Jista' l-Ministru jindaga kif qed jintuża l-VAN GVH 236 u jistax jikkonferma li dan jintuża wkoll wara l-ħin tax-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-van GVH 236 qed jintuża mis-Surveyors tal-Building and Engineering Department, u jintuża spiss wara l-ħin tax-xogħol u s-Sibt meta jkun hemm xogħol ta' overtime.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni fuq kif qed jintużaw dawn il-karozzi tad-Dipartiment: BAK - 494, LCK - 328, FBK - 317, IAK - 158, GVN - 159 U GVH - 236?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-karozzi li n-numri tagħhom jidhru hawn taħt qed jintużaw kif ġej:
BAK 494 u LCK 328 huma wżati minn żewġ uffiċjali li jaħdmu dirett mad-Direttur Ġenerali u li għandhom xogħlijiet kif assenjati lilhom dirett minnu fosthom xogħol f'Kastilja, St. James Cavalier, B'Kara Civic Centre, xogħol f'diversi skejjel, u xogħol ieħor.
FBK 317 qed tintuża minn uffiċjal li qed jagħmel xogħol tal-G.I.S. (Geographical Information System) fuq is-sistema tad-drenaġġ madwar Malta u Għawdex.
IAK 158 - L-ebda karozza b'dan in-numru ma teżisti fid-Dipartiment.
GVN 159 qed tintuża minn uffiċjal li jaħdem dirett mad-Direttur tad-Dipartiment tal-Bini u Inġinerija li bħalissa għandu f'idejh xogħol tal-Qormi Flood Relief, Ħad-Dingli u St. Venera.
GVH 236 - L-informazzjoni ngħatat fil-Mistoqsija Parlamentari numru 5195.
Jista' l-Ministru jagħti ġustifikazzjoni għal overtime (inkluż Sibtijiet) mogħti fuq il-proġett ta' Ħal Qormi? (Numru tal-file qed jintbagħat separatament).
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-overtime li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant fuq il-proġett ta' Ħal-Qormi kien approvat.
Dan l-overtime ikopri żewġ ħaddiema mit-Tnejn 1 ta' Marzu sal-Ħadd 7 ta' Marzu 1999, erba' ħaddiema oħra s-Sibt 6 ta' Marzu 1999 u l-Ħadd 7 ta' Marzu 1999.
Dawn il-ħaddiema huma meħtieġa biex isegwu xogħol ta' toroq b'urġenza li qed isir fl-inħawi u fit-tmiem il-ġimgħa biex jagħmlu ċertu xogħol li jrid jikkomplimenta dak tal-kuntrattur. Barra dan ser jintużaw ukoll biex iċaqalqu 'bollards' u xi sinjali tat-traffiku in kollaborazzjoni mal-Pulizija li ser ikunu fuq is-sit tax-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid kif iridu jiġu emendati r-regolamenti tal-kaċċa u nsib jekk Malta tosserva l-Bird-Directive ta' l-Unjoni Ewropea? Jista'l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Bird-Directive ta'l-Unjoni Ewropea?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 4992 (Seduta 69) li kien ta l-Prim Ministru.
Jista' l-Ministru jgħid kif inhu ġustifikat l-overtime fis-sezzjoni tas-salarji tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet u jikkonfermax li l-overtime ta' Jannar 1999 ma kienx affettwat?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Jien infurmat li l-overtime fis-sezzjoni tas-salarji hu ġustifikat u ġie approvat kemm mid-Direttur tal-Finanzi u Amministrazzjoni li taħtu taqa' s-sezzjoni tas-salarji, kif ukoll mid-Direttur Ġenerali u mis-Segretarju Permanenti. L-overtime sar f'Jannar u ser jibqa' sejjer sa April.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu computers kemm fil-ministeru kif ukoll fid-dipartimenti kollha li jaqgħu fir-responsabbilta' tad-dekasteru tiegħu dipartiment b'dipartiment?
Jista' l-Ministru jgħid x'ditta huma?
Meta nxtraw?
Kemm swew fi spejjeż?
Peress li x-xogħlijiet ta' ħitan tas-sejjiegħ li qed jissoktaw mill-ħaddiema tad-Dipartiment ta' l-Ambjent fit-triq prinċipali tar-Rabat dalwaqt ikunu lesti, jista' l-Ministru ġentilment jara li dawn il-ħaddiema jintbagħtu jirranġaw il-ħitan tas-sejjiegħ ta' Triq Prinċipali ta' Binġemma u fl-istess ħin ikomplu jneħħu tankijiet li hemm ikerħu l-ambjent ta' l-inħawi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi għalkemm il-ħaddiema tal-Countryside Section fi ħdan id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent dalwaqt ikunu lesti mix-xogħol ta' ħitan tas-sejjieħ fi triq tar-Rabat, dawn għandhom xogħol ieħor diġa' ppjanat. Dan minħabba li n-numru ta' ħaddiema li jibnu l-ħitan tas-sejjieħ fil-preżent huwa limitat ħafna. Pero' ta' min isemmi li dalwaqt jibdew l-eżamijiet u l-interviews biex jiżdiedu l-ħaddiema li kapaċi jibnu l-ħitan tas-sejjieħ.
Irrid ninfurmak ukoll li s-Sezzjoni tal-Countryside ġiet infurmata bix-xogħol fit-Triq Prinċipali ta' Binġemma biex dan jidħol fil-lista tax-xogħol ukoll.
Peress li Triq Żebbiegħ/Mġarr Rd tinsab żdingata waħda sewwa kemm għar-rigward ta' ħitan tal-ġenb tat-triq kif ukoll il-wiċċ tat-triq inkluż il-water culverts, jista' l-Ministru jara li jiġi kkordinat programm ta' xogħlijiet sabiex jispiċċa l-periklu tas-sewqan u l-inkonvenjent lir-residenti ta' l-Imġarr u ż-Żebbiegħ li jużaw din it-triq?
Peress li hemm ħitan tal-ġebel tal-franka li kienu saru fuq ħitan tas-sejjiegħ li xorta reġgħu ġġarfu minħabba l-ilma li jiskula mill-uċuħ tar-raba tal-madwar, jista' l-Ministru jikkonsidra li l-ħitan tal-ġnub ta' din it-triq li hija frekwentata mill-Maltin u turisti jsiru b'sistema ta' l-aġġjoni li qed jintużaw fil-proġett ta' rijabilitazzjoni taċ-Chadwick Lakes?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-culverts eżistenti f'din it-triq m'humiex adekwati sabiex jieħdu l-ilma la waqt u lanqas wara li tieqaf ix-xita. L-istat li tinsab fiha din it-triq ma tippermettix li l-ilma jinġabar mal-ġnub kif inhi l-prattika normali, u għalhekk ma jagħmilx sens li jinbnew culverts jekk dan ix-xogħol ma jkunx ikkomplimentat bl-irranġar tat-triq.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Countryside Section fid-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent m'għandux ir-responsabbilta' tal-manutenzjoni la ta' l-uċuh tat-toroq u lanqas tal-ħitan mibnija mill-ġebel tal-franka.
Għar-rigward ta' bini ta' ħitan b'sistema tal-gabjuni li qed jintużaw fil-proġett ta' Chadwick Lakes, id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent jinsab kontra din is-sistema speċjalment fit-toroq biex inwarrbu l-ħitan tas-sejjieħ.
Peress li wara li kien sar Ġnien Barnuża Ħamra fil-Baħrija limiti tar-Rabat kellu jsiru Ġnien Snow White & the 7 Dwarfs, fil-limiti tas-Salib, limiti tar-Rabat, sabiex f'dawn l-inħawi tal-kampanja fir-Rabat jsiru ġonna b'karatteristika rurali li tattira t-tfal, jista' l-Ministru ġentilment jawtorizza u jikkordina dawn ix-xogħlijiet li huma mistennija ħafna mit-tfal u l-familja ta' dawn l-inħawi fir-Rabat Malta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Jien infurmat li l-ġonna msemmija mill-Onorevoli Interpellant kienu proġettati mill-Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd u għaldaqstant din il-mistoqsija għandha tiġi ndirizzata lill-Ministru konċernat.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4164 ċioe' sabiex isiru gates/xatba ġodda fit-triq prinċipali tar-Rabat u l-fatt li gates simili kienu saru fit-triq tad-daħla tal-Buskett fejn il-Palazz Presidenzjali mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura, Sezzjoni Rural & Urban Landscaping u suppost li kien hemm qbil li d-Dipartiment ta' l-Ambjent jagħmel il-gates tat-triq tar-Rabat, jista' l-Ministru ġentilment jikkonsidra li jawtorizza li jsiru dawn il-gates li sebħu l-ambjent fl-inħawi flok it-tankijiet u biċċiet ta' tustieri tas-sodod antiki li qed jintużaw bħala gates fil-mument?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Kif diġa' rrispondejt fil-Mistoqsija Parlamentari numru 4164, ma jirriżultax li qatt saru arranġamenti mad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent biex dan jagħmel gates ġodda fl-entraturi tar-raba fi Triq Prinċipali li tagħti għar-Rabat u fil-fatt l-istess Dipartiment qatt ma għamel gates ġodda għal dan l-iskop.
Lanqas ma jirriżulta li kien hemm xi qbil li d-Dipartiment ta' l-Ambjent jagħmel il-gates tat-triq tar-Rabat jew xi mkien ieħor.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus s'issa fl-uffiċini tal-Ministeru biex jiġu rranġati mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum? Jista' l-Ministru jagħti rendikont itemized dwar l-flus li ntnefqu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
M'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2650 (Seduta 36).
Sakemm ma ningħatax raġuni valida 'l-għala qed jintalab, ma nara l-ebda skop li jingħata r-'rendikont itemized' mitlub fit-tieni parti tal-mistoqsija.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-bordijiet jew kumitati tat-tmexxija, eċċ tal-gvern u ta' entitajiet oħra pubbliċi li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent li ġew mibdula mill-5 ta' Settembru 'il hawn? Min kienu l-membri qabel ma nbidlu? Min huma l-membri issa? X'remunerazzjoni qed jieħdu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li ħlief għal bidla fiċ-'Chairman' tal-Building Industry Consultative Council ma kien hemm l-ebda tibdil fil-Bordijiet jew Kumitati tat-tmexxija li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent.
Iċ-'Chairman' ta' qabel il-5 ta' Settembru 1998 tal-Building Industry Consultative Council kien il-perit Martin Debono filwaqt li ċ-'Chairman' il-ġdid huwa l-perit Robert Musumeci.
Ir-remunerazzjoni ta' dan ta' l-aħħar hija l-istess bħal ma kienet tal-predeċessur tiegħu.
Billi fil-programm elettorali tal-partit fil-gvern kien imwiegħed illi r-regolamenti tal-kaċċa u nsib ma kienx hemm għalfejn jitbidlu ladarba l-Partit Nazzjonalista jkun fil-gvern, anzi jekk ikun hemm tibdil dan ikun għall-aħjar, jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern għandux il-ħsieb illi jtejjeb ir-regolamenti li hemm fis-snin li ġejjin? Kif se jinbidlu għall-aħjar jekk se jsir xi tibdil?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 5076 (Seduta 69).
Jikkonferma l-Ministru li kemm-il darba l-gvern iċedi għal talbiet ta' l-UE u Malta taddotta r-regolamenti tal-kaċċa u nsib skond Bord Directive, ikollhom isiru tibdiliet kbar fir-regolamenti msemmija fis-sens li: 1) insib għal għasafar ta' l-għana ikollu jieqaf (b'ta' l-għana imfisser għasafar bħall-isponsun, il-ġojjin, il-virdun, taż-żebbuġ, l-apparell u l-gardell); 2) kaċċa f'Marzu, April u Mejju jkollha tieqaf; 3) kaċċatur irid jispara b'senter jew b'taż-żewġ jew inkella jista' jispara sa żewġ tiri u mhux tlieta bħalma għandu llum fuq kull tajra, b'tir fil-kanna u l-ieħor fil-magazine jekk is-senter ikun tat-tip awtomatiku; 4) ikun hemm restrizzjonijiet kbar fuq kaċċa ta' fuq il-baħar?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 5076 (Seduta numru 69).
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu fax machines kemm fil-ministeru kif ukoll fid-dipartmenti kollha li jaqgħu fir-responsabbilta' tad-dekasteru tiegħu dipartiment b'dipartiment?
Jista' jgħid x'ditta huma?
Meta nxtraw?
Kemm swew fi spejjeż?
B'riferenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 4474, jista' l-Ministru jgħid fejn fir-risposta hemm imsemmi s-sit tad-Deutsche Welle, f'Delimara?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ir-risposta għad-domanda 4474, kienet tikkomprendi parti mill-kuntratt li ġie iffirmat bejn il-Gvern u s-sid tal-Propjeta' "L-Għarix" u f'liema kuntratt hemm indikat ċar u tond li:
u li "fil-każ illi l-permessi tal-bini ma jkunux approvati u/jew ix-xogħlijiet ta' kostruzzjoni ma jsirux u/jew ma jiġux kompletati fi żmien sena minn meta jiġu approvati l-permessi, il-Gvern jaċċetta u jobbliga ruħu, li jassenja lill-familja Mintoff jew akkomodazzjoni alternattiva aċċettabbli mill-istess familja Mintoff fid-diskrezzjoni esklussiva tagħha jew, alternattivament, li jħallas lill-istess familja Mintoff dik is-somma li tiġi talvolta maqbula bejn il-Gvern u l-familja Mintoff.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu x-xogħol tal-ħaddiema mid-Dipartiment ta' l-Ambjent li qegħdin jaħdmu f'Ta' Qali? Kemm hemm ħaddiema fuq dan il-post? Għaliex hemm dak l-abbandun ta' nuqqas ta' manteniment? Jista' l-Ministru jordna li kull ħaddiem jagħmel id-doveri tiegħu f'dan il-post tant frekwentat mill-pubbliku f'dawn ix-xhur tas-sena?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-ammont ta' ħaddiema fil-Park Nazzjonali Ta' Qali huwa ta' 45. Dawn jinkludu 12-il ħaddiem li jaħdmu b'makkinarju agrikolu u 6 ħaddiema jnaddfu l-parti l-kbira ta' Ta' Qali. Hemm ukoll 2 Storekeepers, 4 Toilet Attendants, 16-il Għassies li jaħdmu bix-xift, kif ukoll ħaddiema oħra li jieħdu ħsieb l-Amministrazzjoni tal-Park.
Il-problemi smemmija mill-Onor. Interpellant fit-tielet u r-raba' parti tad-domanda qed ikunu investigati mid-Dipartiment konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żvilupp pożittiv dwar it-tneħħija tat-tinda proviżorja li tqegħdet f'naħa waħda ta' Misraħ San Ġorġ, il-Belt Valletta? X'riżultati kien hemm mal-VRP fil-mistoqsija parlamentari numru 2053 tat-30.11.98?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li twaqqaf Kumitat mill-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta li għalih ġew mistiedna jibagħtu rappreżentant mill-Kunsill Lokali Valletta, l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u mit-Taqsima tax-Xogħlijiet biex tkun studjata din il-problema.
Fid-dawl tar-rapport li ħarġet l-UE dwar Malta, jista' l-Ministru jgħid kif iridu jitbiddlu r-regolamenti attwali rigward il-kaċċa u nsib biex jiġu konformi mal-Bord Directive tal-UE? Fid-dawl ta' l-istess rapport, jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern għandux il-ħsieb illi jġib ir-regolamenti ta' pajjiżna konformi ma' ta' l-UE? Jekk iva, meta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 4992 li qed jagħti l-Prim Ministru f'din is-seduta.