Università ta' Malta — Diploma in Nursing - flus fl-ismart card
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux l-istudenti kollha tad-Diploma in Nursing fl-Università ta' Malta ħadu l-flus tal-ismart card? Kemm huwa l-ammont dovut lilhom? Jekk mhux il-każ, jista' jindaga u jara li l-istudenti kollha jieħdu dawn il-flus mingħajr aktar dewmien?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li s-sistema tal-ismart card ġiet fi tmiemha fit-8 ta’ Awwissu, 2014. Il-bilanċi mhux użati sa din id-data ġew iddepożitati fil-kontijiet bankarji tal-istudenti kkonċernati fl-ewwel ta’ Ottubru 2014 mill-iStudents Maintenance Grants Board.
Il-grants applikabbli għal din is-sena akkademika (l-għotja li qed tieħu post is-sistema tal-ismart cards) qegħdin jiġu ddepożitati fil-kontijiet bankarji tal-istudenti kkonċernati wara li huma jkunu għamlu l-proċess tal-enrolment li normalment isir matul Ottubru/Novembru. L-istudenti universitarji li għamlu l-enrolment qed ikollhom l-applikazzjoni tagħhom proċessata fi żmien ġimgħa, massimu għaxart ijiem, mid-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni tagħhom.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – mobile phones mħallsa mill-Gvern
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fis-Segretarjat, inkluż il-Ministru, li għandhom mobile telephone imħallas mill-Gvern? Jista’ jgħid kemm kienet in-nefqa globali minn April 2013 s’issa?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm tmien persuni fis-Segretarjat Privat tal-Ministru li għandhom mobile phone mħallas mill-Gvern. In-nefqa globali minn April 2013 sa Settembru 2014 kienet ta’ €13,522.26.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — xiri ta' biljetti tal-ajru
Question
Jista’ l-Ministru jgħid, b’mod separat, liema kienu l-aġenziji tal-ivvjaġġar li mingħadhom inxtraw il-biljetti tal-ajru tal-Ministeru, id-Dipartimenti, l-entitajiet, l-aġenziji, il-koporazzjonijiet, l-awtoritajiet, il-kummissjonijiet, il-kumpaniji, u l-fondazzjonijiet li jaqgħu taħtu u kemm kien il-ħlas f’kull każ? Jista’ jagħti din l-informazzjoni għas-snin bejn l-2004 u l-2012, sena b’sena b’mod separat? Jista’ jgħid kemm tħallset kull aġenzija b’mod totali fis-snin indikati? Jista’ jgħid f’kull każ jekk il-ħlas sarx b’direct order jew le?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli bit-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant, kif ġej:-
Tabella 'A' - Ministeru/Direttorati/Dipartimenti tal-Edukazzjoni
Tabella 'B' - Universita' ta' Malta (informazzjoni mill-2009)
Tabella 'C' - Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija
Tabella 'D' - Kunsill Malti għall-Isport
Tabella 'E' - Malta Libraries
Tabella 'F' - Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ
Tabella 'G' - Arkivji Nazzjonali
Tabella 'H' - MCAST
Tabella 'I' - Kummissjoni Nazzjonali għal Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla
Tabella 'J' - Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi
Tabella 'K' - Malta Racing Club
Tabella 'L' - Aġenzija Programmi tal-Unjoni Ewropea (informazzjoni mill-2008)
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – kuntratti ta’ konsulenza
Question
B’referenza għat-tweġieba tal-mistoqsija parlamentari 11564, jista’ l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba u li tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2013 sat-30 ta’ Settembru 2014?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li mill-entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħi, l-ETC, fil-perjodu indikat fil-mistoqsija, tat tliet kuntratti ta' konsulenza dwar: proġetti tal-Unjoni Ewropea, Strategy Assessment tal-operat ta' taħriġ fl-ETC, u koordinatur tat-taħriġ fl-ITS. Fl-istess żmien l-ETC ingħatat konsulenza rigward il-Workshop tal-iMtarfa, Risk Assessment tal-Welding Workshop f'Ħal Far, konsulenza fuq Software, u konsulenza varja.
Il-Fondazzjoni għall-iSkejjel ta' Għada, għalkemm ma kellhiex kuntratti ta' konsulenza, ħatret Legal Advisor fil-perjodu msemmi. Fl-istess perjodu l-MCAST tat żewġ estensjonijiet ta' kuntratti eżistenti.
It-tweġiba mill-entitajiet l-oħrajn fi ħdan id-dekasteru tiegħi kienet 'xejn'.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk fil-limiti ta' San Pawl il-Baħar/Buġibba hux se jinbena l-kumpless sportiv li kien ippjanat mill-amministrazzjoni preċedenti ? Jekk iva, jista’ jindika meta mistenni jibda u jitlesta x-xogħol fuq l-imsemmi proġett?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Gvern m'għandux fil-pjani tiegħu il-bini tal-kumpless sportiv imsemmi minnu.
Jista’ l-Ministru jagħti paragun ta’ kemm kien id-dħul totali tal-Gvern u l-Università mill-miżati tal-MATSEC f’sena sħiħ u kemm se jkun l-istess dħul f’perjodu ta’ sena issa li għolew il-miżati?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li d-dħul mill-eżamijiet tal-Matsec li saru fl-2014, eskluż l-applikazzjonijiet ta’ Settembru, kien ta’ €963,086.49. Wieħed irid jistenna sal-aħħar ta’ Jannar 2015 biex ikun jista’ jgħid kemm ser ikun id-dħul li jkopri wkoll l-applikazzjonijiet li jidħlu tard. Id-dħul mill-eżamijiet tal-Matsec għall-2015 għadu mhux magħruf.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ngħataw transfer fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Isport bejn l-1 ta' April 2013 u l-10 ta' Novembru 2014?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li b’kollox, fil-perjodu indikat mill-Onor. Interpellant, kien hemm 16-il trasferiment fil-Kunsill Malti għall-Isport. Minnhom tmienja talbu huma stess li jiġu trasferiti filwaqt li sebgħa oħra kellhom id-detailing revokat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu impjegati ġodda jaħdmu fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Isport bejn l-1 ta' April 2013 u l-10 ta' Novembru 2014?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li, fil-perjodu indikat mill-Onor. Interpellant, kienu sebgħa l-persuni li daħlu jaħdmu mal-Kunsill Malti għall-Isport. Minn dawn is-seba` persuni, ħamsa ġew minn entitajiet governattivi oħrajn filwaqt li persuna oħra ġiet ingaġġata wara sejħa għal post vakanti maħruġa taħt l-amministrazzjoni preċedenti.
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 12014 u 12015, jista’ l-Ministru jgħid ġaladarba l-istudenti li bħalissa jattendu l-iskola sekondarja tan-Naxxar (Kulleġġ San Nikola) fis-sena skolastika 2015/2016 se jibqgħu jattendu l-istess skola, x’se jiġri minnhom meta fl-2016/2017 tkun inbniet l-iskola sekondarja l-ġdida tal-kulleġġ fis-Swatar (Ħad-Dingli)? Jista’ jwiegħed li dawn l-istudenti, flimkien mal-għalliema kollha tagħhom preżenti, jiċċaqalqu fl-iskola l-ġdida biex b’hekk jingħaqdu ma’ sħabhom li se jkunu form 3?
Response (BARTOLO, EVARIST)
L-istudenti li bħalissa jattendu l-iskola Sekondarja tan-Naxxar, u li fis-sena skolastika 2016/2017 ser ikunu Form 4 u Form 5 rispettivament, dawn ser jibqgħu jattendu l-istess skola. S’issa mxejna bil-linja li studenti li bdew l-edukazzjoni tagħhom fi skola jtemmuha hemmhekk biex nevitaw tħarbit tal-edukazzjoni tagħhom.
Fil-bini ġdid se jkunu qed jattendu Form III bniet u subien.
Dipartiment tal-Edukazzjoni – spezzjonijiet fit-tuck shops tal-iskejjel
Question
B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 12011 u 12012, jista’ l-Ministru jispjega kif qed jiġi osservat li ma jkunx hemm ksur fil-kuntratt tat-tuck shops f’dak li għandu x’jaqsam bejgħ ta’ prodotti tal-ikel stanti li skont it-tweġieba tal-mistoqisja parlamentari 12012 uffiċjal mid-Direttorat għall-Edukazzjoni mhumiex jagħmlu spezzjonijiet u min-naħa l-oħra sa fejn naf jien mhuwiex ix-xogħol ta’ spettur sanitarju li jiċċekkja jekk hux qed jinkiser il-kuntratt jew le?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-tuck shop tender toħroġ mingħand il-Prinċipal tal-Kulleġġ flimkien mal-Kap tal-Iskola. Minn żmien għal ieħor il-Kap tal-Iskola jew l-Assistent Kap jagħmlu spezzjonijiet għal għarrieda fit-tuck shop sabiex jassiguraw li min ħa l-kuntratt tat-tuck shop ikun qed iżomm mal-obbligi stipulati tal-kuntratt. Sabiex jiġi assigurat aktar li l-ikel u x-xorb li hemm fit-tuck shop ikunu skont ir-regolamenti, l-Ispetturi tas-Saħħa, waqt li jispezzjonaw it-tuck shop fuq aspetti ta’ saħħa meta jkunu fuq il-qadi ta’ dmirijiethom, qegħdin ukoll jieħdu nota ta’ x’qed jinbiegħ.
Għawdex — gradwazzjoni ta’ studenti mill-Università
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru totali ta’ studenti residenti f’Għawdex li se jiggradwaw mill-Università ta’ Malta matul Ottubru, Novembru u Diċembru 2014? Kemm hu l-persentaġġ ta’ dawn l-istudenti Għawdxin mit-total ta’ gradwati ta’ din is-sena? Jista’ jgħid f’liema oqsma se jiggradwaw u mil-liema lokalitajiet f’Għawdex ġejjin dawn l-istudenti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bin-numri ta’ studenti Għawdxin li ser jiggradwaw matul Novembru/Diċembru 2014 maqsuma fuq il-lokalitajiet ta’ residenza kif ukoll fuq il-korsijiet rispettivi li temmew.
In-numru ta’ gradwati Għawdxin jirrappreżentaw 8.4% mit-total ta’ gradwati għal din is-sena.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 12076, jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' kif intefqu l-€185,000 li qed jingħad li intefqu għal qasam sportiv f'Għawdex?
Response (BARTOLO, EVARIST)
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 12076, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li s-somma li ntefqet għall-qasam sportiv f'Għawdex matul is-sena 2014 kellha taqra €189,648.93 u mhux kif deher bi żvista fit-tweġiba mogħtija.
Dawn il-flus intefqu kif ġej:
Eur 140,000.00 - faċilitajiet sportivi f’Għawdex
Eur 24,817.00 - salarju għal Koordinatur tal-KMS f’Għawdex
Eur 10,366.83 - skemi sportivi tal-Kunsilli Lokali f’Għawdex
Eur 2,000 - Sports Day f’Għawdex
Eur 8,000 - għajnuna għal Skola Sport f’Għawdex
Eur 4,465.10 - assistenza lill-għaqdiet sportivi f’Għawdex
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati nies ġodda full-time u part-time separatament mid-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi għal kull sena mill-2008 sal-2013 u fl-2014 sal-aħħar ta’ Ottubru? Jista’ jipprovdi informazzjoni dwar kemm kien hemm impjegati b’kollox full-time u part-time separatament, mad-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi għal kull sena mill-2008 sal-2013 u fl-2014 sal-aħħar ta’ Ottubru?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella dwar kemm ġew impjegati ħaddiema fid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi bejn l-2008 u l-aħħar ta’ Ottubru 2014.
It-tagħrif l-ieħor mitlub mill-Onor. Interpellant fit-tieni parti tal-mistoqsija ikun jista' jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif tingħatali din l-informazzjoni.
Direttorat għas-Servizzi Edukattivi – impjegati ġodda
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati nies ġodda full-time u part-time separatament skont il-kategoriji differenti (għalliema, LSAs, EOs eċċ.) mid-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi għall-2013 u fl-2014 sal-aħħar ta’ Ottubru?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fis-sena 2013 ġew impjegati fid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi ħames mija u sitt (506) impjeġat ġdid full-time u erbgħa u tletin (34) impjegat part-time, waqt li fl-2014 (sal-aħħar ta’ Ottubru) ġew impjegati fid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi erba’ mija u tlieta u erbgħin (443) impjegat ġdid full-time u tletin (30) impjegat part-time.Minn dawn il-figuri, 414 kienu impjegati fil-kategorija ta' Supply Learning Support Assistant.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella dwar il-kategoriji differenti ta’ impjegati.
Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa mistenni li jitħallsu dawk il-persuni li servew ta’ invigilators fl-eżamijiet tal-MATSEC ‘O’ Levels f’Mejju 2014?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-ħlasijiet tal-invigilators ta’ Mejju li jitħallsu mis-sistema komputerizzata saru fil-ġimgħat li għaddew. Bħalissa qed isiru l-ħlasijiet tal-emendi li ser jitlestew din il-gimgħa.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasslu d-diskussjonijiet tal-Ministeru tal-Edukazzjoni biex jintbagħat għalliem tal-Malti f'Melbourne?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għal Kwalita’ u Standards fl-Edukazzjoni ma rċieva l-ebda talba formali biex jintbagħat għalliem tal-Malti f'Melbourne.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 11634, jista’ l-Ministru jagħti breakdown tal-ispejjeż involuti fix-xogħol ta’ tisbiħ u mmodernizzar li saru fl-Iskola Sir Mikielang Refalo Upper Lyceum, ir-Rabat Għawdex, u fl-iskejjel l-oħra kollha tal-Kulleġġ ta’ Għawdex skont l-ordni tax-xogħol li sar kif indikat fil-lista B annessa mat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari msemmija?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista bit-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Peress li fir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada, f’paragrafu 2.1.54, jintqal li x-xogħlijiet tlestew fl-24 ta’ Settembru 2013, jista’ l-Ministru jikkonferma dan?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ingħatajt konferma li x-xogħol tlesta fl-24 ta' Settembru 2013 u l-kont finali nħareġ fit-23 ta' Ottubru 2013. Nirreferi wkoll lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 12180 dwar il-finishing.