzat b’kooperazzjoni ma’ l-FIAU dwar l-International Standards kontra l-ħasil ta’ flus u finanzjar tat-terrorismu u l-obbligi li jgibu magħhom. Dawn is-seminars saru sabiex tiżdied l-awareness u l-expertise tal-operaturi fis-settur tas-servizzi finanzjarji dwar il-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus u ta’ dawk li jagħtu xi kontribut f’din il-ġlieda. Għal dawn is-seminars kienu mistiedna jattendu u jipparteċipaw supervisory staff tal-MFSA u tal-FIAU, compliance officers u money laundering reporting officers mis-setturi kollha tal-industrija tas-servizzi finanzjarji kif ukoll pulizija, avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Generali u membri tal-gudikatura. Il-laqgħa li qed isir referenza għaliha kienet fil-fatt it-training seminar li sar bejn it-18 u l-20 ta Mejju u li kien immirat ghall-pulizija, avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Generali u membri tal-ġudikatura. Is-seminar gie indirizzat minn żewġ esperti fis-settur, inkluż forensic accountant, u nkluda tagħrif dwar kif issir investigazzjoni forensika, dwar ġbir ta’ evidenza, interpretazzjoni ta’ dokumenti finanzjarji u bankarji, dwar kif wieħed jipprepara għall-prosekuzzjoni ta’ każ ta’ ħasil ta’ flus kif ukoll “mock trial”.
Leg 12 PQ #25795 Sitting 399 2016-06-06 Oral · Final From: JOE FARRUGIA To: Ministeru għall-Finanzi

MFSA — Disaster Recovery Plan

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar jekk l-MFSA għandhiex Disaster Recovery Plan? Jekk għandha, jista' jinforma lill-Kamra min hu responsabbli ta' dan, u jekk le, għaliex Awtorità li suppost tippromwovi best practice ma għandhiex? Jekk iva, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dan il-pjan?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-MFSA tikkonferma li għandha “Disaster Recovery Plan” li tinkludi wkoll ċentru għal “data” f’lokal “offsite” li taqa’ taħt ir-responsabilità tal-IT Unit. L-Onorevoli japprezza li għal skopijiet ta’ sigurtà fuq id-data tal-Awtorità, mhux fl-interess tagħha li din l-informazzjoni tkun pubblika.
Leg 12 PQ #25796 Sitting 399 2016-06-06 Oral · Final From: JOE FARRUGIA To: Ministeru għall-Finanzi

MFSA — sistema tal-IT

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji għaliex is-sistema tal-IT fi ħdan l-MFSA waqfet tiffunzjona għal sitt sigħat fit-18 ta' Mejju 2016? Il-pjan x'kien jipprevedi f'ċirkustanzi bħal dawn?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-MFSA tikkonferma li fit-18 ta’ Mejju, 2016, fl-10.07am wieħed mill-Users ma setax inizzel ċertu PDF files u immedjatament avża lill-Unit tal-IT li mill-ewwel identifikaw li s-sistemi ġew attakkati minn virus tat-tip Trojan. Nofs siegħa wara, ttieħdu passi biex kulħadd jagħlaq id-dokumenti li kienu qed jaħdmu fuqhom. Immedjatament ittieħdu passi biex ċertu sistemi jiġu iżolati u ġew scanned is-sistemi kollha u ġiet identifikata il-PC minn fejn oriġina dan il-virus u ġew iżolati l-files li ġew infettati. Mill-ewwel ittieħdu passi biex jiġu restawrati files mill-backups li jittieħdu kontinwament mis-sistema. Dan il-proċess ħa sal-4.15pm meta inxtagħlet lura s-sistema mingħajr ma sar l-ebda dannu fuq id-data tal-Awtorità. Il-proċeduri li ttieħdu f’din iċ-ċirkustanza huma skont il-pjan ta’ emerġenza bir-riżultat li x-xogħol kompla fi żmien qasir u d-danni li kien hemm ġew identifikati mill-ewwel u rettifikati fi żmien qasir. L-Awtorità għandha sistemi anti-virus sofistikati u sal-lum għadhom għaddejjin verifiki mal-fornituri ta’ dawn is-sistemi biex jaraw kif daħal dan il-virus u biex jiġu evitati sitwazzjonijiet simili wara li sar Security Incident Report kif suppost.
Leg 12 PQ #25797 Sitting 399 2016-06-06 Oral · Final From: JOE FARRUGIA To: Ministeru għall-Finanzi

MFSA — konsulenzi

Question

Jista' l-Ministru jiċċara jekk hux minnu li l-MFSA qiegħda tagħti konsulenzi b'direct orders lil persuna li hija magħrufa li hija konsulent ta' diversi fondi fil-Cayman Islands?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorità tagħti diversi xogħolijiet ta’ konsulenza speċjalizzata fil-qasam tas-Servizzi Finanzjarji lil diversi konsulenti li huma magħrufin fil-qasam ta’ specjalizzazzjonijiet partikulari u li jistgħu jiġu mqabbdin ukoll minn ġurisdizzjonijiet oħrajn minħabba li jkunu esperti fil-qasam ta’ konsulenza mitluba.
Leg 12 PQ #25886 Sitting 399 2016-06-06 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għall-Finanzi

Persuni — Dħul

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 25604, fejn fit-tweġiba ingħad li hemm 104,968 persuna li għandhom dħul bejn €1 sa €10,000 fis-sena, jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn il-persuni għandhom dħul (separatament) bejn €1 sa €500, bejn €500 sa €800 u bejn €800 u €1000 fis-sena?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #25657 Sitting 396 2016-05-31 Oral · Final From: JOE FARRUGIA To: Ministeru għall-Finanzi

MFSA — kriterji fuq bonds

Question

Jista' l-Ministru jispjega xi kriterji ntużaw biex il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament tingħata permess mill-Awtorità ta' Malta għas-Servizzi Finanzjarji biex toħroġ il-bonds meta hemm disclaimer mill-awdituri fuq l-accounts tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u meta ċ-Chairperson tal-istess kumpanija kellu diġà problema simili fil-passat? Kif se jiġu protetti l-interessi ta' min investa flusu ma' din il-kumpanija? Jista' jelenka l-compliance visits li saru fuq din il-kumpanija u x'azzjonijiet ittieħdu biex tiġi evitata din iċ-ċirkustanza?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
Leg 12 PQ #25658 Sitting 396 2016-05-31 Oral · Final From: JOE FARRUGIA To: Ministeru għall-Finanzi

International Tax Unit — back log

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri qed jittieħdu fl-International Tax Unit biex jiġi indirizzat il-back log li akkumula?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat fil-PQ 25656.
Leg 12 PQ #25711 Sitting 396 2016-05-31 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Finanzi

Problema ta’ bolol – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward problemi ta’ bolol?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 12 PQ #25759 Sitting 396 2016-05-31 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għall-Finanzi

Persuni akkużati bi ksur tal-liġi tal-VAT

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-Qorti akkużati bi ksur tal-liġi tal-VAT u l-liġi tal-Income Tax mill-aħħar ta’ Marzu 2013 u kemm minnhom ġew misjuba ħatja (maqsumin skont jekk taħt il-liġi tal-VAT u jekk taħt il-Liġi tal-Income Tax)? Kemm minnhom ġew ikkundannati multa u kemm minnhom ġew ikkundannati sentenza ta’ priġunerija?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tipoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Leg 12 PQ #25655 Sitting 395 2016-05-30 Oral · Final From: JOE FARRUGIA To: Ministeru għall-Finanzi

Insurance brokers

Question

Jista' l-Ministru jindika x'titjib sar fil-ħruġ tal-liċenzji fejn jidħlu insurance brokers meta paragunat mal-leġiżlatura ta' qabel?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant jispjega x’jifhem bil-kelma ‘titjib’ fil-ħruġ tal-liċenzji.
Leg 12 PQ #25656 Sitting 395 2016-05-30 Oral · Final From: JOE FARRUGIA To: Ministeru għall-Finanzi

International Tax Unit — riżorsi umani

Question

Jista' l-Ministru jispjega s-sitwazzjoni tar-riżorsi umani fl-International Tax Unit u kif jista' jitħaffef il-proċess ta' refunds?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpelllant illi fil-Unit imsemmi hemm 21 persuna. Il-Unit qed jaħdem fuq proġett biex il-proċessi kollha rilevanti jkunu kompjuterizzati bl-għan ewlieni li l-proċess kollu jsir aktar mgħaġġel u b’mod effiċjenti u effettiv. Il-proġett wasal fil-fażi fejn ġew dokumentati l-proċessi kollha u qed jsiru arranġamenti biex tkun ppreżentata internament qabel ma tiġi żviluppata minn kuntrattur li għad jrid jintgħażel.
Leg 12 PQ #25517 Sitting 394 2016-05-25 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għall-Finanzi

Volumi ta’ containers u tonnage

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istatistika għal dawn l-aħħar tliet snin marbuta ma’ volumi ta’ containers u tonnage importat u esportat minn u lejn Malta?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #25604 Sitting 394 2016-05-25 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għall-Finanzi

Persuni — Dħul

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru (separatament) ta' persuni li d-dħul tagħhom ma jaqbiżx l- €10,000, l-€20,000, it-€30,000, l-€40,000 u aktar minn €40,000 fis-sena?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.