ARMS u Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – direct orders
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ direct orders mogħtija u lil min mill-ARMS u mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma minn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13495, jista’ l-Ministru jagħti ċifri ta’ kemm ġiet installata kapaċità ta’ sistemi solari fuq bjut ta’ djar bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u t-8 ta’ Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jagħti ċifri ta’ kemm ġiet installata kapaċità ta’ sistemi solari fuq bjut ta’ djar bejn id-9 ta’ Marzu 2013 u l-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bejn l-2008 u t-8 ta’ Marzu 2013, il-kapaċita ta’ sistemi solari nstallati fuq bjut tad-djar kienet ta’ 10,263 KWp
Bejn id-9 ta’ Marzu 2013 sal-21 ta’ Jannar 2015, it-total ta’ kapaċita’ f’
kilowatt peak
kien jammonta għal 23,699 KWp.
Jiġifieri f’inqas minn sentejn, it-total ta’ kapaċita’ nstallata kienet ta’ 13,436 KWp aktar mit-total ta’ kapaċita’ nstallata f’iktar minn erba’ snin.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13496, jista’ l-Ministru jagħti ċifri ta’ kemm ġiet installata kapaċità ta’ sistemi solari fuq bjut ta’ negozji bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u t-8 ta’ Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jagħti ċifri ta’ kemm ġiet installata kapaċità ta’ sistemi solari fuq bjut ta’ djar bejn id-9 ta’ Marzu 2013 u l-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bejn l-2008 u t-8 ta’ Marzu 2013, il-kapaċita ta’ sistemi solari nstallati fuq bjut ta’ siti mhux residenzjali kienet ta’ 6,509 KWp
Bejn id-9 ta’ Marzu 2013 sal-21 ta’ Jannar 2015, it-total ta’ kapaċita’ f’
kilowatt peak
kien jammonta għal 10,133 KWp.
Jiġifieri f’inqas minn sentejn, it-total ta’ kapaċita’ nstallata kienet ta’ 3,624 KWp aktar mit-total ta’ kapaċita’ nstallata f’iktar minn erba’ snin.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13420, jista’ l-Ministru jgħid kemm ħallset l-Enemalta għall-individwu msemmi separatament sabiex attenda laqgħa mal-Ministru fil-Qatar fl-2013? Kemm swew il-vjaġġ u l-akkomodazzjoni?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Enemalta ħallset total ta’ €4,664.50.
Ħaddiema fil-Qasam tas-Saħħa –professional indemnity insurance
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi tkopri l-professional indemnity insurance ta’ dawk il-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa li huma koperti minn din il-professional indemnity insurance?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-professjonisti huma liberi li jagħżlu liema polza jridu bħala Professional Indemnity Insurance sakemm din tkun xierqa meta jitqiesu n-natura u l-grad tar-riskji involuti.
Ħaddiema fil-Qasam tas-Saħħa –professional indemnity insurance
Question
Jista’ l-Ministru jgħid mingħand min akkwista l-professional indemnity insurance għall-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, x’inhu l-perjodu li tkopri, kemm qed iħallas għaliha u jgħid ukoll xi proċess intuża biex intgħażlet il-kumpanija tal-assigurazzjoni?
Response (MIZZI, KONRAD)
Fil-qasam pubbliku l-imdemnity jipprovdiha il-Gvern. Fil-qasam privat, professjonisti huma liberi li jagħżlu il-polza li tgħodd għalihom.
Sptar Ġenerali t'Għawdex — customer care - ħaddiema
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex fit-taqsima tal-customer care tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex hemm erba' persuni? Jista' jgħid x'inhu x-xogħol tagħhom? Jista’ jgħid x'inhu l-grad ta’ kull wieħed minn dawn il-persuni u x’kien ix-xogħol tagħhom qabel marru jaħdmu fil-customer care?
Response (MIZZI, KONRAD)
Mhux infurmat li hemm erba' persuni jaħdmu fil-customer care fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Minħabba li l-mediċina Inderal (Proranol) tinbiegħ biss mill-Isptar Mater Dei, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-prezz ta’ din il-mediċina f’Ġunju 2013, Ġunju 2014 u llum?
Response (MIZZI, KONRAD)
Il-prezz tal-mediċina ivarja minn kunsenja għal oħra. F’Ġunju tal-2014 il-prezz kien ta’ €0.02 għal kull tablet u f’Jannar 2015 niżel għal 0.0146 għal kull tablet.
Sptar Ġenerali t’Għawdex – tiswijiet fl-arja kkondizzjonata
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li xogħol li sar reċentement fuq is-sistema tal-arja kkondizzjonata fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex kellux jerġa’ jinqala’ u jsir mill-ġdid? Jekk dan hu minnu, jista’ jgħid x’wassal għal dan, xi swiet din il-bidla u kif intgħażel il-kuntrattur li ngħata dan ix-xogħol?
Response (MIZZI, KONRAD)
M`huwiex minnu li sar xi xogħol riċentament fuq is-sistema tal-arja kkondizzonata fl-Isptar Ġenerali t`Għawdex li kellu jerġa jinqala u jsir mill-ġdid.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11307 li oriġinarjament saret fl-14 ta’ Ottubru 2014 u jgħid liema huma l-bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid għal kemm kienet tammonta l-ispiża tal-ħatriet fuq dawn il-bordijiet fis-sena 2012, u fis-sena 2013, u kemm hu stmat li tkun l-ispiża fis-sena kurrenti?
Sptar Ġenerali t’Għawdex – uffiċjali inkarigati min-nurses
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12301 li oriġinarjament saret fl-14 ta’ Novembru 2014 u jgħid jekk kienx hemm uffiċjal inkarigat min-nurses qabel ma ġie appuntat it-tim ta’ tmexxija maniġerjali fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex? Jista’ jgħid x’kien il-grad tiegħu?
Response (MIZZI, KONRAD)
L-uffiċjal inkarigat min-nurses fl-Isptar Generali t’Għawdex kien fi grad ta’ Manager Nursing Services.
Sptar Ġenerali t’Għawdex – involviment fuq proġett
Question
Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji dwar l-involviment fuq proġett ġewwa l-Isptar Ġenerali t’Għawdex jew fuq proġetti oħra dwar is-saħħa f’Għawdex, tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament bħala advisor tal-Ministru?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika jekk hux qed jirreferi għal persuna jew għal xi kumpanija.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12959 u jagħti informazzjoni dwar il-ħlasijiet kollha li saru minn April 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, fuq bażi individwali u/jew fuq il-kumpanija/i li fiha hu involut?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazjoni qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12954 jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li ngħata lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fuq bażi individwali u/jew fuq il-kumpanija/i fejn hu involut?
Response (MIZZI, KONRAD)
Il-mistoqsija tirreferi għal żewġ persuni differenti. Nitlob l-Onor. Interpellant tikjarifika għal liema persuna qed tirreferi.
Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa – Director General Finance and Administration
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12953 u jagħti d-dettalji tal-pakkett finanzjarju u tal-perkaċċi kollha li qed jingħataw lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament bħala Director General Finance and Administration of Health fil-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar.