Legislature:
Category:
Reset
Active:

Grawnd tal-football ħdejn l-iskola ta’ Maria Assunta – ftehim mal-Malta Football Association

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk waqax il-ftehim li kien hemm mal-Malta Football Association dwar l-investiment fil-grawnd biswit l-iskola ta’ Maria Assunta u għal liema raġuni? Kemm kien se jkun is-sehem tal-Malta Football Association (MFA) f’dan il-proġett?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li ma jeżisti l-ebda ftehim mal-Malta Football Association dwar investiment fil-grawnd biswit l-iskola ta’ Marija Assunta.

Grawnd tal-futbol ħdejn l-iskola Maria Assunta — użu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huwa intenzjonat li jagħmel użu mill-grawnd biswit l-iskola ta’ Maria Assunta ladarba x-xogħol jitlesta kompletament?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-iżvilupp tal-grawnd biswit l-iskola ta’ Maria Assunta ser ikun żviluppat minn fondi tal-Ministeru. Hu maħsub li meta jitlesta l-grawnd, dan ikun għall-użu tal-istituzzjonijiet edukattivi u anke għaqdiet sportivi.
Leg 12 PQ #12194 Sitting 200 2014-11-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Psychologist – lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fil-lista ta’ stennija biex jaraw clinical psychologist għas-servizzi mogħtija mill-Ministeru tiegħu meta jiġu riferuti minħabba socio-emotional u/jew behavioural difficulties? Kemm hu ż-żmien ta’ stennija biex dawn jingħataw appuntament u jibdew bl-interventi meħtieġa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ studenti riferuti lill-psikologi fid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi minħabba socio-emotional u/jew behavioural difficulties u li qegħdin fil-lista ta’ stennija hu ta’ 260. Iż-żmien ta’ stennija jiddependi fuq in-natura u l-urġenża tal-każ kif ukoll fuq in-numru ta’ studenti fil-lista ta’ stennija. Bħalissa beda eżerċizzju biex jiġu indirizzati l-waiting lists.

Eżamijiet tal-MATSEC — applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm applikaw kandidati biex jagħmlu l-eżamijiet tal-MATSEC u kemm kien hemm applikazzjonijiet għal kull suġġett fit-tliet livelli, jiġifieri dak ordinarju, intermedju u avvanzat? Peress li għolew kemm ir-reġistrazzjoni kif ukoll it-tariffi għal kull eżami, il-ġenituri kemm kellhom iħallsu aktar flus minħabba dan l-għoli fil-prezzijiet għal kull livell?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li d- Dipartiment tal-Eżamijiet għadu jaċċetta applikazzjonijiet u mit-Tnejn 17 ta’ Novembru, jibda jirċievi applikazzjonijiet ta’ dawk li japplikaw tard. Għalhekk għadu kmieni biex wieħed jindika kemm daħlu applikazzjonijiet. L-informazzjoni dwar in-numru ta’ applikazzjoniijiet għal kull suġġett tkun lesta f’Jannar 2015 wara li l-applikanti jingħataw il-Candidate Numbers. L-ammont ta’ flus addizzjonali kienu dawn: Ħlas ta’ reġistrazzjoni: żieda ta’ €3.35 – minn €11.65 għal €15. Is-suġġetti tas-SECE għolew b’€7.02 minn €13.98 għal €21. Tal-Intermediate għolew b’€6.37 minn €18.63 għal €25. Tal-Matsec (livell avvanzat) b’€7.04 minn €20.96 għal €28. Ġie introdott ħlas għall-prattiku tas-SECE ta' €10. Il-prattiku tal-Intermediate u tal- MATSEC (Livell Avvanzat) minn €6.99 sar jiswa €20.

Dipartiment tal-Edukazzjoni – pagi ta’ LSAs — Arretrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kellu jagħti d-Dipartiment tal-Edukazzjoni bħala arretrati f'pagi għal-LSAs għal kull skola indipendenti (waħda waħda) minn Jannar 2013 sa Ottubru 2014 xahar b'xahar?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pagamenti dovuti lill-iskejjel indipendenti bħala ħlasijiet ta’ pagi tal-LSAs għas-sena 2013 ġew imħallsa fl-ewwel quarter tal-2014. Il-pagamenti jiġu proċessati wara li dan il-Ministeru jircievi l-invoices rispettivi u jsiru l-verifiki interni neċessarji. Xi pagamenti li saru tard kien riżultat ta’ dewmien fis-sottomissjoni tal-invoices u f’każijiet oħrajn għax kellhom għadd ta’ żbalji u inkorrettezzi fil-formoli rispettivi mibgħuta. Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li l-pagamenti qed isiru b’mod regolari u m’għandux ikun hemm dewmien fil-ħlas dovut. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli. Tabella A tindika l-arretrati dovuti fl-aħħar tal-2013 u li ġew imħallsa fl-ewwel quarter tal-2014, filwaqt li Tabella B tindika l-invoices akkumulati matul l-2014 u li qed jiġu proċessati għall-ħlas kif spjegat hawn fuq.

Ħaddiema ingaġġati mal-Gvern

Question

Mir-rekords tal-ETC, jista' l-Ministru jgħid kemm, mill-10 ta' Marzu 2013 sat-30 ta' Ġunju 2014 ġew ingaġġati nies mal-Gvern u entitajiet pubbliċi, maqsuma skont id-diversi dipartimenti u entitajiet tal-Gvern, u fl-istess perjodu, kemm waqfu jew iritraw ħaddiema fl-istess dipartimenti u entitajiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta' impjiegi bejn l-10 ta' Marzu 2013 u t-30 ta' Ġunju 2014 mal-Gvern u entitajiet pubbliċi, kemm full time kif ukoll part time, żdied b'2,820. Din il-figura tinkludi dawk il-ħaddiema li jaħdmu mal-entita’ maħluqa mill-Gvern, imsejħa Malta Public Transport (Operations), biex tassorbi r-responsabbilta’ tat-trasport pubbliku. Din l-entita’ tħaddem 931 ħaddiem - 859 full time u 72 part time. Din l-informazzjoni toħroġ mir-rekords li għandha l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ. Fil-perjodu msemmi, il-Korporazzjoni rċeviet 8,909 formoli ta’ ingaġġ , u 5,673 formola ta’ tmiem ta’ impjieg full time u part time mal-Gvern u entitajiet pubbliċi. Għalkemm kien hemm total ta’ 8,909 formoli ta’ ingaġġ, in-numru ta’ persuni li bdew jaħdmu full time jew part time mal-Gvern u entitajiet pubbliċi hu ta’ 8,084 persuna, filwaqt li għalkemm kien hemm 5,673 formola ta’ tmiem ta’ impjieg, in-numru ta’ persuni li temmew l-impjieg tagħhom mal-Gvern u entitajiet pubbliċi kien ta’ 5,264 persuna. Din id-differenza tiġri minħabba l-fatt li l-persuna tkun bidlet l-impjieg tagħha iżjed minn darba, u għalhekk għal kull tibdil, il-Korporazzjoni tirċievi formola ta’ ingaġġ u tmiem għal kull bidu u tmiem ta’ impjieg. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli. Tabella A turi l-Ministeri/dipartimenti tal-Gvern u n-numru ta’ Engagements (formoli ta’ ingaġġ) u Terminations (formoli ta’ tmiem) għal xogħol full time u part time filwaqt li Tabella B turi l-entitajiet pubbliċi u n-numru ta’ Engagements (formoli ta’ ingaġġ) u Terminations (formoli ta’ tmiem) għal xogħol full time u part time.

Servizz ta’ LSA – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-tifel li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li hemm bżonn ta’ LSA?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li t-tifel indikat mill-Onor. Interpellant għadu ma ġiex quddiem l-iStatementing Moderating Panel għaliex għad m’għandux assessment tal-psikologu. Kemm ilu l-primarja tal-lokalita` indikata huwa qed jibbenefika kemm jista’ jkun mill-LSA li diġa hemm fil-klassi tiegħu.

Dipartiment tas-Saħħa u tal-Edukazzjoni — ħaddiema ingaġġati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati ħaddiema ġodda mad-Dipartiment tas-Saħħa u tal-Edukazzjoni (mhux ma' kuntratturi) u l-kategorija tax-xogħol tagħhom minn Marzu 2013 sal-lum?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — Lista ta' xiri ta' servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ xiri ta’ servizzi u xiri ta' prodotti li ġew ordnati minn April 2013 mis-Segretarjat privat permezz ta’ quotation jew permezz ta’ direct order? Jista’ jgħid lil liema kumpaniji/individwi intalbu l-quotations, kemm kien l-ammont ta’ kull quotation jew direct order u min ingħata x-xogħol?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Leg 12 PQ #11638 Sitting 199 2014-11-12 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Studju dwar cyber bullying

Question

B’referenza għall-mistqosija parlamentari 10647, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudju dwar realtajiet li qed jiffaċċjaw it-tfal, fosthom cyber bullying, kif tħabbar f’Novembru 2013?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-Università ta’ Malta ma ġietx kkummissjonata biex tagħmel l-istudju dwar ir-realtajiet li qed jiffaċċjaw it-tfal. Bħala tagħrif relevanti mas-suġġett tas-cyber bullying, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li s-servizz ta' kontra l-Ibbuljar fi ħdan id-Dipartiment għal Servizzi tal-iStudent, jindirizza dan il-fenomenu billi jipprovdi laqgħat kemm mal-istudenti kif ukoll mal-ġenituri fejn dawn jiġu mitluba fejn ikun hemm bżonn. Waqt dawn il-laqgħat, jiġu diskussi fatturi differenti dwar kif wieħed għandu jżomm lilu nnifsu aġġornat. Tispikka l-importanza tal-bżonn tal-użu responsabbli ta’ social media, miżuri ta’ privatezza li għandhom jiġu rispettati, u jiġu spjegati wkoll l-implikazzjonijiet legali. L-istudenti jiġu mgħallma kif jużaw il-privacy settings tal-websajts tas-social media bħal Facebook u Askfm. Fil-każ ta’ fastidju tiġi emfasizzata l-importanza li l-istudent iżomm u jipprintja l-evidenza kollha minflok iħassar materjal u kummenti offensivi. L-istudenti jiġu mħeġġa biex jitkellmu minnufih u jevitaw li jaqgħu fit-tentazzjoni li jirrispondu lura għax b’hekk isiru ħatja huma wkoll. Waqt laqgħat għal ġenituri sfortunatament ħafna drabi nsibu li l-ġenituri jkunu jafu jużaw il-kompjuter inqas mit-tfal tagħhom. Għaldaqstant, nemfasizzaw l-importanza tar-responsabbilta` u l-obbligu legali li huma mistennija jħarsu. Issir referenza għall-programmi preventivi li jsiru fuq bażi nazzjonali mill-programm Be Smart Online fi ħdan l-MCA. Tiġi spjegata wkoll il-ħidma bejn is-servizz tagħna u s-Cybercrime Unit tal-pulizija. Meta jiġi referut każ, is-sapport jingħata kemm lill-vittma kif ukoll ngħinu lill-aggressur jifhem is-serjeta’ tal-imġiba tiegħu. Fis-sena 2013, ġew irrapportati 11-il Każ ta' cyber bullying.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — reklamar fuq media

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm nefaq b’mod totali l-Ministeru u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu separatament f'reklamar għal kull sena bejn l-2004 u l-2012 f'dawn il-media differenti: televiżjoni, internet, radju, ġurnali/gazzetti u pubblikazzjonijiet oħra? Jista’ fl-istess ħin, jaqsam din l-ispiza skont fuq liema stazzjon tat-televizjoni, stazzjon tar-radju, ġurnal/gazzetta, pubblikazzjoni oħra jew newsportal deheru jew ixxandaru r-riklami?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Bi tweġiba għal din il-mistoqsija, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli bit-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant ta' tmien entitajiet li jaqgħu fi ħdan id-dekasteru tiegħi. L-entitajiet huma dawn: Dipartiment tal-Eżamijiet, Malta Libraries, Aġenzija Programmi tal-Unjoni Ewropea, Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada, Malta Racing Club, MCAST, Kunsill Malti għall-iSport, u l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Nazzjonali u Ogħla. Din hija l-informazzjoni miġbura s'issa. It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar id-Direttorati/Dipartimenti u entitajiet oħrajn ikun jista' jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif tingħatali din l-informazzjoni.

Skejjel – tuck shops – tfal bid-dijabete

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jittieħdu sabiex tfal li jbatu mid-dijabete ma jiġux esposti għal ħelu, pasti eċċ. fit-tuck shops tal-iskejjel?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fit-tuck shops tal-skejjel statali ma jinbigħux prodotti bħal ħelu, pasti eċċ. kif hemm fit-termini tat-Tender. Għalhekk tfal li jbatu mid-dijabete kif ukoll tfal oħrajn ma jkunux esposti għad dan it-tip ta' ikel.

Dipartiment tal-Edukazzjoni – spezzjonijiet fit-tuck shops tal-iskejjel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet u fejn, minn uffiċjali fi ħdan id-Dipartiment tal-Edukazzjoni fit-tuck shops matul l-2013 u l-2014 u x’kien ir-riżultat ta’ dawn l-ispezzjonijiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-ispezzjonijiet fit-tuck shops ma jsirux minn uffiċjali fi ħdan id-Direttorati għall-Edukazzjoni iżda jsiru mill-Ispetturi tas-Sanita`.

Skejjel – bejgħ minn tuck shops

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li t-tuck shops kollha tal-iskejjel qed ibiegħu ikel skont il-kuntratt li ġie ffirmat?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li d-Direttorat għal Servizzi Edukattivi għad m'għandux l-informazzjoni li qed tinġabar mill-Ispetturi tas-Saħħa. Stampa ċara tkun tista' tingħata wara li jidħol dan it-tagħrif.

Kulleġġ San Nikola – studenti tal-Form 1

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’se jiġri mill-istudenti li bħalissa qegħdin fil-Form 1 u li qed jattendu l-iskola sekondarja tar-Rabat (Kulleġġ San Nikola) meta dawn jaslu Form 3? Jista’ jindika eżatt f’liema skola se jmorru meta jkunu Form 3?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li hu ppjanat li l-istudenti li bħalissa qegħdin Form 1 u li qed jattendu l-Middle School (Skola Sekondarja) tar-Rabat, Kulleġġ San Nikola, meta dawn jaslu fil-Form 3, jiġifieri fis-sena skolastika 2016/2017, jibdew jattendu l-Iskola Sekondarja l-Ġdida ġewwa s-Swatar, Dingli.

Kulleġġ San Nikola – studenti tal-form 2, 3 u 4

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’se jiġri mill-istudenti li bħalissa qegħdin fil-Form 2, 3 u 4 u li qed jattendu l-iskola sekondarja tan-Naxxar (Kulleġġ San Nikola) meta s-sena d-dieħla se jidħlu madwar 15-il klassi oħra tal-Kulleġġ Maria Reġina, u li mal-15-il klassi li diġà hemm Form 1 preżentament tal-Kulleġġ Maria Reġina se jkomplu jnaqqru mill-ispazju tal-istudenti tal-Kulleġġ San Nikola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-istudenti li jattendu l-iskola Sekondarja tan-Naxxar (Kulleġġ San Nikola), fis-sena skolastika 2015/2016 ser jibqgħu jattendu l-istess skola. Għaddejjin preparamenti sabiex l-istudenti jkollhom l-ispazji neċessarji sabiex ikunu jistgħu jkomplu l-istudji edukattivi tagħhom bir-riżorsi kollha meħtieġa.

Qasam Sporti f'Għawdex — nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus għall-qasam sportiv f'Għawdex matul is-sena 2014 mis-somma totali ta €2.5 miljun allokati għal żvilupp fil-qasam sportiv f'Malta u Għawdex?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2014 intefqet is-somma ta’ Eur 185,000 għal qasam sportiv f’Għawdex.

Għawdxin — ħaddiema full-time

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni minn Għawdex li kienu jaħdmu full-time f'April 2014 u f'Awwissu 2014?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni minn Għawdex li kienu jaħdmu full-time fl-aħħar ta’ April 2014 kien ta’ 9,824, filwaqt li fl-aħħar ta` Ġunju 2014 (l-aħħar figuri ppubblikati) kien hemm 9,902 persuni jaħdmu full- time. Il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ ma jkollhiex dettalji tal-post fejn attwalment qed jaħdmu l-impjegati ħlief fil-każ ta’ persuni li jaħdmu mad-dipartimenti tal-gvern, ministeri u entitajiet pubblici. Dan jiġri minħabba li fil-formola tal-Bidu ta’ Impjieg, l-imgħallem jikteb id-dettalji tal-Head Office li ġeneralment ikun Malta u mhux fejn jaħdem l-individwu. Għalhekk meta qed ngħidu persuni minn Għawdex li kienu qed jaħdmu, għas-settur Privat qed nirreferu għal dawk il-persuni li għandhom ir-residenza tagħhom f’Għawdex, filwaqt li għas-settur Pubbliku qed nirreferu għal dawk il-persuni li qed jaħdmu ma’ Ministeri/Dipartimenti tal-Gvern jew entitajiet Pubbliċi ġewwa Għawdex.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – żjarat uffiċjali

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista taż-żjarat uffiċjali li għamel minn Marzu 2013 'il hawn, f'liema pajjiżi, għal-liema raġuni u kemm damet kull waħda minn dawn iż-żjarat?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tagħrif addizzjonali li qegħedt fuq il-Mejda tal-Kamra fis-seduta numru 196 b'konnessjoni mal-mistoqsija parlamentari 11021.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – xiri ta’ biljetti minn kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw biljetti mill-aġenzija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-Ministeru tiegħu mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum u kemm kien il-valur tal-istess biljetti? Barra biljetti, inxtraw xi servizzi oħra mingħand l-istess aġenzija?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mill-Ministeru/entitajiet fi ħdanu kien hemm għaxar okkażjonijiet li fihom inxtraw biljetti tal-ajru mill-aġenzija li d-dettalji dwarha ngħataw separatament għall-valur medju ta’ €999 kull darba. Fi tmien okkażjonijiet l-ispiża kienet inqas minn dik medja. Kull darba li inxtraw dawn il-biljetti (13-il biljett b’kollox) intalbu kwotazzjonijiet skont ir-regolamenti finanzjarji tal-Gvern. Infurmat li ma kien hemm ebda servizz ieħor mixtri mill-aġenzija indikata fil-perjodu msemmi fil-mistoqsija. Inżid ngħid li matul l-istess perjodu l-Ministeru/entitajiet fi ħdanu xtraw biljetti tal-ajru mingħand 27 aġenzija oħra.