Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni li tilfu ħajjithom kawża tat-tipjip

Question

Jista’ il-Ministru jgħid f'Jannar, fi Frar, u fl-ewwel 15–il ġurnata ta' Marzu separatament, kemm hu magħruf li mietu nies direttament jew indirettament minħabba t-tipjip? Kemm kienu nisa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li n-numru ta' każijiet ta' mwiet reġistrati fir-Reġistru Nazzjonali ta' l-imwiet matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u fl-ewwel 15-il ġurnata ta' Marzu tas-sena 2004 u li huma meqjusa bħala li kienu kkaġunati minħabba t-tipjip fiż-żewġ sessi huwa ta' 93, residenti f'Malta u Ghawdex. Dan in-numru huwa mqassam kif ġej. Xahar Irġiel Nisa Total Jannar 32 13 45 Frar 23 11 34 1-15 ta' Marzu 11 3 14 Total 66 27 93

Skejjel — Tipjip

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk hux beħsiebu jaġixxi fuq is-suġġeriment tiegħi li ma jħallix għalliema, studenti u anke staff ieħor ta’ l-iskejjel idaħħlu pakketti tas-sigaretti fl-iskejjel fejn jaħdmu jew jattendu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Is-suġeriment huwa tajjeb pero impossibli li jiġi attwat minħabba li jirrekjedi tfiċċija fuq il-persuna.

Sptar Sir Paul Boffa — Shortage ta' garża sterile

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jekk hux veru li hemm shortage ta' garża sterile fl-ispiżerija u d-dipartiment tad-dermatoloġija fl-isptar Sir Paul Boffa bħalissa peress li preskrizzjoni nru A 766833 ma ġietx imsarrfa u l-pazjenti li jbati minn Hansen's disease ġie mogħti riċevuta to collect form minflokha? Jista' jara li l-oġġett daqshekk bażiku ma jiġiex out of stock mill-ispiżeriji tal-gvern?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-Clinic tal-'Hansen's Disease' fil-21 ta' April, il-garża kienet 'out of stock' fl-ispiżerija ta' l-Isptar Sir Paul Boffa. Fit-30 ta' April ġejna fornuti bil-garża mill-ġdid.

Sptar Sir Paul Boffa — Minoxidil 5% Lotion

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux veru li l-Minoxidil 5% Lotion huwa out of stock mill-ispiżerija ta' l-isptar Sir Paul Boffa peress li hemm pazjenti li ilu ma jingħatalhom saħansitra minn Diċembru 2003?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li l-mediċina Minoxidil 5% Lotion issa tinsab fl-ispiżerija ta' l-isptar Boffa.

Infermiera

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk tinżammx statistika ta' kemm nurses telqu mis-servizz pubbliku u jerġgħu jirritoranw wara numru ta' żmien? Jekk fl-affermattiv, kemm telqu mill-1992 sal-lum u kemm minnhom irritornaw fis-servizz pubbliku?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika fil-Ministeri tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Kommunita' dwar l-informazzjoni mitluba.

Infermiera

Question

Jikkonsidra l-gvern li ladarba jkun hemm full complement ta' nurses fl-isptarijiet, kliniċi u residenti ta' l-anzjani pubbliċi n-nurses li jitilqu mis-servizz pubbliku u jerġgħu jirritornaw wara perjodu ma jkollhomx għalfejn jibdew mill-ewwel skala iżda jkunu jistgħu jirritornaw fl-istess skala u grad li jkunu fih meta rriżenjaw?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-Gvern diffiċli li jilħaq full compliment ta' nurses fl-isptarijiet, kliniċi, u residenzi ta' l-anzjani minħabba numru konsiderevoli ta' nurses li se jirtiraw fil-ħames snin li ġejjin, espansjoni ta' servizzi numru ta' vakanzi eżistenti, numru ta' nies li jirreżenjaw , imutu jew inkella jemigraw. Kwalunkwe rikonsiderazzjoni għan-nurses li meta jibdew l-impjieg jerġgħu jieħdu l-istess skala ta' meta jirriżenjaw trid issir fid-dawl tar-riforma tas-saħħa li tinkludi d-devoluzzjoni ta' l-awtorita' lil entitajiet lokali tas-saħħa bħall-isptarijiet.

Tobba

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk tabib li jkun telaq mis-servizz pubbliku u jerġa' jirritorna wara perjodu ta' żmien ikollux jerġa' jibda mill-bidu inkella jista' jirritorna fl-istess grad u skala li jkun fiha meta telaq?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Meta tabib jitlaq mis-Servizz Pubbliku u jerga' jirritorna wara perjodu ta' żmien ma jerġax jiġi impjegat fl-istess grad u skala li jkun fiha meta telaq.

Kliniċi/sptarijiet privati — Infermiera u qwiebel

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk tinżammx statistika tan-numru ta' nurses u midwives li jaħdmu fi kliniċi jew sptarijiet privati? Jekk fl-affermattiv, kemm hu n-numru u xi grad għandhom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-istatistika ta' nurses u midwives tgħid li sa l-aħħar tas-sena 2003 fi kliniċi u sptarijiet privati jaħdmu: 173 Staff Nurses 53 Enrolled Nurses 38 Midwives.

Infermiera u qwiebel ta' nazzjnalita' barranija

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn nurses u midwives barranin li għandhom permess jaħdmu f'Malta bħalissa? Minn liema pajjiżi ġejjin u x'inhu l-grad tagħhom? Kemm minnhom jaħdmu fi sptarijiet jew kliniċi pubbliċi u kemm minnhom jaħdmu fi sptarijiet u kliniċi privati?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-Diviżjoni tas-Saħħa ma żżommx statistika ta' kemm hawn infermiera u qwiebel barranin li għandhom permess jaħdmu fi sptarijiet jew kliniċi privati f'Malta. Informazzjoni dwar infermiera barranin li jaħdmu fi Sptarijiet jew Kliniċi Pubbliċi qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sptar San Luqa — Inċineratur ġdid

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 33634 u 33636 tal-leġislatura l-oħra fejn ġejt informat li t-tendering process għall-inċineratur il-ġdid fl-isptar San Luqa kien fl-aħħar fażijiet, issa li għaddiet sena u għadu ma sar xejn konkret, jista' il-Ministru jinformani meta finalment se jsir ix-xogħol li għandu jsir dwar l-inċineratur ta' l-isptar San Luqa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nissuspetta li l-Onor. Interpellant huwa wieħed mill-ftit f'Malta li ma jafux x'ġara minn mindu irrispondejt għad-Domandi Parlamentari 33634 u 3461 dwar it-tender ta' l-inċineratur peress li dak li ġara ngħata publiċita fuq il-meżżi tax-xandir kollha. Il-kumpanija Sanitec li kellha tforni l-Infectious Waste Processing and Decontamination Plant skond il-Letter of Acceptance maħruġa mid-Dipartiment tal-Kuntratti fit-13 ta' Mejju 2003 falliet u għaldaqstant ma setatx tonora l-obbligi li kienet daħlet għalihom il-kumpanija Maltija li ħadet it-tender. Fl-20 ta' April 2004 inħarġet sejħa għall-Prequalification questionnaire for the supply, installation and commissioning of Clinical Waste Decontamination Plant li tagħlaq fil-15 ta' Ġunju 2004. Din is-sejħa ġiet ippublikata wkoll fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, ma naqbilx ma' l-Onor. Interpellant li f'sena ma sar xejn konkret. Wieħed issa jrid jara x'offerti jidħlu wara l-15 ta' Ġunju 2004.

Pilloli kontra l-cholesterol

Question

Jista' il-Ministru jgħid għal liema raġuni anzjani ta' 75 sena u iktar mhumiex qed jingħataw il-pilloli kontra l-cholesterol mill-isptar minkejja li dawn qed jiġu preskritti lilhom u minkejja li dawn l-anzjani jkollhom il-karti roża u safra?

Response (DEGUARA, LOUIS)

It-trattament kontra l-cholesterol jingħata biss lill-persuni li għandhom anqas minn 75 sena u li jissodisfaw kriterji oħra. Din il- miżura daħlet fis-seħħ fis-sena 1997/1998 waqt li kien Ministru l-Onor. Micheal Farruġia.

Ministeru tas-saħħa — Spejjeż fuq fuel

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5179, nirriferi għall-fuel li ministeri oħra taw meta ġew mitluba jagħtu l-istess informazzjoni.

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Avviż Legali dwar it-tipjip

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk l-Avviż Legali dwar it-tipjip ġiex irtirat kollu milli jidħol fis-seħħ fil-bidu ta’ April 2004 jew inkella partijiet minnu? X’wassal biex sar hekk? Ma jaħsibx li dan se jolqot numru kbir ta’ persuni li ma jpejpux u li se jkollhom ikomplu jsofru dan minħabba pressjoni li saret mal-gvern? Meta hu maħsub li dawn ir-regolamenti se jidħlu fis-seħħ u x’tibdil se jkun hemm fihom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-Avviż Legali dwar it-tipjip f'postijiet Pubbliċi ma ġiex rtirat. Id-data tad-dħul fis-seħħ hija 5 ta' April, 2004. Hemm emenda għal dan l-Avviż Legali illi hija ntiża unikament sabiex tagħti opportunita lis-sidien kkonċernati sabiex jottemporaw ruħom mal-provedimenti ta' dan l-Avviż Legali. L-emenda hija ntiża wkoll li tistabilixxi perjodu ċar u limitat sabiex is-sidien jilħqu dak mistenni minnhom.

Servizz ta' inkontinenza

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm talbiet pendenti għal servizz ta' inkontinenza mill-ewwel tas-sena 2004 u minn liema lokalita' huma?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li talbiet pendenti għas-servizz ta' l-inkontinenza hemm biss dawk li daħlu matul ix-xahar t'April. Dawn huma kif ġej: Lokalita Kwantita Attard 1 Għaxaq 1 Marsa 1 Żabbar 1 Żurrieq 1

SVPR — Manutenzjoni tas-swali

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma s-swali f'St. Vincent de Paule li talbu li ssirilhom maintenance tas-sala u x'kienet ir-risposta?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-maintenance fir-Residenza ta' San Vinċenz issir fuq bażi regolari. Prijorita tingħata lil dawk it-talbiet li jkunu meqjusa urġenti.

Djar ta' l-anzjani — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema jaħdmu fid-djar ta' l-anzjani u x'inhu l-grad tagħhom? Kemm hemm persuni li huma bil-kuntratt u x'inhu xogħolhom u kemm jitħallsu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Dipartiment tas-saħħa — Slow release methylphenidate

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom mhix qed tiġi mportata s-slow release methylphenidate li tintuża għall-persuni ADHD? Meta hemm il-ħsieb li tibda tiġi mportata?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li kif kien ikkonfermat mill-Medicines Authority methylphenidate slow release ma tistax tiġi mportata f'Malta għax m'hemm l-ebda CCP (Certificate of Pharmaceutical Product) għal dan il-prodott. Sal-ġurnata tal-lum il-Medicines Authority ma kellha l-ebda talba għar-reġistrazzjoni tal-methylphenidate sr fis-suq Malti.

Dipartiment tas-saħħa — Mediċina non-stimulant strattera

Question

Jikkonsidra l-Ministru li tibda tiġi mportata l-mediċina non-stimulant Strattera peress li hemm każi fejn ir-Ritalin ma taħdimx u Strattera tista' tkun sostitut tajjeb?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li kif kien ikkonfermat mill-Medicines Authority, Strattera ma tistax tiġi mportata f'Malta għax m'hemm l-ebda CPP (Certificate of Pharmaceutical Product) għal dan il-prodott. Sal-ġurnata tal-lum il-Medicines Authority ma kellha l-ebda talba għar-reġistrazzjoni ta' Strattera fis-suq Malti.