Legislature:
Category:
Reset
Active:

MPO — Kariga ta' Direttur Ġenerali

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid xi ħsieb għandu l-gvern dwar il-Management & Personnel Office peress li għaddiet sena mindu tbattlet il-kariga tad-Direttur Ġenerali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Uffiċċju tiegħi, bħal diversi Ministeri oħra, għaddej minn ristrutturar fil-livelli għolja tal-Ministeru. L-Uffiċċju tal-Management and Personnel kif ukoll il-post ta’ Direttur Ġenerali jiffurmaw parti minn dan ir-ristrutturar u huwa ttamat illi deċiżjoni dwar din il-vakanza, bħal oħrajn, tittieħed kemm jista jkun malajr.

Ċentru għall-klandestini

Question

Jista' il-Prim Ministru jiċħad jew jikkonferma, riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 16471, li x-xogħol ta' kostruzzjoni li sewa Lm112.744 b'direct order sar kollu minn Ballut Blocks u ma kienet involuta l-ebda kumpannija oħra bħala sub-contractor fix-xogħol, anke jekk il-kumpannija Ballut Blocks kienet responsabbli għaliha? Jista' jiċħad jew jikkonferma li xi proprjetarju/i u/jew direttur/i u/jew managers tal-kumpannija Ballut Blocks għandhom parentela ma xi deputat tal-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

AFM — Fuel bill

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien il-fuel bill ta' l-armata s-sena l-oħra u din is-sena? Kemm minn dan huwa dovut għal xogħol konness mal-klandestini?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li n-nefqa tal-Forzi Armati ta’ Malta fuq il-fuel matul is-snin 2004 u 2005 kienet kif ġej : Sena 2004 - Nefqa Totali: Lm321,263 li minnhom huwa stmat li ntefqu Lm86,955 fuq xogħol konness ma immigranti irregolari Sena 2005 - Nefqa Totali: Lm402,121 li minnhom huwa stmat li ntefqu Lm112,099 fuq xogħol konness ma immigranti irregolari.

Dħul għall-gvern

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien id-dħul tal-gvern settur b'settur mill-oqsma tal-lukandi, ristoranti, skejjel li jgħallmu l-lingwi barranin, kumpanniji għall-għaddasa barranin u kumpanniji kollha jew traders turistiċi reġistrati mad-dipartiment tat-taxxi interni jew tal-VAT tul is-snin 2003, 2004 u 2005 f'dawn il-kategoriji ta' dħul: Taxxa tal-kumpannji, VAT; Bolla tas-sigurta' soċjali; Eko-kontribuzzjoni u taxxi oħra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Ħaddiem mal-gvern

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16462 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilek, tista' jekk jogħġbok tara jekk il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għandux dritt għas-somma peress li għamel 30 sena jaħdem mal-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li minħabba li l-individwu ndikat ġie mpjegat mal-Gvern wara l-ħmistax ta’ Jannar ta’ l-1979, dan mhuwiex intitolat għas-somma.

OPM — Enti pubbliċi

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid liema huma l-kumpanniji jew awtoritajiet/corporations li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma d-diretturi tal-bord, jew membri tal-bord, ta' kull waħda mill-enti imsemmija aktar 'il fuq? X'inhu l-ħlas annwali ta' kull membru u direttur?

Response (GONZI, LAWRENCE)

B’referenza għall-ewwel u t-tieni parti tal-Mistoqsija, nirreferi l-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ser tingħata għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 16415. Għat-tielet parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li l-informazzjoni ser tinġabar biex tingħata b’mod komplet fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 16415.

OPM — Ħaddiema

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati ġodda tul is-sena 2005 mad-dipartimenti u enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u jaqsamhom skond il-grad?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Ċentru għall-Klandestini

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 15990, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm approvazzjoni mid-direct orders department tal-gvern għall-istess direct order? F'każ affermattiv, jista' jgħid min ta l-approvazzjoni mill-istess dipartiment tad-direct orders?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-Direct Order ġiet awtorizzata minni, bħala Ministru tal-Finanzi, skond ir-Regolamenti dwar il-Kuntratti Pubbliċi ta’ l-2005.

AFM — Suldati taħt l-effett tad-droga

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm suldati nstabu li kienu taħt l-effett tad-droga meta dawn jiġu ittestjati mill-armata? X'kien l-eżitu ta' kull każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindika għal-liema perjodu ta’ zmien qed jirreferi.

OPM — Konsulenza

Question

Jista' il-Prim Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-ministeru tiegħu, inklużi l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul is-sena 2005? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Dipartiment tat-Taxxi Interni — Income tax refund

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid meta se jirċievi r-refund għall-ħlas żejjed ta' income tax il-persuna li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li minħabba d-dispozizzjonijiet ta’ segretezza fl-Atti dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, id-Dipartiment tat-Taxxi Interni mhux f’pozizzjoni li jizvela informazzjoni personali. Nitlob għalhekk lill-persuna konċernata biex tiċċekkja mas-sezzjoni tat-Refunds tad-dipartiment matul il-ħin tal-uffiċċju.

Teżor — Arretrati tal-pensjoni

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li dawk il-pensjonanti li rċevew l-arretrati għal numru ta' snin, f'cheque wieħed mal-pensjoni, ġew intaxxati f'daqqa u mhux kull ammont għal kull sena partikolari?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevolli Interpellant li l-proċedura kurrenti bħalissa tagħmilha possibbli li wara li tkun spiċċat is-sena, id-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali jgħaddi l-informazzjoni kollha dwar il-pensjonijiet lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni. Din l-informazzjoni jkun fiha wkoll breakdown ta’ l-arretrati u għal liema sena dawn ikunu jirreferu. Minn din l-informazzjoni mbagħad id-dipartiment ikun jista’ jalloka l-ammonti għas-sena relattiva skond il-liġi. Jista’ pero’ jkun hemm xi kazi li ma jkunux ġew inkluzi fid-dokument oriġinali mibgħut mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali, madankollu dawn ukoll jistgħu jiġu aġġustati. Jekk dan huwa l-kaz, l-Onorevoli Membru jista’ jinforma lill-persuna konċernata biex tmur fil-Helpdesk tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni biex dan ikun jista’ jagħmel il-verifika meħtieġa.

OPM — Segretarju permanenti

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi segretarju permanenti li qiegħed/qiegħda jagħmel/tagħmel xogħol ta' acting director general/director fl-istess ħin fl-uffiċċju tal-Prim Ministru jew ministeru ieħor? F'każ fl-affermattiv, jista' jgħid min huma dawn l-uffiċjali u x'salarju/renumerazzjoni qegħdin jieħdu talli qegħdin jokkupaw kariga ta' acting position?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi hemm Segretarju Permanenti wieħed li qiegħed, ukoll, jagħmel xogħol ta’ aġent Direttur Ġenerali. Dan huwa s-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Minħabba l-fatt illi għad ma ġietx identifikata persuna biex timla l-vakanza ta’ Direttur Ġenerali fil-Management and Personnel Office, is-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tiegħi baqa’ jaqdi wkoll id-doveri ta’ dak il-post. Ta’ dan qiegħed jingħata allowance ekwivalenti għad-differenza bejn Skala 1 u Skala 2 tas-salarji tal-Gvern illi matul l-2005 kienet Lm1,052 fis-sena. Fl-2006 id-differenza hija ta’ Lm1,066 fis-sena. Ir-renumerazzjoni ta’ Direttur Ġenerali fl-2005 kienet ta’ Lm12,320 u Lm12,467 fl-2006.

Membri ta' l-Armata

Question

Jista' il-Prim Ministru jiċħad jew jikkonferma li fl-armata hemm xi suldat/i li minflok time-off ta' ħin żejjed li qegħdin jaħdmu, qegħdin jieħdu kumpens fi flus tal-ħin żejjed li jaħdmu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li fil-Forzi Armati ta’ Malta hemm individwu wieħed biss li qed jingħata kumpens fi flus tal-ħin żejjed li jaħdem. Dan il-kumpens mhux qed jitħallas minn fondi ta’ l-Armata imma minn dipartiment tal-Gvern ieħor li miegħu jaħdem l-individwu.

Servizz Ċivili — Vakanzi għal diretturi ġenerali

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hemmx vakanzi mas-servizz ċivili għal diretturi ġenerali u diretturi? Jista' jgħid f'liema ministeru qegħdin dawn il-vakanzi separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Għalkemm it-tabella turi l-pożizzjonijiet vakanti fil-31 ta’ Diċembru 2005, billi qiegħed isir ristrutturar tal-Istrutturi Għolja f’diversi Ministeri, mhux il-pożizzjonijiet kollha fit-tabella neċessarjament ser jigu mimlija. Ir-restrutturar li qed ssir jista jirrizulta fit-tneħħija ta’ xi pożizzjonijiet u l-amalgamazzjoni ta’ oħrajn jew il-kreazzjoni ta’ pożizzjonijiet ġodda.

Servizz Ċivili — Uffiċjali

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi uffiċjali tal-gvern li qegħdin acting f'xi kariga ta' direttur ġenerali u direttur? F'każ li fl-affermattiv, x'inhi l-allowance/remunerazzjoni li qegħdin jieħdu dawn l-uffiċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li hemm żewġ (2) uffiċjali li nħatru Aġenti Diretturi sakemm il-pożizzjoni relattiva tibqa’ vakanti. L-awtorizzazzjoni ħarġet minn dan l-Uffiċċju għax il-pożizzjonijiet huma vakanti. Il-pożizzjonijiet huma:- · Stamperija tal-Gvern · Reġistru Pubbliku Fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku ġie approvat Strument ta’ Delega fil-25 ta’ Marzu 2003, li jawtorizza lis-Segretarji Permanenti jaħtru aġenti diretturi ġenerali/diretturi, meta pożizzjonijiet bħal dawn ma jkunux vakanti u l-persuna rakkomandata tkun l-iktar waħda anzjana fid-dipartiment. Għaldaqstant, għal informazzjoni simili fil-każ ta’ Ministeri oħrajn, l-Onorevoli interpellant mistieden jgħaddi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministri rispettivi. Uffiċjali għolja li jagħmlu xogħol ta’ aġenti diretturi ġenerali/diretturi jitħallsu d-differenza bejn is-salarju tagħhom u s-salarju tal-pożizzjoni ogħla li fih jkunu aġenti skond Artiklu 2.4.5 tal-Public Service Management Code. Nirreferik ukoll għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija Parlamentari numru 16472/10/1.

Lyster Barracks — Detention Centre

Question

Jista' il-Prim Ministru jiċħad jew jikkonferma li x-xogħol kollu għal bini tad-detention centre ta' Lyster Barracks qam is-somma ta' Lm128,709 kif kwotat fil-mistoqsija parlamentari 15990 u x-xogħol sar kollu permezz ta' direct order waħda msemmija fl-istess mistoqsija? Jista' jiċħad jew jikkonferma li x-xogħol kollu globalment biex inbena d-detention centre f'Lyster Barracks qam is-somma ta' Lm230,000?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nikkonferma li l-ispiza biex jinbena l-kumpless imsemmi kienet Lm128,709 u mhux Lm 230, 000. Nitlob lill-Onorevoli Membru biex jirreferi wkoll għat-tweġiba tal-Mistoqsija Nru 16471.

Ċentru għall-klandestini

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid, b'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15990, min kien il-kuntrattur u/jew jekk kienx hemm sub-contractors li ngħataw id-direct order? Jista' jgħid kemm ħa flus il-kuntrattur u/jew is-sub-contractor separatament mis-somma globali tad-direct order?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li l-kuntratturi li ngħataw id-Directo Order kienu: Ballut Blocks Ltd – xogħolijiet ta’ kostruzzjoni, Lm 112,744 Master Electric Ltd – “fittings” ta’ l-ilma, elettriku u sanitarji, Lm7,908 Master Enterprises Ltd – “fittings” ta’ l-ilma, elettriku u sanitarji, Lm4,488 Joseph Zahra Ltd (il-Fajsu) – ħadid u azzar, Lm3,569

National reform programme — Contact persons

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid meta hu maħsub li jinħatru l-contact persons kollha inkarigati jimplimentaw in-national reform programme?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onorevoli Nterpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 16183.

Każi quddiem il-PSC

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hemm każi quddiem il-PSC illum, għaliex u minn liema dipartiment huma?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena nfurmat li b’effett mill-1 ta’ Frar 2000, taħt ir-Regolamenti tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku (Proċedura tad-Dixxiplina) 1999, il-każijiet tad-dixxiplina ġew delegati lill-Kapijiet tad-Dipartimenti. Għalhekk dawn il-każijiet, għajr każijiet kriminali, każijiet ta’ dixxiplina li jistgħu jwasslu għal tkeċċija u appelli, m’għadhomx iżjed jgħaddu mill-Uffiċċju tiegħi. Għar-rigward tad-Dipartimenti li jaqgħu fid-dekasteru tal-Prim Ministru u fil-Ministeru tal-Finanzi, ninsab infurmat li hemm każ wieħed pendenti quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Fir-rigward tal-Ministeri l-oħra nistieden lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel l-istess mistoqsija lill-Ministri rispettivi. Id-dettalji l-oħra mitluba mill-Onor Interpellant jinsabu fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.