Legislature:
Category:
Reset
Active:

Trobbija ta' annimali — każ ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li għandha problema minħabba l-bhejjem li trabbi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-persuna li d-dettalji dwarha ntbagħtu separatament, m’għanda l-ebda problema sabiex tkun tista' trabbi l-bhejjem jekk timxi mal-proċeduri stabbiliti. Sfortunatament, minħabba l-marda li tfaċċat f’Malta tal-Q-Fever, kien hemm waqfien fil-movimenti tal-annimali minn razzett għall-ieħor. Minħabba din ir-raġuni dan id-Direttorat, temporanjament, ma setgħax jagħtiha l-permess li xtaqet. Dan kollu kien spjegat lil din il-persuna msemmija.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — ħlas lil kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru għamilx xi tip ta’ ħlas lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li minn naħa tal-Ministeru ma sar l-ebda ħlas lill-kumpanija li d-dettalji dwarha ntbagħtu separatament.

Laqgħat pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema laqgħat pubbliċi ġew organizzati mill-Ministeru, fil-pubbliku, fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa u n-Naxxar? Min ħa sehem fihom, u kif saru l-istediniet għal dawn il-laqgħat? Jista' jagħti tagħrif dwar il-punti li ħarġu minn dawn il-laqgħat li saru fil-perijodu Jannar - Settembru 2013? Min kienu l-kelliema f'dawn il-laqgħat?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi mill-elezzjoni 'l hawn ma sarux lagħqat pubbliċi fl-inħawi msemmija.

Rziezet – tibdil fis-siti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk preżentement hemmx talbiet pendenti quddiem xi dipartiment li jaqa' taħtu għal dak li jikkonċerna bidliet fis-siti li minnhom joperaw id-diversi rziezet li għandna f'Malta u f'Għawdex? Jekk iva, kemm huma, x'jitrabba fihom, u fejn jinsabu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewlna, t-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

San Pawl il-Baħar – Il-Veċċja – permess lill-uffiċjali responsabbli mis-sajd

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'użu se jsir mill-ispazju li għalih ħareġ il-permess f'isem l-uffiċjali responsabbli mis-sajd, fl-inħawi tal-Veċċja San Pawl il-Baħar?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-imsemmi spazju se jintuża bħala landing facility sabiex b’hekk aħna nwettqu dak li ma rnexillux iwettaq il-Gvern ta’ qabel.

Dipartiment tal-Agrikoltura – permessi għal irziezet taż-żwiemel

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4258, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm talbiet għall-permessi għat-trobbija taż-żwiemel li ġew approvati mill-Ministeru jew xi dipartiment li jaqa' taħtu? Fejn huma dawn it-talbiet li ġew approvati, lokalità b’lokalità?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewlna, t-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Transport Malta – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament u li kienet impjegata bħala enforcement officer ma' Transport Malta matul ix-xahar li għadda ġie trasferit mad-Dipartiment tal-Għammieri? Jekk ir-risposta hija fl-affermattiv, xi grad ingħatat din il-persuna? X’inhu x-xogħol tagħha fl-Għammieri? Jista’ jgħid jekk din il-persuna għadhiex impjegata ma’ Transport Malta jew ġietx impjegata tal-gvern?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-persuna li d-dettalji tagħha ntbagħtu separatament ġiet seconded mad-Dipartiment tal-MSDEC Security Services bħala enforcement officer u ma saritx impjegata tal-Gvern. Din il-persuna qegħda tassisti lill-manager responsabbli mis-Sigurtà fil-qadi ta’ dmirijietu.

Dgħajjes reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm dgħajjes luzzijiet tas-sajjieda jew privati, li huma reġistrati fir-reġistru bħala MFA, MFB u MFC rispettivament? Minn liema lokalitajiet huma dawk li għandhom tali opri tal-baħar reġistrati fuq isimhom?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewlna, t-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba attenda għal-laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea mid-9 ta’ Marzu ’l hawn? Jekk kemm-il darba m’attendiex għal xi laqgħa/laqgħat, x’kienu r-raġunijiet? Attenda xi ħadd ieħor minfloku?

Response (BRINCAT, LEO)

Nikkonferma li kemm ili Ministru, jien attendejt mhux biss il-laqgħat formali imma anke l-laqgħat informali. F’kull laqgħa intervjenejt fuq il-biċċa l-kbira tas-suġġetti għad-diskussjoni, kif ġie rrapurtat fil-media.

Stqarrija dwar prodotti agrikoli

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3514, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’kien il-kontenut ta’ stqarrija pubblika dwar dan is-suġġett? Jista’ jagħti tagħrif dwar kif kienet segwita din l-istqarrija? X’kuntatt sar mill-Ministeru mal-organizzazzjoni, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ħarġet l-istqarrija oriġinali dwar l-istudju li sar?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi m’hemmx aktar x’inżid mal-istqarrija pubblika għaliex l-informazzjoni qiegħda kollha hemm. Rigward il-kumplament tal-mistoqsija u kif weġibt għall-mistoqsija nru. 3514, din ukoll għanda tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat.

Att dwar l-Ekokontribuzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3131 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Eknomoija, Investiment u l-Intrapriżi Żgħar u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x’kien l-impenn tal-Gvern l-ieħor dwar l-Att dwar l-Ekokontribuzzjoni?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi aktar mill-impenn ta’ ħaddieħor, id-dmir tiegħi hu li ngħid x’irriżulta. Fost kollox illi mid-diskussjonijiet li kelli ma’ diversi stakeholders ewlenin ħareġ ċar li l-Eco Contribution Act la ħadmet kif maħsub u lanqas ma tagħat l-ebda frott kemm lin-nies tan-negozju u wisq anqas lill-konsumatur. Għaldaqstant aħna impenjati li nħarsu lejn u nikkunsidraw l-għażliet kollha.

Tas-Silġ — Tiswija ta’ ġibjun

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3216 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu u jara li tittieħed azzjoni sabiex ħsara fil-ġibjun iż-żgħir li jinsab fil-viċinanzi ta' Tas-Silġ u li ilu jiġi rrappurtat aktar minn sitt ġimgħat, u dan b'detriment għall-bdiewa tal-inħawi jiġi msewwi mingħajr aktar dewmien? Jista’ jinvestiga x'inhi r-raġuni għal dan id-dewmien meta normalment ħsara simili kienet tissewwa f'qasir żmien?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li f’dawn il-ġranet inbdew it-tiswijiet fuq il-ġibjun ta’ Tas-Silġ u jekk ma jkunx hemm xi imprevist dawn għandhom jitlestew fil-futur qrib. Ninsab infurmat ukoll li r-raġuni ewlenija għaliex l-ġibjun ma ssewwiex mill-ewwel kienet motivata mill-ħsieb li ma jkunx għaqli li tbattal l-ilma kollu tal-ġibjun fis-sajf, meta l-bdiewa l-iktar li jkollhom bżonn l-ilma.

żwiemel tal-karozzini — Shelters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm twaħħlu shelters għaż-żwiemel tal-karozzini, fejn twaħħlu u x’kienet l-ispiża relatata ma dawn ix-shelters? Jista’ jgħid jekk hemmx pjanijiet għal aktar shelters fiż-żmien li ġej?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewlna, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba dwar shelters imwaħħla mill-elezzjoni ’l hawn. Ninsab infurmat ukoll li hemm il-ħsieb li fiż-żmien li ġej jitwaħħlu tmien shelters oħra.

Dgħajjes liċenzjati għas-sajd

Question

Jista’ l-Ministru jekk kemm hawn dgħajjes liċenzjati għas-sajd, kemm minnhom huma liċenzjati għas-sajd tat-tonn u kemm ġie esportat tonn din is-sena u fis-sena 2012?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li preżentament fir-Reġistru tal-Bastiment tas-Sajd hemm 1026 bastiment professjonali reġistrat għas-sajd kummerċjali. Fost dawn il-bastimenti hemm 63 li għandhom liċenzja għas-sajd tat-tonn. Ninsab infurmat ukoll li sal-20 ta' Ġunju ta’ din is-sena kienu esportati 62,053 kilogrammi ta' tonn filwaqt li għas-sena 2012 l-esportazzjoni kienet total ta’ 98,087 il-kilogramm.

Tal-Għallis – Impjant tat-Trattament għall-Iskart – Bord ta’ Evalwazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal il-Bord li twaqqaf biex jevalwa t-tender għall-Impjant tat-Trattament għall-Iskart fil-limiti tal-Għallis, liema impjant ġie approvat mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA)? Meta hu mistenni li dan il-bord ilesti l-evalwazzjoni tiegħu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-Bord tal-Evalwazzjoni li twaqqaf biex jevalwa t-tender għall-Impjant tat-Trattament għall-Iskart fil-limiti tal-Għallis, issottometta r-rapport tekniku tal-evalwazzjoni lid-Dipartiment tal-Kuntratti. Dawn min-naħa tagħhom qegħdin fill-proċess normali li jsaqsu għal ċerti kjarifiki mill-WasteServ. Sa kemm ma jkunx hemm dewmien f’dan il-proċess, jew konsegwenza ta’ xi appell, huwa mistenni li l-Bord tal-Evalwazzjoni jlesti xogħlu sal-aħħar t’Ottubru 2013.

WasteServ – ingaġġ ta’ ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna ġiet impjegata mal-WasteServ minn Mejju 2013 ’l hawn? F’kull każ x’inhi l-pożizzjoni li qed tokkupa? Jista’ jgħid ukoll meta saru s-sejħiet pubbliċi għal dawn il-karigi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi minn Mejju 2013 ’l hawn il-WasteServ impjegat 3 persuni ġodda. Il-pożizzjoni li qed jokkupaw u d-data meta saret s-sejħa pubblika huwa kif ġej: · R & D Executive – Is-sejħa pubblika saret fit-28 ta’ Novembru 2012 · Project Leader – Is-sejħa pubblika saret fl-24 ta’ Diċembru 2012 · Chief Executive Officer – ma kienx hemm sejħa pubblika minħabba li ġejna iffaċjati bir-riżenja taċ- Chief Executive Officer ta’ qabel Ta’ min jinnota li fil-preżent il-WasteServ għanda total ta’ 408 il-persuna li minnhom 298 huma impjegati tal-JF Services, li jinkludu 33 f’livell amministrativ, minkejja li kien intqal mill-Gvern preċedenti li nies tal-JF Services kellhom jingħataw biss xogħol verament sekondarju. Minn Jannar 2012 sad-9 ta’ Marzu 2013, ġew impjegati 30 persuna mill-WasteServ u 116 ġew impjegati mill-JF Services biex jaħdmu fil-WasteServ u dan minkejja rapport li kien ikkummissjona l-Gvern preċedenti li kien irrikmanda li l-għadd ta’ ħaddiema tal-WasteServ kellu jonqos u mhux jiżdied. Il-fatti juru li ġara bil-maqlub speċjalment meta bdiet toqrob l-aħħar elezzjoni ġenerali.

programm ta’ informazzjoni dwar in-nitrati — Kuntratt tal-koordinatur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid ġiex mitmum il-kuntratt tal-koordinatur tal-programm ta’ informazzjoni lill-bdiewa fuq it-tnaqqis ta’ nitrati? Jekk iva meta ġie mitmum u għaliex? Kemm fadal żmien biex jintemm dan il-programm?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-kuntratt tal-koordinatur tal-programm ta’ informazzjoni lill-bdiewa fuq it-tnaqqis ta’ nitrati skada fl-aħħar ta’ Awwissu 2013. Dan jikkonferma li ma ġiex mitmum. Il-programm huwa maħsub li jintemm fl-aħħar ta’ Diċembru 2013.

Wasteserv – avukati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx avukati impjegati b’kuntratt mal-Wasteserv? X’inhuma l-kundizzjonijiet ta’ dawn il-kuntratt, fosthom id-dħul minnhom?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li fil-preżent hemm. Persuna minnhom qegħda fuq kuntratt indefinit bħala part-timer u taħdem 25 siegħa fil-ġimgħa bir-rata ta’ 20 Ewro u 50 ċenteżmu fis-siegħa. Din il-persuna tgawdi wkoll minn 3,055 Ewro u 5 ċenteżmi fis-sena allowance għall-karozza, sa 93.75 litri fuel fix-xahar u 280 Ewro fis-sena għas-servizz ta’ mowbajl. Siegħa kuljum tista’ tinħadem mill-uffiċċju personali. Persuna oħra qegħda fuq kuntratt indefinit full-time, bix-xogħol imwettaq minn barra minn Malta, taqla’ somma annwali ta’ 29,615 Ewro u 64 ċenteżmu u tgawdi wkoll minn allowance ta’ 3,028 Ewro u 22 ċenteżmu fis-sena bħala senior manager, u 698 Ewro u 76 ċenteżmu fis-sena għas-servizz ta’ mowbajl. It-tielet persuna qegħda fuq kuntratt definit u taħdem 25 siegħa fil-ġimgħa full-time b’reduced hours bir-rata ta’ 16-il Ewro u 15-il ċenteżmu fis-siegħa.

Impjant ta' riċiklaġġ ta’ Sant Antnin – produzzjoni ta’ enerġija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-impjant ta' riċiklaġġ ta’ Sant Antnin huwiex qed jipproduċi xi forma ta’ enerġija?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi kif ġie ddikjarat pubblikament, l-impjant ta’ Sant Antnin naqas li jaħdem u jitħaddem kif suppost, anke f’qasam essenzjali bħal dak tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mill-iskart. Dan kif ikkonfermat mir-review team indipendenti meta qalu li l-impjant ta’ Sant Antnin bilkemm qed jiġġenera terz tal-enerġija li suppost qed jipproduċi, tant li skont l-istess rapport pubbliku tagħhom, dan in-nuqqas serju se jkollu riperkussjonijiet nazzjonali anke biex nilħqu l-miri ta’ enerġija nadifa.