Jista' l-Ministru jinfurmani kemm kien in-numru ta' studenti li bdew kors fil-qasam tal-biedja fl-istitut ta' l-Agrikoltura ta' l-Universita' ta' Malta matul is-sena li għaddiet u f'liema qasam?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li 23 student bdew korsijiet (Diploma in Agriculture) fl-Istitut ta' l-Agrikultura f'Ottubru li għadda.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jsiru laqgħat għall-ġenituri tas-sitt klassi tal-primarja biex jiggwidawhom lill-istudenti x'suġġetti jgħażlu għall-edukazzjoni sekondarja tagħhom?
Għaliex issejħu laqgħat imbagħad tħassru?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li saru ħafna laqgħat għall-ġenituri u għat-tfal tas-sitt sena tal-Primarja biex jiggwidaw lill-istudenti x'suġġetti jagħżlu għall-edukazzjoni sekondarja tagħhom kemm f'Malta, kif ukoll f'Għawdex. Dawn saru mill-Counsellors, u mill-Kapijiet ta' l-iskejjel. Dawn ta' l-aħħar ingħataw 'guidelines' għal-laqgħat. Min għamel kuntatti bit-telefon, jew ġie personalment, ingħata l-għajnuna u l-gwida li xtaq.
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ma tafx b'laqgħat li ssejħu u mbagħad, tħassru.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom studenti li jattendu l-istitut ta' l-informatika tal-MCAST intalbu jħallsu Lm73 biex jiġu eżaminaturi minn barra u jingħataw ċertifikat minn barra?
X'jiġri l-każ li jkun hemm studenti li ma jeffordjawx dawn il-ħlasijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ħlas ta' Lm73 huwa dovut għar-reġistrazzjoni biex wieħed jieħu l-B.Tech. National Diploma fil-Computing. Dan huwa ħlas li jmur barra minn Malta għand l-istituzzjoni li l-Istitut għall-Informatika ta' l-MCAST huwa akkreditat magħha. M'hemm ebda ħlas għal studenti li jsegwu korsijiet organizzati mill-MCAST.
Każijiet fejn tassew ikun hemm diffikulta ta' dan il-ħlas jistgħu jiġu konsidrati kull wieħed fuq il-merti tiegħu mill-Bord għall-Għotjiet ta' Manteniment ta' l-Istudenti.
Jista' l-Ministru jispjega għaliex minkejja wegħdiet li saru kważi sena ilu li ser isir titjib fil-kostruzzjoni ta' Dar il-Mediterran għall-Konferenzi biex minflok it-trakkijiet jagħmlu użu minn Triq l-Ibjar, dawn jibdew jagħmlu użu minn Triq il-Mediterran, baqa' ma sar xejn?
Peress li n-nies li jogogħdu fil-viċinanzi qed ibatu periklu minn trakkijiet kbar, ħsarat fil-karozzi u l-proprjeta' u mhux qed ikollhom fejn jipparkjaw, jistgħu jittieħdu passi f' dan ir-rigward?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħol neċessarju sabiex it-trakkijiet li preżentament jagħmlu użu minn Triq l-Ibjar hija primarjament l-istallazzjoni ta' Lift ġewwa Dar il-Mediterran. Hemm kollox lest għal dawk li huma pjanti u applikazzjonijiet, biss il-permess neċessarju għadu ma ħariġx.
Mill-informazzjoni mogħtija lili jidher li l-istallazzjoni ta' lift fil-bini hi l-unika soluzzjoni li tippermetti sabiex il-merkanzija tinħatt minn Triq il-Mediterran.
Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna tista' tingħata lill-istudent lid-dettalji tiegħu huma ammessi under separate cover li għandu bżonn għajnuna qawwija biex jikseb il-ħiliet bażiċi fl-edukazzjoni tiegħu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Iskola Sekondarja tas-Subien F.X Attard, Marsa, bħal skejjel oħra għandha ċ-ċans li toħloq programmi adattati għal studenti li għandhom diffikulta` u mhux mistenni li dawn l-istudenti jimxu ma' sillabu riġidu la fix-Xjenza u anqas f'ebda suġġett ieħor.
Din l-istess skola qed tħejji programm bl-għajnuna tal-Literacy Unit biex tibni l-ħila bażika ta' literacy fl-istudenti tagħha.
Id-Dipartiment tal-Kurrikulu qed jara wkoll li tingħata għajnuna mill-Special Learning Difficulties Unit.
Jista' l-Ministru jgħid teżistix leġislazzjoni fil-pajjiż li deċiżjonijiet amministrattivi jistgħu jkunu magħmula pubblika wara li jgħaddu ċertu numru ta' snin?
Kemm-il darba saret talba minn persuni jew korpi għal informazzjoni amministrattiva dwar deċiżjonijiet li ttieħdu żmien ilu?
Xi trid tagħmel persuna sabiex takkwista din l-informazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-leġislazzjoni li tirrigwardja ż-żamma u aċċess pubbliku ta' dokumenti amministrattivi hija l-Att Nru IV - 1990 imsejjaħ "Att biex jirregola l-Arkivji Nazzjonali".
Il-materjal miżmum fl-Arkivju Nazzjonali hu miftuħ għall-pubbliku għajr għal limitazzjonijiet ta' aċċess kif stipulat fl-istess Att.
Matul dawn l-aħħar snin saret riċerka kostanti fl-Arkivju Nazzjonali. Peress li l-materjal konsultat huwa kollu oriġinali, il-kontenut jinkludi diversi deċiżjonijiet amministrattivi.
Il-materjal miżmum fl-Arkivju Nazzjonali hu miftuħ għall-pubbliku u l-kundizzjonijiet ta' aċċess huma elenkati fi struzzjonijiet ġewwa l-bini ta' l-Arkivju.
Jista' l-Ministru jgħid, fid-dawl tal-proposti li qed isiru fil-whitepaper tal-isports, kemm saru laqgħat mal-ħaddiema tad-dipartiment jew dipartimenti konċernati? Meta saru dawn il-laqgħat u min kien preżenti għal kull laqgħa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li saru xi briefing sessions fejn il-ħaddiema fi gradi mhux operattivi tad-Dipartiment ġew mistiedna jattendu. Dawn fil-fatt anke taw il-kontribut tagħhom billi qajmu xi punti u għamlu mistoqsijiet. Minħabba li l-liġi proposta għadha fil-fażi ta' white paper u qegħdin fil-fażi li l-abbozz finali jintbagħat lill-Kabinett, ma nhassx li hu opportun li jsiru laqgħat diretti mal-ħaddiema f'dan l-istadju.
Jista' l-Ministru jgħid x'postijiet vakanti hemm fit-taqsima ta' l-edukazzjoni inklussiva? Kemm hemm persuni li jistgħu eventwalment jikkwalifikat biex jimlew dawn il-postijiet? Meta se jimtlew dawn il-postijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-Taqsima Bżonnijiet Edukattivi Speċjali fi ħdan id-Direttorat ta' Servizzi għall-Istudent u Relazzjonijiet Internazzjonali, hija mmexxija minn Direttur u Assistent Direttur ta' l-Edukazzjoni. Hemm tliet postijiet vakanti fil-kariga ta' Uffiċjal Edukattiv. Għalkemm ħarġu żewġ sejħiet diġa` sabiex jimtlew dawn il-postijiet vakanti, ħadd ma applika. Hemm persuni li huma kkwalifikati u aktarx huma mħajra biex jimlew dawn il-postijiet, imma minħabba restrizzjonijiet li jeżistu fil-preżent fil-Ftehim Kollettiv, jeskludihom li japplikaw.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm amusement machine fl-Istitut tal-Arti u d-Disinn ta' Tarġa Gap? Huwa għaqli li jkun hemm dan il-machine li tintlagħab bil-flus miż-żgħażagħ studenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li llum m'hemm ebda amusement machine fl-Istitut ta' l-Arti u d-Disinn, Tarġa Gap.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu studenti ġodda għas-sengħa ta' l-istampar fl-Institut ta' l-Arti u d-Disinn ta' Tarġa Gap għall-kors li beda f'Ottubru 2001? Xi pjani hemm għall-iżvilupp ta' dan il-qasam tant importanti għall-pajjiżna li għandu nuqqas ta' opportunitajiet ta' taħriġ fih?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'Ottubru 2001 daħlu erba' studenti ġodda full-time għas-sengħa ta' l-istampar. L-istudenti l-ġodda li daħlu fil-Basic Year ta' l-MCAST, dawk li għażlu l-Kors ta' l-Arti u l-Artiġjanat, sarilhom orientation course fl-istampar ukoll. Seba' studenti tal-ħames sena sekondarja ħadu kors simili. Bħalissa hemm sittax-il student fit-tieni sena tal-kors ta' l-Istampar, u sebgħa fit-tielet sena.
Informat ukoll li minn Ottubru 'l hawn żidna xi makni ma' dawk li diġa` kienu jeżistu biex l-istudenti jkollhom possibbilta` aħjar jifhmu u jipprattikaw dak li titlob is-sengħa.
1. Hydraulic Press
2. Case Maker
3. Gold Blocker
4. Gluing Machine
Jista' l-Ministru jgħid jirriżultax li fl-Istitut ta' l-Arti u d-Disinn ta' Tarġa Gap hemm fejn isiru żewġ lectures differenti fl-istess ħin fl-istess kamra minħabba nuqqas ta' spazju? Jirriżulta li hemm klassijiet bi ħġieġ nieqsa tant li lecturers u studenti fi klassijiet differenti jisimgħu lil xulxin u jtellfu lil xulxin?
Response (GALEA, LOUIS)
Ma jirriżultax li jsiru żewġ lectures differenti fl-istess ħin fl-istess kamra. Informat li biex isir użu massimu mill-faċilitajiet u r-riżorsi, studenti ta' klassijiet differenti ġieli jiltaqgħu fl-istess ħinijiet biex jaħdmu, ngħidu aħna, fuq il-kompjuter. Dan huwa normali f'Istituti, Kulleġġi u Universitajiet. Meta jkun hemm bżonn li dan iseħħ, jiġi aċċertat li ma jkun hemm ebda tfixkil. L-għalliema konċernati ma jħossux li dan hu ta' tfixkil, u huma stess irrapurtaw li qatt ma kien hemm studenti li ressqu xi lment f'dan ir-rigward. Fil-fatt dan l-arranġament hu possibbli biss meta l-ispazju tas-sala huwa kbir u jippermettih. Ukoll għax in-numru ta' studenti huwa żgħir.
Informat ukoll li fejn in-numru ta' studenti li jagħżlu xi sengħa huwa relattivament żgħir, u fejn il-workshop jiflaħ numru kbir, huwa anki għaqli li ma jkunx hemm ħela bla bżonn ta' riżorsi. F'każi bħal dawn ma ssir ebda ħsara jekk fuq bank tax-xogħol ikollok student ta' l-ewwel sena jiskolpi xi biċċa ornate sempliċi, u fuq bank ieħor ikollok ngħidu aħna erba' studenti mhux ta' l-istess klassi jaħdmu fuq xogħol differenti.
Dwar il-ħġieġ tal-bibien ta' xi klassijiet, informat li bħala prekawzjoni xi ħġieġ inqala' apposta malli instab li kien qed jikkawża periklu: mhux għax kien miksur imma għax kien kbir iżżejjed u mhux ta' ħxuna addattata. In-numru ta' klassijiet affettwati kien ta' ħamsa. B'danakollu l-ispazju tal-ħġieġ issa ser jiġi imblukkat b'materjal iżjed addattat biex jekk jeżisti xi periklu jiġi eliminat ukoll.
Jista' l-Ministru jgħid x'ħinijiet hemm allokati għall-attivitajiet sportivi fil-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija? Kemm hemm persuni ngaġġati biex jagħmlu ħidma edukattiva sportiva ma' l-istudenti fil-kulleġġ? X'attivitajiet sportivi saru s'issa f'dan il-kulleġġ?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Kulleġġ għad irid jiżviluppa programm sħiħ u integrat ta' attivitajiet sportivi. Informat li l-Kulleġġ kellu programm ta' attivitajiet sportivi għall-istudenti qabel il-ġranet tal-Milied u qed iħejji attivitajiet oħra għall-kumplament tas-sena. F'dan l-istadju ma hemm ebda persuna speċifikament ingaġġata biex tagħmel dan ix-xogħol. L-attivitajiet sportivi li saru sa issa kienu jinkludu għawm, rugby u football u volleyball.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kapijiet u assistenti kapijiet tal-iskejjel li se jirtiraw matul din is-sena skolastika iżda wara 1 ta' Jannar 2002?
Jista' l-Ministru jgħid jekk jkun magħruf li se jirtira kap/assistent kap għaliex ma jinħatrux oħrajn flokhom xi żmien qabel ma jirtiraw biex jkun hemm handover sura ta' nies?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul din is-sena skolastika, minn wara l-1 ta' Jannar 2002, ser jirtiraw 5 Kapijiet ta' l-iskejjel u 4 Assistenti Kapijiet. M'għandux ikun hemm problemi biex jimtlew vakanzi li mistennija jinħolqu sa Ġunju 2002.
Il-ħatra ta' Kap jew Assistent Kap tiddependi fuq il-vakanzi li attwalment ikunu jeżistu. Dak li qed jiġi ssuġġerit jiddependi minn deċiżjoni finali tal-PSC wara li jkun qabel l-MPO. Il-materja ilha tiġi kkonsidrata min-naħa tiegħi.
Jista' l-Ministru jikkunsidra li ċ-Ċentru għar-Riżorsi għall-Edukazzjoni Inklussiva ġewwa l-Imsida jissemma għas-Sur Frank Mallia li tant ħadem fuqu u li miet dan l-aħħar?
Response (GALEA, LOUIS)
Isem Frank Mallia diġa' kien qed jiġi konsidrat għaċ-Ċentru għar-Risorsi fl-Imsida sa minn qabel ma miet.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema fażi wasal ix-xogħol fuq il-proġett ta' Ċentru Sportiv fil-Kottonera? It-time frames qed jinżammu? Meta hu pprogrammat li jitlesta x-xogħol u allura jinfetaħ dan iċ-ċentra sportiv?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħol fuq il-proġett taċ-Ċentru tal-Kottonera wasal fil-fażi fejn hu mistenni li tibda l-kostruzzjoni tas-saqaf. Ix-xogħol miexi skond il-programm. Hu mistenni li l-proġett jitlesta għall-bidu tas-sena 2003.
Jista' l-Ministru jara li jsiru xi rampi u stair lifts minħabba l-isplit levels li hemm fl-iskola Sir Luigi Preziosi, St Andrews għall-benefiċċju ta' ċerti studenti bi bżonnijiet speċjali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada qegħda tfassal inizjattiva ġdida biex tirrisolvi l-problemi rigward l-Aċċessibilita` fl-iskejjel ta' l-Istat.
L-iskejjel kollha ser jiġu mistiedna biex jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom fil-ġejjieni qrib.