Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu mistenni li jiżdied in-numru ta' sodod fil-lukandi matul is-sena li ġejja? F'liema lokalitajiet, separatament, mistenni li sseħħ din iż-żieda?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dawn l-aħħar sentejn kien hemm 28-il applikazzjoni approvata mill-Awtoritá Maltija għat-Turiżmu minn operaturi ta’ lukandi, kemm minn dawk preżenti, kif ukoll dawk prospettivi. Dawn jammontaw għal total ta’ 2636 sodda f’ dawn il-lokalitajiet:
- San Ġiljan/Sliema/Gzira: 1298
- Bugibba/San Pawl il Baħar/Qawra/Salina: 564
- Valletta: 56
- Għawdex: 214
- Oħrajn: 504
Bħal ma jaf tajjeb l-Interpellant, il-liċenzjar ta’ dawn is-sodod addizzjonali jiddependi minn proċessi oħra kemm ta’ entitatijiet governattivi kif ukoll minn xogħlijiet u proċessi oħra li huma dipendenti fuq l-applikant. Ghaldaqstant anki jekk in-numru ta’ applikazzjonijiet huma indikattivi wieħed ma jistax jkun definittiv kemm minn dawn fil-fatt ser jiġu liċenzjati fis-sena li ġejja.
Tajjeb ukoll ta’ min isemmi illi permezz tal-politika li nieda dan il-Gvern dwar l-aġġustament tal-limitazzjoni tal-għoli għal-lukandi, l-Awtoritá Maltija għat-Turiżmu, approvat erba’ applikazzjonijiet ġodda li daħlu din is-sena u li dawn potenzjalment ser iżidu l-bed stock bi kważi 300 kmamar ġodda, inklużi fil-lista f’hawn fuq.
Dan kollu hu f’konformità mal-politika tal-Gvern għas-settur turistiku fejn hemm impenn sabiex nilħqu l-obbjettivi prinċipali li huma t-titjib tal-kwalità tal-prodott, tal-kompettittività u tas-sostennibilità tas-settur tagħna bil-għan li iktar investiment isarraf fi tkattir ta’ mpjiegi ġodda illi minnu jgawdu wkoll il-familji Maltin u Għawdxin.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-management accounts tal-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu sa Marzu 2015?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi informazzjoni mitluba hija ta’ natura kummerċjalment sensittiva u għalhekk tali informazzjoni ma tistax tingħata.
L-Awtorità però hija marbuta a tenur tal-Artikolu 9 tal-Kapitlu 409 tal-ligijiet ta’ Malta li tibgħat lill-Ministru l-financial statements tagħha u li l-istess Ministru hu obbligat li jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tad-Deputati, hekk kif fil-fatt għamlet ftit jiem ilu.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-management accounts tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi sa Marzu 2015?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura kummerċjalment sensittiva u għalhekk tali informazzjoni ma tistax tingħata, kif del resto kienet il-prassi taħt l-amministrazzjoni preċedenti.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu x-xogħol tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt tal-impjieg fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid meta ġie ingaġġat u jekk dan sarx b’sejħa pubblika jew b’direct appointment?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament ma’ din il-mistoqsija, ġiet ingaġġjata mill-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu fl-10 ta’ Jannar 2015, għal perjodu fiss ta’ erba’ xhur. Minħabba ż-żieda ta’ xogħol speċifiku fil-qasam tal-marketing, is-servizzi ta’ konsulenza ta’ din il-persuna ġew mitluba sabiex tingħata għajnuna lill-Kap Eżekuttiv fid-Divisjoni tal-Marketing fi ħdan l-Awtorità. Fost is-servizzi li l-persuna kien mistenni jesegwixxi huwa l-ippjanar u l-organizzazzjoni tal-ewwel Konferenza Annwali tal-Marketing għall-uffiċini barranin tal-Awtorità li sar fit-22, 23, u 24 t’April 2015, kif ukoll jgħaddi nformazzjoni u pariri fir-riward tal-Branding and Advertising Contract of Malta tal-uffiċini barranin illi huwa pendenti.
Il-persuna kkonċernat huwa ggradwat f’Master of Arts (University of North London) f’Marketing and International Tourism Policies u għandu esperjenza vasta fis-settur turistiku fosthom f’marketing; avvenimenti, fieri u esebizzjonijiet; u relazzjonijiet pubbliċi. Kien ukoll jokkupa l-kariga ta’ Director Marketing and Promotion fi ħdan l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu bejn Awwissu tal-2004 u Novembru tal-2006.
Il-kuntratt tal-impjieġ huwa ta’ natura sensittiva, għalhekk ma tistax jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-linji tal-ajru low cost li diġà ftehmu biex jibdew joperaw minn u lejn Malta matul idin is-sena? Fuq liema rotot hu mistenni li jopperaw dawn l-istess linji tal-ajru? Liema huma l-linji tal-ajru, kemm low cost kifukoll le, li bħalissa qed joperaw lejn u minn Malta?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm ħames linji tal-ajru li dwarhom hemm ftehim sabiex jibdew joperaw minn u lejn Malta din is-sena. Dawn huma: Finnair minn Helsinki, Transaero minn Moska, Swiss minn Zurich, Agean minn Ateni u Jet2 minn ħames ajruporti fl-Ingilterra (Manchester, East Midlands, Leeds, Newcastle u Glasgow). Il-lista ta’ linji tal-ajru u rotot li bħalissa qed joperaw minn u lejn Malta, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal- Kamra.
Il-Gvern qed iżid il-linji tal-ajru li jtiru lejn u minn pajjiżna u dana bi strateġija ċara billi filwaqt li jikkonsolida dawk it-tourism source markets diġà importanti għal pajjiżna, ikun hemm proċess ta' diversifikazzjoni gradwali ta' dan. Strateġija oħra hi li dawn il-linji tal-ajru jagħmlu an all year round operation u dana sabiex inkomplu nsaħħu l-influss ta' turisti fix- xhur tax-Xitwa.
B’referenza għad-dewmien fit-titjira tal-Air Malta minn Londra għal Malta bejn id-19 u l-20 ta’ Mejju 2015, jista’ l-Ministru jgħid:
(a) Jekk sarx rapport intern dwar l-avvenimenti u ċ-ċirkostanzi kif seħħew; u
(b) X’inhuma l-pjani ta’ kontinġenza li jintużaw f’istanzi simili u jekk dawn ġewx segwiti?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi, b’referenza għad-dewmien fit-titjira tal-Air Malta minn Londra għal Malta bejn id-19 u l-20 ta’ Mejju 2015, sar rapport intern fejn ingħatat spjegazzjoni ddettaljata dwar iċ-ċirkostanzi u l-avvenimenti li wasslu għad-dewmien tal-wasla f’Malta tat-titjira KM103 minn Heathrow.
Prinċipalment, id-dewmien kien dovut għall-fatt illi t-temp imċajpar fuq l-ajruport ta’ Malta ma ppermettiex inżul sigur ta’ ajruplani għal numru ta’ sigħat. It-titjira li diġà kellha sagħtejn dewmien minħabba maltemp ġewwa Londra kellha tiġi ddevjata għall-ajruport ta’ Catania. Għall-fatt illi t-terminal tal-ajruport ta’ Catania kien magħluq matul il-lejl, u servizzi ta’ refuelling ma kinux disponibbli qabel is-sitta ta’ filgħodu, l-ekwipagg kellu jinbidel u jittella’ ekwipaġġ frisk minn Malta. Dan tal-aħħar wasal Catania mat-titjira skedata KM 640 minn Malta. Dan ikkawża aktar dewmien u finalment it-titjira waslet b’mod sigur ġewwa Malta għal ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu
Ninforma wkoll lill-Interpellant illi f’istanzi simili, jeżistu pjanijiet ta’ kontinġenza u l-proċedura li għandha tintuża f’ċirkostanzi bħal dawn, fost l-oħrajn hi li titjira tinżel f’ajruport alternattiv jekk inżul fl-ajruport tad-destinazzjoni oriġinali ma jkunx possibbli. Ittieħdu wkoll miżuri ta’ sigurtà fosthom dik li l-passiġġieri tniżżlu minn fuq l-ajruplan waqt li kien għaddej ir-refuelling. Fil-fatt il-passiġġieri ttieħdu fit-terminal tal-ajruport ta’ Catania hekk kif appena dan infetaħ fil-ħinijiet bikrin ta’ filgħodu.
Għaldaqstant irid jingħad illi l-Air Malta għamlet dak kollu possibbli sabiex tindirizza dawn is-sitwazzjonijiet f’nofs ta’ lejl u li lkoll seħħew lil hinn mill-kontroll tagħha, kif ukoll ġew eżegwiti miżuri ta’ kontinġenza u sigurtà li normalment jiskattaw f’ċirkostanzi simili.
San Pawl, il-Qawra u Buġibba — servizz ta' trasport pubbliku
Question
Billi postijiet turistiċi bħalma huma San Pawl il-Baħar, il-Qawra u Buġibba jimtlew b'numru sostanzjali ta' turisti, u dan b'mod partikolari fix-xhur tas-sajf, jista' jagħti tagħrif dwar x'tip ta' rakkomandazzjoni għamel il-Ministeru biex jiġi assigurat li s-Servizz tat-Trasport Pubbliku matul ix-xhur tas-Sajf, jkun tali li jlaħħaq il-ħtiġijiet tal-lokalità?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-servizz tat-trasport pubbliku ser jiżdied għax-xhur tas-sajf biex jilqa’ għad-domanda li tiżdied konsiderevolment. Ninformah ukoll li hemm sinerġija totali fost il-Ministeri u l-entitajiet governattivi sabiex nilqgħu għan-numri rekord ta’ turisti li rnexxielna nġibu fix-xhur li ġejjien anke fiż-żona turistika ta’ Bugibba, Qawra u San Pawl il-Baħar u dana dejjem b’rispett għar-residenti taż-żona.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa tat-turisti barranin f'Malta u f'Għawdex separatament matul is-sena 2014 u s-sena 2015, sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fis-sena 2014, in-nefqa tat-turisti ġewwa l-gzejjer Maltin laħqet iċ-ċifra ta’ biljun u nofs Ewro – 88 miljun aktar fuq is-sena ta’ qabel, b’żieda ta’ 6.1%. Matul l-ewwel kwart tas-sena 2015, l-ispiża totali tat-turisti tammonta għal 192 miljun Ewro, jiġifieri żieda ta’ madwar 15-il miljun Ewro fuq l-istess perjodu tas-sena 2014, ekwivalenti għal żieda ta’ 8.9%.
Ninforma lill-Interpellant illi l-Uffiċċju tal-Istatistika ma joħroġx ċifri separati għal Malta u Għawdex. Madanakollu, minn estimi li għamel Dr. Gordon Cordina fir-rapport: ‘’The Contribution of the Tourism Industry to the Maltese Economy in 2014’’, li ġie mniedi ftit tal-ġimgħat ilu mill-Ministeru għat-Turiżmu, insibu li fl-2014 kellna 2.3 miljun passiġġier li qassmu lejn Għawdex. Huwa stmat f’dan ir-rapport li aktar minn 377,000 kienu turisti jew vi¿itaturi Maltin filwaqt li ftit inqas minn 945,000 kienu turisti jew viżitaturi barranin.
Skont l-istess estimi konservattivi jgħidu li fl-2014 il-kontribuzzjoni ta’ l-industrija tat-turi¿mu ġewwa Għawdex f’termini ta’ infieq ammonta għal madwar €180 miljun li hu ekwivalenti għal kważi nofs il-Prodott Gross Domestiku Għawdxi. Huwa stmat li €28 miljun minn dawn il-€180 miljun huma nfieq minn turisti u viżitaturi Maltin. Il-kumplament huwa stmat bħala nfieq minn turisti u viżitaturi barranin.
Ta min jaċċenna wkoll li f’dan l-istess rapport ġie stmat li minn 6,900 impjieg fis-settur privat Għawdxi, 30% minn dawn l-impjiegi jistgħu jiġu attribwiti lis-settur turistiku u li jagħmlu ekwivalenza ta’ 20% tal-impjiegi totali ġewwa Għawdex. F’kelma oħra wieħed minn kull ħames impjiegi f’Għawdex huma krejati b’ri¿ultat tal-attivita turistika diretta jew indiretta.
Fl-2014, it-turiżmu domestiku huwa stmat li kiber b’5%. Dan jawgura tajjeb għall-ġejjieni sabiħ u ottimista għall-Għawdxin, partikolarment fid-dawl tat-tħabbir riċenti mill-gvern ta’ investimenti kbar u ġodda li se jsaħħu t-turiżmu f’Għawdex u se jtuh identita u dimesjoni ġdida partikolrment it-turiżmu mediku. Dan ser iġib miegħu ħolqien ta’ aktar ġid u speċjalment ħolqien ta’ ħafna impjiegi u mpjiegi ta’ kwalita. B’hekk tissokta li tiġi mwettqa l-wegħda ta’ dan il-gvern ta’ xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni dwar il-ftehim kollettiv tal-ħaddiema tal-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fir-rigward tal-ftehim kollettiv tal-ħaddiema tal-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu, iċ-Chief Executive Officer avviċina kemm lill-General Workers Union kif ukoll lill-Union Ħaddiema Magħqudin fejn deher impenn illi dawn lesti jaħdmu flimkien fuq in-negozjar ta’ ftehim kollettiv ġdid.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilu li skada l-ftehim kollettiv tal-ħaddiema tal-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ftehim kollettiv tal-ħaddiema tal-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu, skada fl-2010 taħt l-amministrazzjoni preċedenti. Bħal ma diġa’ tennejt fil-mistoqsija parlamentari 16229, l-Awtorita’ għamlet avviċinament maż-żewġ unions ewlenin – GWU u UĦM, fuq ftehim kollettiv ġdid għall-ġid tal-ħaddiema.
Jista’ l-Ministru jippubblika d-dettalji tal-impjieg tad-direttur tal-liċenzjar u infurzar fl-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu, inkluż dettalji tal-kwalifiki tiegħu, u jekk dan ġiex appuntat wara sejħa jew b’direct appointment?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-Direttur tal-Liċenzjar u l-Infurzar fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu ġie appuntat eżatt qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, proprju fl-4 ta’ Jannar 2013, ċjoè ġurnata ta’ xogħol qabel xolja l-Parlament fis-7 ta’ Jannar 2013.
Il-persuna kkonċernata ġiet appuntata wara li ħarget Sejħa għall-Applikazzjoni. Madanakollu, dan il-proċess ta’ għażla ġie nvestigat b’reqqa mill-
Internal Audit and Investigations Department (IAID)
wara li kien hemm allegazzjoni ta’ ksur tal-provedimenti tal-
Public Service Management Code
(PSMC)
u tal-Att Dwar l-Amministrazzjoni Pubblika. Ghaldaqstant jeżisti rapport dwar dan mil-IAID.
Il-kwalifiki tal-ufficjal appuntat huma: MBA, Università ta’ Malta; Standard Military Course, Royal Military Academy Sandhurst; Certificate in International Relations, Università ta’ Malta.
Il-job description tad-direttur tal-liċenzjar u infurzar ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istruttura tad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani fl-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu kif inhi fid-data li qed issir din il-mistoqsija? Jista’ jagħti l-istess informazzjoni fuq x’kienet il-pożizzjoni fl-aħħar tal-2014, 2013 u 2012?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-istruttura tad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani fl-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu għas-snin 2015, 2014, 2013 u 2012 qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Hija l-intenzjoni tal-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu li tibqa’ ssaħħaħ dan id-Dipartiment fi ħdanha.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna hi impjegata mal-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu bħala xufier? Ma’ min huma allokati?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu għandha erba’ persuni impjegati bħala xufiera, wieħed allokat maċ-Chairman filwaqt li t-tlieta l-ohra jagħmlu xogħol ta’ trasport li jkun meħtieġ mill-Awtorità.
Ta’ min jinforma wkoll lill-Interpellant illi dawn ix-xufiera ġew impjegati mal-Awtorità fis-sena 1987, fl-1992, fl-1994 u fl-2013 rispettivament.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa’ l-kumitat dwar is-saħħa u s-sigurtà fl-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu s’issa fl-2015, u fis-snin 2014 u 2013? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport ta’ ħidma għas-snin elenkati?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bejn is-snin 2013, 2014 u 2015, il-Kumitat dwar is-Saħħa u s-Sigurta’ fl-Awtorità ta’ Malta għat-Turi¿mu iltaqa’ l-aħħar f’Ottubru 2014. Ta’ min jenfasizza illi taħt l-amministrazzjoni preċedenti, dan il-Kumitat iltaqa’ l-aħħar darba fit-23 ta’ Novembru 2011.
Matul dan il-perjodu, kwistjonijiet konnessi mas-saħħa u s-siġurta’ bħal First Aid Boxes, Fire Extinguishers, kwistjonijiet konnessi mas-saħħa tal-impjegati, kif ukoll kwistjonijiet ġenerali fuq il-post tax-xogħol, dejjem ġew indirizzati b’mod immedjat. Sar ukoll taħriġ lill-impjeġati fuq saħħa u sigurta’. L-Awtorita’ għandha wkoll numru adekwat ta’ First Aiders imħarrġa.
L-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu għaddejja minn diskussjonijiet sabiex il-Kumitat dwar is-Saħħa u s-Sigurta’ jiġi nkluż fil-Ftehim Kollettiv.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi pjanijiet partikulari għal dak li jikkonċerna l-iżvilupp tal-prodott turistiku, f'dawk l-inħawi fejn l-iktar hemm lukandi u faċilitajiet oħra l-aktar marbuta mat-turiżmu? Jekk iva, x'inhuma dawn il-pjanijiet?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-politika għat-turiżmu li għadha kemm ġiet imnedija, ser twassal għal strateġija ta’ pjan ta’ implimentazzjoni dettaljat fix-xhur li ġejjin. Fil-frattemp, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qed taħdem fuq numru ta’ inizjattivi hekk kif elenkati fil-lista li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
It-tnedija tal-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi hija wkoll turija ċara tal-impenn tal-Ministeru għat-Turiżmu lejn dawn iż-żoni tant importanti, speċjalment fejn jidħol ko-ordinament ta’ tindif, manutenzjoni u tisbiħ.
Billi waqt is-seduta ta' nhar l-Erbgha 13 ta' Mejju 2015, il-Ministru ta indikazzjonijiet li jistgħu jwasslu biex kemm in-numru ta' ajruplani kif ukoll in-numru ta' rottot li għandha l-Air Malta jonqsu, jista' l-Minstru jagħti tagħrif dwar x'inhuma l-aħħar żviluppi li qed iseħħu dwar dan? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx il-ħsieb li l-ħaddiema li għandha l-Air Malta jonqsu?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fis-seduta ta’ nhar l-Erbgħa, 13 ta’ Mejju 2015, jiena kont qed nitkellem dwar sistema dwar kif il-kiri tal-ajruplani mill-Air Malta jiġi razzjonalizzati dana sabiex jinbidlu deċiżjonijiet u prattiċi ħżiena u bla sens li saru fil-passat taht amministrazzjonijiet preċedenti fejn per eżempju spiċċajna krejna tnax-il ajruplan meta fil-verita’ kull ma kellna bżonn kienu għaxra u b’hekk spiċċajna b’żewġ ajruplani żejda.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu għamilx xi analiżi tas-suq biex jkunu identifikati liema huma l-aktar niċeċ li fil-futur jistgħu jkunu idonei għal Għawdex fil-qasam turistiku? Jekk fl-affermattiv, jista' jelenka r-riżultat tal-analiżi?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Politika Nazzjonali għat-Turiżmu 2015-2020. Fis-sezzjoni dedikata speċifikament għal Għawdex bħala destinazzjoni distinta, hemm elenkati numru ta’ niċeċ li ġew identifikati bħala dawk li għandhom potenzjal għoli sabiex mhux biss iżidu l-volum turistiku f’Għawdex iżda jgħinuh ukoll sabiex ikompli jwessa’ l-istagun turistiku tiegħhu. Dawn in-niċeċ jikkonsistu f’turiżmu Kulturali u Rurali; turiżmu Attiv u Sportiv; Konferenzi u Nċentivi; Żwiġijiet u Honeymoons; turiżmu Reliġjuż.
Apparti minn hekk, bil-proġett li ħabbar dan il-Gvern għall-Isptar Ġenerali t’Għawdex, ser ikun hemm impenn ċar ħalli tiġi żviluppata niċċa oħra, jiġifieri, dik tat-turiżmu mediku, saħħa u benessere. Dan apparti t-titjib fit-turiżmu domestiku.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm swiet l-edizzjoni tal-Malta Fireworks Festival tal-2015?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-edizzjoni ta’ din is-sena 2015 tal-Malta International Fireworks Festival, sewa lill-Awtorità Maltija għat-Turżmu €258,000. Dan ifisser nefqa inqas ta’ madwar €30,000 mis-sena 2014. Minkejja dan it-tnaqqis fin-nefqa, din is-sena żdied l-ammont tal-logħob tan-nar fit-tliet lokalitajiet fejn ġie mtella l-Festival. Żdiedu wkoll l-attivitajiet ta’ divertiment qabel l-ispettaklu tan-nar. Tajjeb wieħed isemmi li din is-sena sar avvanz konsiderevoli fis-sistema tas-sound li ġiet użatha u li kompliet tgħolli l-livell tal-festival mal-parteċipanti barranin u lokali.
Dan il-festival sar appuntament imfittex fil-kalendarju tal-avvenimenti li jiġu organizzati kull sena f’pajjiżna u qiegħed kull ma’ jmur jikber bħala attrazzjoni turistika. Dan il-festival qiegħed jesponi l-kapaċitajiet u waħda mill-aktar tradizzjonijiet antiki ta’ pajjiżna, fejn jidħol logħob tan-nar. Operaturi turistiċi jippromowovu dan il-festival barra minn xtutna, bħala wieħed mill-akbar attrazzjonijiet fejn jista jitgawda waqt li turisti jkun qegħdin jżuru il-gżejjer Maltin. Ma nistax ma nsemmix ukoll l-ammont ta’ xogħol li jikkrea festival bħal dan fl-istabbilimenti tal-ikel u x-xorb fil-lokalitajiet fejn ikun qiegħed jiġi mtella.
Jista’ l-Ministru jelenka min huma l-kuntratturi li ġew imqabbda fil-Malta Fireworks Festival? Kemm sewa kull kuntrattur u x’kienu x-xogħlijiet? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn ix-xogħlijiet ingħatawx b’tender, quotation jew direct order?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kuntratturi li ħadmu fil-Malta International Fireworks Festival, li ntemm b’suċċess fit-2 ta’ Mejju 2015, huma elenkati fil-lista li ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Għal kull xogħol li ġie kkontrattwat, inġabbru tliet stimi, minbarra għal dik tal-ġarr ta’ materjal splussiv. Dan minħabba li dak it-tip ta’ servizz speċifiku, f’Malta tagħmlu biss kumpanija waħda, li f’dan il-każ hija Sullivan Maritime Ltd.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien iż-żmien medju li tieħu liċenzja mill-applikazzjoni sal-ħruġ attwali tal-liċenzja mill-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu, f’kull kategorija fl-2014 imqabbel mal-2013?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għandha diversi tipi ta’ liċenzji u kollha jirrikjedu numru ta’ dokumentazzjoni li trid tiġi ppreżentata qabel ma tinħareġ il-liċenzja. Din it-tip ta’ statistika ma tinżammx għax ħafna drabi tiddependi mis-sottomissjoni tad-dokumentazzjoni kollha mitluba u b’hekk iż-żmien minn meta tiġi sottomessa l-applikazzjoni sa meta tinħareġ il-liċenzja jvarja minn każ għal każ.
Madanakollu, naċċerta lill-Interpellant illi l-Awtorita’ telqet fuq triq li tnaqqas il-burokrazija. Eżempju konkret ta’ dan huwa l-koordinament li rnexxielha toħloq mal-MEPA fl-applikazzjonijiet dwar il-
Height Adjustment Policy
fejn s’issa daħlu erbatax-il applikazzjoni illi minnhom ġew approvati mill-bord tal-MEPA sitt permessi fuq medja ta’ tmintax-il ġimgħa. Erbgħa minn dawn il-permessi ġew approvati f’inqas minn għaxar ġimgħat.