Jista' l-Ministru jgħid min huma i-membri tal-Malta Enterprise Board? Hemm rappreżentanza tal-privat fuq dan il-bord? Min huwa ic-chairman?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-Malta Enterprise Board huwa kumitat "ad hoc" imwaqqaf bil-għan li jwassal għal ko-ordinazzjoni aħjar ta' l-operat tal-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi għal dak li għandu x'jaqsam mal-promozzjonijiet ta' l-attivita' industrijali f'Malta.
Dan il-Kumitat għandu bħala Chairman lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi. Il-Membri l-oħra tal-Kumitat huma s-Sinjuri Ivan Falzon (Chairman MIMCOL), Lawrence Zammit (Chairman MDC), Patrick Catania (Deputat Chairman MDC), Anthony Diacono (Chairman METCO), Lino Callus (Chairman IPSE), Paul Zahra (Direttur Ġenerali, Diviżjoni tal-Politika Ekonomika fil-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi), Saviour Falzon (Direttur, Direttorat għall-Unjoni Ewropea fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin), Ray Cachia Zammit (Assistent Personali tal-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi), u fil-kapaċita' tagħhom personali il-Professur Bernard Gauci, is-Sur Joseph V Tabone u s-Sur Joseph F.X. Zahra.
Jista' l-Ministru jara li titwaħħal bozza fit-tarf ta' Triq il-Burġlat fil-Gudja (fejn tiżbokka l-bypass tal-Gudja) peress li d-dlam ċappa li jkun hemm huwa sors ta' ansjeta u inkonvenjent enormi għar-residenti ta' din it-triq?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet simili oħra.
Jista' l-Ministru jara li l-bozza maqtugħa f'salib it-toroq bejn Triq il-Burġlat u Triq Santa Marija fil-Gudja tiġi mibdula mill-aktar fis?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni relattiva u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
Jaf il-Ministru li fl-area f'Tal Blat II Ħal Qormi fejn hemm għadd ta' familji jgħixu m'hemmx lanqas letterbox u telephone box? Jista' l-Ministru jirrimedja s-sitwazzjoni peress li biex dawn il-familji jimpustaw ittra jridu jmorru f'area imbegħda ħafna minħabba li maqtugħin kompletament miċ-ċentru tar-raħal?
Response (BONNICI, JOSEF)
Dwar il-kaxxa ta' l-ittri, jiena nfurmat li l-Maltapost lesta tikkunsidra rakkomandazzjoni mill-Kunsill Lokali biex xi waħda mis-16-il kaxxa ta' l-ittri li hemm f'Ħal Qormi tiġi rilokata b'mod li jiġi provdut servizz aħjar fl-inħawi msemmija.
It-talba rigward "telephone box" ġiet riferuta lill-Maltacom għall-konsiderazzjoni tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid ta' min hi r-responsabilita' sabiex jiddisponi mill-iskart li jitniżżel minn fuq l-ajruplani fl-ajruport internazzjonali ta' Malta? X'qiegħed isir bħalissa minn dan l-iskart?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-iskart minn fuq l-ajruplani jitniżżel mill-"ground handler". L-iskart jiġi separat u magħżul għal dak li huwa meqjus bħala "swill" li jinħaraq f'post apposta minn impjegati tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura. L-iskart l-ieħor jintrema l-Magħtab.
Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw għall-trainee pilots ma' l-Air Malta dan l-aħħar? Kemm minnhom weħlu fl-eye-hand co-ordination test u fil-personality assessment?
Jista' l-Ministru jgħid jekk residenti jistgħux joġġezzjonaw għal bini ta' substation ta' l-Enemalta li jkun se jinbena viċin tar-residenti? Jista' jgħid ukoll jekk teżistix xi forma ta' kumpens u danger money speċjalment għall-household l-iktar viċin ta' dan is-substation ?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li s-substations tal-Korporazzjoni Enemalta mhumiex meqjusa bħala perikolużi. Kieku kien hekk, l-Enemalta ma kinetx tibnihom. Għaldaqstant l-argument dwar kumpens minħabba periklu ma jreġix. Ma narax għaliex residenti jistgħu joġġezzjonaw għal bini ta' substation meta din tkun koperta bil-permessi meħtieġa maħruġa mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
Jista' l-Ministru jara li ssir spezzjoni fuq arloġġ tad-dawl tal-familja li l-partikolarijiet tagħha qed jintbagħtu separatament peress li qegħdin jilmentaw li hemm xi ħsara fl-arloġġ?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 23661 dwar il-ġibjun l-abjad f'Tal-Kotob, Żejtun li ilu madwar tlett xhur b'valve bil-ħsara bil-konsegwenza li l-bdiewa ma jistgħux jieħdu l-ilma u billi f'dik it-tweġiba ntqal li t-tiswija ta' dan il-valve trid issir mill-korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, possibbli l-Water Service Corporation tara li dan ix-xogħol issir għax din il-ħsara hi detrimentali għall-bdiewa?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li t-tiswija tal-valve tal-ġibjun imsemmi qed issir mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma. Ħu maħsub li x-xogħol jitlesta fil-jiem li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' impjegati totali maqsuma skond id-dipartimenti u aġenziji u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu għax-xahar ta' Settembru mill-1995 sal-lum?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara li tiġi rranġata bozza li ilha xi erbgħa xhur tnemnem li hemm f'Bellavista Str, San Ġwann fuq in-naħa ta' wara tad-djar li jestendu minn numri 21 għal 27, Triq iż-Żnuber, San Ġwann?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Peress li dan l-aħħar tħabbar li l-Air Malta sejra tonfoq madwar $ 400 miljun f'xiri ta' ajruplani, jista' l-Ministru jgħid jekk dan hux minnu jew le?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-AirMalta qiegħda tipprepara pjan biex il-flotta ta' ajruplani tiġi rinovata fil-"medium terms". Fil-fatt dan l-aħħar iċ-chairman ta' l-AirMalta ħabbar li dan jaf iwassal għal investiment ta' bejn $350 - $400 miljun.
Jista' l-Ministru jinfurma lill-Kamra għaliex inħass il-bżonn li l-pompa u l-ħanut jittieħdu lura mill-MIA u jinħarġu għal tender separatament mill-carpark?
Jista' l-Ministru jinformana jekk iż-żmien ta' sterling car park biex topera l-carpark biss mingħajr il-pompa u l-ħanut ġiex imġedded bla ma ssejħet sejħa għall-offerti? Meta għalaq iż-żmien li kien ingħata fl-1993? Jekk iġġedded għal kemm żmien iġġedded u b'liema kundizzjonijiet?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-M.I.A. iddeċiedet li tieħu lura l-pompa tal-petrol u l-ħanut u tinħareġ sejħa għall-offerti separatament mill-carkpark peress li fl-opinjoni tal-Kumpanija dan il-pjan kien jagħmel aktar sens kummerċjali u fil-fatt huwa previst li dan ikun ta' introjtu akbar għall-Kumpanija.
L-informazzjoni mitluba fit-tieni parti tal-mistoqsija hija ta' natura kummerċjali u għaldaqstant ma naħsibx li jkun fl-interess tal-Kumpanija li ssir pubblika.
Jista' l-Ministru jara li jsir id-dawl f'daħla fejn hemm numru ta' garages fit-triq Alfen De Medran u Triq il-Fieres, Tarxien, minħabba l-abbużi li qiegħed ikun hemm b'konsegwenza ta' d-dlam. Peress li fl-inħawi imsemmija diġa hemm arbli tad-dawl, jista' dan il-proċess jitħaffef u jitwaħħlu l-bozoz?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Rigward l-abbużi msemmija, nissuġġerixxi lill-Onorevoli Membru biex jinforma b'dan lill-awtoritajiet kompetenti.
B'riferenza għall-avviż legali nru. 58 tal-1999, Att ta' l-1991 dwar korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma, jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numra ta' persuni li ġew fornuti bis-servizz ta' l-ilma wara li avviż legali nru. 57 u 213 tal-1998, jiġifieri n-numru ta' persuni li meta ġew fornuti bis-servizz ta' l-ilma dan kien bla ħlas?
Kemm huwa l-ammont ta' flus globali mitlub issa lil dawn il-persuni wara dan l-avviż legali nru.58 tal-1999?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara li arblu tal-injam li għadu preżentement użat għad-dawl u ħwejjeġ oħra li jinsab ġewwa Triq San Leonardu Żabbar faċċata tal-club tal-boċċi jitneħħa billi huwa ta' periklu?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jistax l-Ministru jinvestiga problema ta' kurrent baxx ta' l-elettriku ġewwa Triq il-Magħsar, Żabbar billi numru ta' residenti għaddejjin minn ħafna diffikultajiet inklużi ħsarat f'makkinarju eletroniku. Jikkonsidrax li jiġi utilizzat aħjar is-sub-station li hemm ġewwa Triq il-Liftija, wkoll f'Ħaż-Żabbar?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.