Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #16307 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptarijiet — Pazjenti

Question

Jista' l-Ministru jara li l-pazjent f'Ward GDW (B4) jingħata l-isplints li jirrikjedu? Peress li dan il-pazjent ilu xhur twal jistenna dawn iż-żewġ splints, jista' l-Ministru jara li dan il-bżonn jiġi rimedjat immedjatament? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Riċentement inġibditli l-attenzjoni mill-Legal Advisor tad-Diviżjoni li nformazzjoni tingħata biss jekk il-persuna li dwarha qed issir id-domanda parlamentari tagħti l-kunsens espress tagħha bil-miktub. Il-kunsens irid jispeċifika liema nformazzjoni għandha tingħata. Tali kunsens għandu jiġi mgħoddi lid-Diviżjoni tas-Saħħa mad-domanda.
Leg 9 PQ #16500 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tas-Saħħa

Gvern Malti/Gvern Ingliż — Kura medika

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-ftehim ta' kura medika bejn il-Gvern Malti u l-Gvern Ingliż? Jista' l-Ministru jgħid liema hija dik il-kura koperta b'dan il-ftehim li jingħataw b'xejn il-pazjenti Maltin fi sptarijiet Ingliżi u l-pazjenti Ingliżi fi sptarijiet Maltin? Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pazjenti b'ċittadinanza Ingliżi f'Malta humiex koperti b'dan il-ftehim li jingħataw: (a) kura b'xejn fl-emerġenza; (b) s-servizz ta' l-Out-patient; (ċ) r-rikoverament temporanju fl-isptar; u (d) interventi kirurġiċi b'xejn fl-isptarijiet governattivi Maltin?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-ftehim bejn Malta u l-Inghilterra dwar is-saħħa jikkonsisti: Li turisti li jkollhom bżonn ta` kura urġenti jkunu jistgħu jieħduha b'xejn fi sptarijiet u kliniċi tal-Gvern sa 30 jum. Dan japplika l-istess għal turisti Maltin fir-Renju Unit. Il-Kura koperta b'dan il-ftehim hija dik ta` natura urġenti. Għal l-aħħar parti tal-mistoqsija it-tweġiba hija fl-affermattiv, sakemm il-kura meħtieġa tkun urġenti.
Leg 9 PQ #16547 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Dentistrija

Question

Rigward mistoqsija parlamentari numru 16436, jista' l-Ministru jgħid jekk minn għandu l-kartuna r-roża jistax jagħmel dental crown biha?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ir-risposta hija fl-affermattiv u dawk li għandhom il-kartuna r-roża huma intitolati għall-'Plastic' (acrylic) crown.
Leg 9 PQ #16458 Sitting 304 2000-05-30 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tas-Saħħa

Droga — Twelid

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm twieldu tfal lill-ommijiet li kienu jabbużaw mid-droga din is-sena?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li mill-bidu ta` din is-sena sa issa, ġiet notifikata fil-National Obstetric Information System (NOIS) tarbija waħda li twieldet lil omm li kienet tabbuża mid-droga.
Leg 9 PQ #16447 Sitting 303 2000-05-30 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Gżira - Poliklinika

Question

Jista' l-Ministru jserraħ ras il-Gzirjani li l-poliklinika mhux se tittieħed Tas-Sliema kif qed jingħad?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ma hemm l-ebda ħsieb jew pjan illi ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira jingħalaq u minnfloku jinfetaħ wieħed tas-Sliema.
Leg 9 PQ #16199 Sitting 302 2000-05-29 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Ċentri tas-Saħħa

Question

Peress li ż-żieda tal-poplu tar-Rabat u l-Imtarfa sabiex jisserva fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta se tiżvantaġġja lill-komunitajiet tal-Mosta, tal-Mellieħa, ta' San Pawl il-Baħar, l-Imġarr u l-Manikata, Naxxar, il-Għargħur u bliet u rħula li jużaw dan iċ-ċentru tas-saħħa, għaliex se jiżdied il-queue u l-pressjoni tax-xogħol fuq l-istaff taċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta, jista'l-Ministru jara li jiftaħ mill-ġdid iċ-ċentru tas-saħħa tar-Rabat fuq bażi ta' 24 siegħa kuljum? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Presentament ma hux possibbli illi ċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat jiftaħ fuq bażi ta` 24 siegħa kuljum bin-numru ta` tobba li fil-preżent jaħdmu fiċ-Ċentri tas-Saħħa.
Leg 9 PQ #16303 Sitting 302 2000-05-29 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Health Promotion Department

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-health promotion department għadux jagħmel parti mid-diviżjoni tas-saħħa? Jekk le, minn meta u għal-liema raġuni? Nurse li għandu l-BSc Nursing Hons. u li jaħdem bħala health promotion officer mal-Health Promotion Unit, għaliex mhux qed jitħalla jagħmel overtime bħala aneasthetic nurse fl-operating theatre ta' l-iSptar San Luqa, meta hemm daqshekk nuqqas ta' nurses speċjalment anaesthetic nurses? Il-Ministru jaħseb li jekk is-sitwazzjoni preżenti hi kif indikajt fit-tielet parti tal-mistoqsija din is-sitwazzjoni għandha tinbidel għax ma jistax ikun li dan il-pajjiż ma jagħmilx l-akbar użu possibbli mir-riżorsi li għandu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-Dipartiment għal-Promozzjoni tas-Saħħa għadu jagħmel parti mid-Divizjoni tas-Saħħa. In-nurse li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant kien jaħdem bħala nurse fl-Operating Theatre sal-15ta` Mejju 2000 meta ġie trasferit għall-Health Promotion Departiment bħala Trainee Health Promotion Officer. In-Nursing Manager ta` l-Isptar San Luqa ftiehem miegħu li meta jkollu bżonn ta` fl-Operating Theatre issejaħlu biex jidħol overtime fit-theatres. Hekk ġara sat-13 ta` Mejju 2000. Meta ġie biex jitħallas għall-overtime li ħadem, inqalgħet problema teknika minn naħa tas-salarji tad-dipartiment tas-saħħa. L-individwu ġie nfurmat b`din il-problema u li dan jista` jaħdem bħala part time wara li jkollu permess mid-direttur tiegħu.
Leg 9 PQ #16309 Sitting 302 2000-05-29 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Skejjel — Każi ta' tuberkolożi

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-bidu tas-sena skolastika/akkademika sal-lum kemm kien hemm każi notifikati ta' tuberkolożi fil-livell, primarju, sekondarju, post-sekondarju u terzjarju? X'passi ttieħdu f'kull każ?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat illi mill-bidu tas-sena skolastika/akkademika sal-lum kien hemm każ wieħed ikkonfermat ta` tuberkulożi u li qiegħed fil-livell ta` edukazzjoni terzjarja. Il-passi li jittieħdu jinkludu 'contact tracing' u trattament bil-mediċini fejn meħtieġ.
Leg 9 PQ #16320 Sitting 302 2000-05-29 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Hearing aid

Question

Jista' l-Ministru jara li s-sinjura, li d-dettalji tagħha qed jintabgħtu separatament, tiġi nfurmata personalment dwar fejn waslet l-applikazzjoni tagħha għal hearing aid?

Response (DEGUARA, LOUIS)

It-talba tal-Onorevoli membru ġiet innotata.
Leg 9 PQ #16363 Sitting 302 2000-05-29 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Blood Donor Unit

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba kien bil-ħsara l-mobile blood donor unit mill-1 ta' Jannar, 2000 sal-lum? Kemm ġie jiswa x-xogħol, inkluż spare parts eċċ biex tissewwa kull ħsara li żviluppatlu l-mobile blood donor unit? X'kienet il-ħsara f'kull każ? Jista' l-Ministru jassigura li ma kien hemm l-ebda każ ta' traskuraġni f'dawn il-ħsarat?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-Mobile Blood Doner Unit kien bil-ħsara darba mill-1 ta` Jannar 2000 sal-lum. Dan kien fit-13 ta` April 2000. Il-ħsara ammontat għall-Lm1342.88 VAT inkluża. Il-ħsara kienet Tappets Mechanical Failure. Ma kien hemm ebda traskuraġġni li kkaġunaw dawn il-ħsarat.
Leg 9 PQ #16364 Sitting 302 2000-05-29 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar Monte Carmeli — Mobile phones

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm impjegati fl-Isptar Monte Carmeli għandhom aċċess għall-użu ta' mobile phone? Min huma u x'inhu l-grad tagħhom? Kemm inxtraw mobile phones fl-aħħar sitt xhur għal-użu ta' mpjegati fl-Isptar Monte Carmeli? Min kienu l-impjegati, u l-grad tagħhom, li ngħataw l-użu ta' mobile phone fl-aħħar sitt xhur? Min kienu l-uffiċjali fid-Dipartiment tas-Saħħa li approvaw ix-xiri ta' dawn il-mobile phones?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ġewwa l-Isptar Monte Carmeli hemm ħames persuni li għandhom aċċess għall-mobile phone. Dawn huma kif ġej: 1. Dr. Joe Saliba - Director of Psychiatry 2. Mr. Edward Borg - Assistant Director (Finance & Admistration) 3. Mr. Joe Borg - Manager Nursing Services 4. Mr. Victor Saliba - Operations Manager 5. Social Work Department F`dawn l-aħħar sitt xhur nxtara mobile phone wieħed u dan kien għall-użu ta` Social Work Department. Ix-xiri ta` dan il-mobile phone ġie approvat mill-Management team ta` l-Isptar Monte Carmeli. Ta` min jgħid li biex nxtara l-mobile phone ma ġie iffirmat ebda kuntratt billi dan juża s-sistema ta` top-up voucher. Din il-voucher jinxtara għall-prezz ta` Lm 10 u jservi 60 jum.
Leg 9 PQ #16399 Sitting 302 2000-05-29 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru tas-Saħħa

Imġarr — Ċimiterju

Question

Jista' l-Ministru jara li tittieħed azzjoni sabiex jitneħħa l-ħmieġ u t-traskuraġni li hemm fiċ-ċimiterju ta' l-Imġarr (Malta)?

Response (DEGUARA, LOUIS)

B`referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 16399, nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li wara lment li saru lid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika l-Ħadd 21 ta` Mejju, dwar iċ-ċimiterju ta` l-Imġarr (Malta), spezzjoni saret minn uffiċjal tad-Dipartiment fl-istess ġurnata. Għalkemm ma nstab l-ebda ħmieġ, l-għada 22 ta` Mejju 2000, ħaddiema ta` l-istess Dipartiment ġew mibgħuta biex isir xi xogħol ta` tikħil u manutenzjoni fuq xi oqbra u ż-żewġ ossarji.
Leg 9 PQ #16426 Sitting 302 2000-05-29 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

FMS — Sptar ta' Tal-Qroqq

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kienu d-disinjaturi li ġew approvati mir-rappreżentanti ta' l-FMS jew mill-FMS stess biex jagħmlu l-pjanti kollha ta' l-isptar il-ġdid f'Tal Qroqq? Jekk dawn id-disinjaturi jiffurmaw parti mill-konsorzju Skanska, jista' l-Ministru jagħti l-ismijiet tal-periti, inġiniera, uffiċċju u/jew kumpanniji li kienu approvati mill-FMS jew ir-rappreżentati tagħha biex ilestu d-disinji kollha ta' l-isptar?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Skond il-Kuntratt li ġie ffirmat fid-29 ta` Frar 2000 Skanska Malta J.V. huwa responsabbli biex jagħmlu l-pjanti kollha ta` l-isptar il-ġdid f`Tal-Qroqq. Il-Perit Joe Cassar huwa il-persuna responsabbli skond it-termini tal-liġi ta` Malta. Disinjaturi oħra jiġu approvati skond il-ħtieġa tax-xogħol.
Leg 9 PQ #16427 Sitting 302 2000-05-29 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Tobba

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm tobba li jaħdmu fiċ-ċentri tas-saħħa u li fl-aħħar xahar ġew trasferiti għad-dipartiment ta' l-emerġenza fl-isptar San Luqa? Jekk fl-affermattiv, kemm kien in-numru ta' dawn it-tobba? Kemm minn dawn it-tobba li ġew trasferiti, irriżenjaw jew ħarġu bil-maternity jew paternity leave?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-ebda tabib li kien jaħdem fiċ-Ċentri tas-Saħħa ma ġie `trasferit` għad-Dipartiment ta` l-Emerġenza fl-Isptar San Luqa fl-aħħar xahar. Iċ-ċaqlieq li sar kien parti mill-eżerċizzju ta` rotation u ħatriet fil-grad ta` SHO.
Leg 9 PQ #16436 Sitting 302 2000-05-29 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Dentistrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy dwar id-dipartiment tad-dentistrija fiċ-ċentri tas-saħħa rigward crowns tas-snien għal dawk in-nies li għandhom il-kartuna s-safra?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-intitolament għal-servizzi tad-dentistrija fiċ-Ċentri tas-Saħħa huwa relatati biss mal-kartuna r-roża u jekk wieħed għandux kartuna safra (Schedule V) jew le ma għandu l-ebda konnessjoni mal-aċċess għal dawn is-servizzi. Kulhadd huwa intitolat għal servizzi b`xejn ta` check-up, qlugħ u tindif. Servizz ta` mili tas-snin (conservative treatment) u applikazzjoni għal dentatura huwa aċċessibli biss min dawk li għandhom il-karta roża.
Leg 9 PQ #16124 Sitting 301 2000-05-24 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Ċentri tas-Saħħa — Rabat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li rrikorrew u għamlu użu miċ-ċentru tas-saħħa tar-Rabat matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? Kemm kien in-numru ta' persuni li ntbagħtu fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta meta ma setgħux jiġu moqdija fiċ-ċentru tar-Rabat matul dawn l-aħħar sentejn?

Response (DEGUARA, LOUIS)

In-numru ta` persuni li rrikorrew u għamlu użu miċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b`sena huwa: 1995 1996 1997 1998 1999 2000(tul April) ------------------------------------------ ------------------ 61,014 62,793 66,732 70,893 73,593 25,881 ------------------------------------------ ------------------ Ma hemmx rekord speċifiku fiċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat dwar pazjenti li setgħu intbagħtu fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta meta ma setgħux jiġu moqdija fiċ-Ċentru tar-Rabat.
Leg 9 PQ #16125 Sitting 301 2000-05-24 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Ċentri tas-Saħħa — Rabat

Question

B'riferenza għall-inkonvenjenzi kbar li qed jesperjenzaw iċ-ċittadini Rabtin peress li ċ-ċentru tas-saħħa tal-lokal qed ikun magħluq għal 16-il siegħa matul il-Ġimgħa, 20 siegħa fil-jum tas-Sibt u 24 siegħa fil-jum tal-Ħadd, jista'l-Ministru jirriforma s-servizz fiċ-ċentru tas-saħħa tar-Rabat fuq bażi ta' 24 siegħa kuljum?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Fil-preżent ma hux possibli jew sostenibbli illi iċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat jiftaħ fuq bażi ta` 24 siegħa kuljum bin-numru ta` tobba li fil-preżent jaħdmu fiċ-Ċentri tas-Saħħa.
Leg 9 PQ #16126 Sitting 301 2000-05-24 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Ċentri tas-Saħħa — Rabat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ddiskuta mal-kunsill lokali tar-Rabat l-għeluq ta' 16-il siegħa kuljum taċ-ċentru tas-saħħa tar-Rabat? Meta saru dawn il-laqgħat u x'punti tqajmu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Kif diġa kelli okkażjoni ngħid waqt `question time` ma sarux diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali tar-Rabat dwar it-tibdil fil-ħinijiet tal-ftuħ taċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat.
Leg 9 PQ #16084 Sitting 299 2000-05-23 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tas-Saħħa

Awtoritajiet tas-Saħħa — Wheelchairs

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandhom wheelchairs l-awtoritajiet tas-saħħa f'pajjiżna? X'inhi l-kondizzjoni ta' dawn il-wheelchairs u meta nxtara l-aħħar lot? Peress li hemm ilmenti mingħand pazjenti li qed jingħataw wheelchairs maħmuġin u saħansitra imsaddin, jista' l-Ministru jara li din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata peress li l-pazjenti jistħoqqilhom aħjar?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li fil-mument hemm 1,008 `wheelchairs` mislufin għand in-nies. Dawn ma jinkludux il-271 wheelchair li jinsabu fis-swali, fl-isptarijiet u fiċ-Ċentri tas-Saħħa. Il-kondizjoni tal-`wheelchairs` hija tajba. L-aħħar `lot` inxtara fi Frar, 1999. Il-wheelchairs jitnaddfu malli jinġiebu lura u jekk ikun fihom xi ftit sadid ma jfissirx li għandhom jintremew. Naħseb li l-pazjenti huma moqdija` sewwa u s-servizz huwa mingħajr ħlas.
Leg 9 PQ #16205 Sitting 299 2000-05-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Occupational therapists

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'jista' jsir biex persuni li jipprovdu servizz (bħal occupational therapists) lit-tfal li jkollhom bżonn is-CDAU ma jinbidlux kull ftit xhur u hekk iħarbtu l-kontinwita' meħtieġa? X'hand over serju qed ikun hemm meta tinbidel persuna meta kull darba jistaqsu lill-ġenituri "x'kien jagħmel ta' qabli"?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li tlett Occupational Therapists li jaħdmu is-CDAU huma fuq bażi permanenti. Terapista waħda biss hija fuq bażi `Rotation` ( ta` erba` xhur). Dan iservi sabiex terapisti ġodda jiksbu esperjenza tal-firxa ta` servizzi li joffru l-Occupational Therapists. Dawk it-terapisti li huma fuq Rotation ikollhom `handover` dettaljat bil-miktub fil-file fuq kull tifel u tifla li huma ser jagħtu s-servizz. It-terapista fuq bażi Rotation ikollhom supervisjoni, gwida u għajnuna mit-terapisti permanenti.