Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sajjieda — Reġistrazzjonijiet/liċenzji

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' sajjieda full-time li se jkollhom iħallsu bil-għoli l-liċenzja u r-reġistrazzjoni mis-sena d-dieħla?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari Numru 9443

Stati Uniti ta' l-Amerika — Kaċċa

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 8698 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' biex jikkunsidra li kaċċa li tkun saret legalment fl-Istati Uniti ta' l-Amerka minn Maltin titħalla li tiddaħħal f'Malta, bħalma jiġri meta ssir l-istess tip ta' kaċċa fl-Eġittu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-importazzjoni ta’ annimali bbalzmati huwa regolat minn żewġ Avviżi Legali: l-Avviż Legali 146 ta’ l-1993 kif amendat, li jirregola l-importazzjoni ta’ l-għasafar; u l-Avviż Legali 236 ta’ l-2004 li jirregola l-importazzjoni ta’ flora u ta’ fawna. Dawn ir-regolamenti, b’mod ġenerali, jistabbilixxu li meta eżemplari ta’ fawna jkun ġie kkaċċjat b’mod leġittimu fil-pajjiż ta’ l-oriġini tiegħu, u jkollu d-dokumentazzjoni meħtieġa maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti, dan l-eżemplari jkun jista’ jiġi importat b’mod leġittimu f’pajjiżna.

Maltin ta' l-Istati Uniti — Kaċċa/Insib

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 8700 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jikkunsidra li ssir proċedura speċjali għal dawk il-Maltin li jgħixu barra, u partikolarment dawk fl-Istati Uniti, li fuq talba tagħhom jingħataw liċenzja temporanja għall-kaċċa u nsib meta jiġu Malta fuq prova li huma diġa' huma kaċċaturi jew nassaba fil-pajjiż tar-residenza tagħhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Skond Avviż Legali 146 ta’ l-1993, kif amendat, il-liċenzi għall-kaċċa u l-insib għadhom jinħarġu mill-Kummissarju tal-Pulizija. Is-suġġeriment ta’ l-Onorevoli Interpellant qiegħed jitressaq lill-kumitat Ornis għall-kunsiderazzjoni u l-parir tiegħu.

Annimali bbalzmati

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 8701 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jikkunsidra li f'Malta jitħallew jidħlu annimali bbalzmati maqbuda fil-pajjiż ta' l-oriġinu skond il-liġijiet ta' dak il-pajjiż minn Maltin li jkunu residenti barra u li jkunu qed idaħħlu l-annimali huma stess f'Malta jew jimportawhom f'container f'isimhom stess?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lilll-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari Numru 9557.

Marsa — Tqaċċit ta' siġar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il siġra ġiet rappurtata li tqaċċtet biex saru x-xogħlijiet fil-wied tal-Marsa? X'tip ta' siġar tqaċċtu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Dairy Products — Sussidji

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 8978, jikkonferma l-Ministru li l-prodott li qed nirriferi għalih bħala ġobon cheddar għola għall-konsumatur 50c fil-kilo? Jekk le, kemm għola jew kemm roħos?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Ċanga tal-Friża — Sussidji

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 8980 dwar ċanga tal-friża, jikkonferma l-Ministru li l-fillet, cube roll, sirloin, eċċ. għolew bejn 50c u 60c fil-kilo għall-konsumatur? Jekk le, kemm għolew jew kemm roħsu għall-konsumatur?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li l-Ministeru nieda skema ta’ Temporary State Aid għaċ-ċanga ta’ barra, kien hemm min, għal xi raġuni jew oħra, ma applikax. Ma’ dan wieħed irid isemmi ċirkostanzi u żviluppi fis-suq li l-Ministeru m’għandux kontroll fuqhom, u li jistgħu jwasslu għal tibdil fil-prezzijiet.

Zokkor — Sussidju

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 8981, jikkonferma l-Ministru li z-zokkor għola b'5c/6c fil-kilo għall-konsumatur? Jekk le, kemm għola jew kemm roħos?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Prodotti magħmula mill-ħalib frisk

Question

Jista' il-Ministru jinformani kemm hi d-differenza bejn il-prezz intern u estern ta' l-Unjoni Ewropea tal-prodotti magħmula mill-ħalib frisk bħal cheddar, ġobon, butir, eċċ? Min qed jassorbi din id-differenza fl-għoli tal-prezzijiet ta' dawn il-prodotti? Kemm qed tiswa f'ċifra ta' flus globali lil pajjiżna d-differenza in kwestjoni? Jikkonferma l-Ministru li kawża ta' din id-differenza ċ-cheddar għola b'50c fil-kilo għall-konsumaturi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-Onor. Interpellant jista’ jikseb l-informazzjoni dwar it-tariffa li timponi l-Unjoni Ewropea fuq prodotti ta’ pajjiżi terzi peress li dawn ġeneralment jirrappreżentaw id-differenza fi prezzijiet bejn dawk ta’ l-Unjoni Ewropea u dawk dinjija. Għall-prodotti tal-ħalib impurtati minn pajjiżi terzi, l-Gvern alloka 960,000 Euros fis-sena 2004 biex tagħmel tajjeb għal xi differenza fi prezzijiet bejn dawk ta’ l-Unjoni Ewropea u dawk dinjija. Fuq il-prezz taċ-cheddar, dan ivarja minħabba żviluppi fis-suq u mhux biss minħabba xi tariffi li timponi l-Unjoni Ewropea.

Qmuħ u ċereali

Question

Jista' il-Ministru jinformani kemm hi d-differenza bejn il-prezz intern u estern ta' l-Unjoni Ewropea għall-qmuħ u ċereali? Min qed jassorbi/iħallas din id-differenza fl-għoli tal-prezzijiet ta' dawn il-prodotti? Kemm qed tiswa f'ċifra ta' flus globali lil pajjiżna d-differenza in kwestjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Fil-każ tax-xgħir u qamħirrum, kif ukoll fil-każ tal-qamħ, il-prezzijiet, kemm dawk internazzjonali kif ukoll dawk fl-Unjoni Ewropea, ivarjaw skond żviluppi fis-suq u ċirkostanzi fil-produzzjoni. Is-sussidji fuq ix-xgħir u l-qamħirrum għas-sena 2004 ġew ikkalkulati abbażi taċ-ċirkostanzi prevalenti fl-ewwel nofs tas-sena 2004.

Frott/ħaxix frisk — Importazzjoni mill-UE

Question

Jista' il-Ministru jinformani x'inhi l-policy tal-gvern għall-pitkala li jridu jdaħħlu l-frott u l-ħaxix frisk fil-pitkalija tagħhom importat mill-pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea? Jista' jinformani liema huma r-regoli ta' l-Unjoni Ewropea u dawk lokali li jawtorizzaw u/jew jimblokkaw lill-pitkala milli jwettqu din il-forma ta' negozju?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-policy tal-Gvern hi li ma tippermettix li l-pitkala ibiegħu frott u ħaxix frisk "importat" mill-pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea. Nirreferi l-Onor. Interpellant għall-liġi sussidjarja 117/04 subartiklu 4 speċifikament għad-definizzjoni ta' "prodott agrikolu".

Producers organisation

Question

Jista' il-Ministru jinformani x'inhi l-policy tal-gvern għall-producers organisation f'każ li dawn ikollhom in-neċessita' li jimportaw u jdaħħlu fil-pitkalija ċentrali frott u ħaxix frisk importat mill-pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea? Jista' jinformani liema huma r-regoli ta' l-Unjoni Ewropea u dawk lokali li jawtorizzaw jew jimblokkaw dan il-forma ta' negozju?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-policy tal-Gvern hi li fil-Pitkalija jsir bejgħ ta' prodotti agrikoli lokali biss. Peress li l-pitkalija hija entita’ pubblika, l-gvern jista’ jirregola u jaddatta policy kif jopera l-pitkalija u m'hemm l-ebda regolament tal-Unjoni Ewropea kontra din il-policy.

MEPA — Xogħlijiet fil-wied tal-Marsa

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-MEPA awtorizzat li x-xogħlijiet fil-Wied tal-Marsa isiru bil-konkos meta s-sistema tal-gabioni fix-xogħol tal-widien ma teqridx il-karatteristika tal-ħitan tas-sejjieħ, kif ukoll huma ta' anqas impatt fuq is-sistema idroloġika, ekoloġika, ġeoloġika u ambjentali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-proposta li għaliha qed jagħmel referenza l-Onorevoli Interpellant kienet tinvolvi xogħolijiet biex itejbu s-sistema ta' immaniġġjar ta' l-għargħar. It-teknoloġija u l-materjali proposti huma simili għal dawk li kienu jeżistu qabel. M'hemm l-ebda indikazzjoni li ħa jiġu affetwati xi ħitan tas-sejjieħ.

Ħal Far — Wied Znuber

Question

Jista' il-Ministru jara li Wied Znuber f'Ħal Far (rikonoxxut bħala area ta' konservazzjoni u ta' importanza ekoloġika internazzjonali) isir dak ix-xogħol rikjest skond is-sengħa u l-arti sabiex dan il-wied jiġi mħares iktar u jitnaddaf peress li sal-lum id-drenaġġ mill-Industrial Estate ta' Ħal Far għadu jintefa' ġo fih?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Awtorita’ ta’ Malta Dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) hi konxja tal-valur ekoloġiku ta' Wied Żnuber, u nfurmat lil Malta Industrial Parks, u l-Unit, fi ħdan il-Water Services Coroporation, responsabbli mid-drenaġġ b' din il-problema, u issa qed tistenna li x-xogħlijiet neċessarji jsiru f' qasir żmien.

Laħam — Importazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jinformani x'impatt fuq il-kompetittivita' ta' pajjiżna se jkollhom is-sena d-dieħla l-prezzijiet il-ġodda tal-beef cuts bħal fillet steaks, sirloin, cube roll, etc importati mill-Unjoni Ewropea abbażi tal-prezz intern ta' l-Unjoni Ewropea u mhux dak estern li pajjiżna kien jimporta bih sa l-1 ta' Mejju li għadda?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Hu diffiċli li wieħed jipprevedi l-prezzijiet tal-beef cuts għas-sena d-dieħla minn issa minħabba ċirkostanzi li jistgħu jinbidlu kif ukoll minħabba tibdil fit-tariffa ta’ l-Unjoni Ewropea fuq ċanga mportata minn pajjiżi terzi. Għall-ewwel sitt xhur tas-sena d-dieħla u skond it-Trattat ta’ Sħubija ser jiġu allokati 399,900 Euros bħala sussidju fuq ċanga impurtata.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Pagamenti

Question

Jista' il-Ministru jagħtini breakdown ta' kemm hi ċ-ċifra ta' flus globali f'pagamenti li l-Ministeru u d-dekasteri li jaqgħu taħtu għandhom iħallsu fil-preżent? Kemm hi l-parti li trid titħallas mill-voti ta' l-estimi tas-sena d-dieħla minħabba li vot allokat għal din is-sena diġa' spiċċa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-ħlas ta’ pagamenti huwa proċess kontinwu fejn it-Teżor jipproċessa pagamenti mgħoddija lilu mid-diversi Ministeri u Dipartimenti u għaldaqstant biex wieħed ikollu stampa korretta ta’ l-ammonti pendenti irid isir il-proċess ta’ l-estimi supplimentari ta’ kull Ministeru u Dipartiment f’nofs Diċembru. Wara li tagħlaq is-sena ikun magħruf jekk u kemm kontijiet ma tħallsux sa l-aħħar ta’ Diċembru u li għaldaqstant ikunu ser jitħallsu fis-sena il-ġdida. Il-politika tal-Gvern hi li ma jiġux eċċeduti il-fondi provduti fl-estimi u qed isir kull sforz ma’ kull Dipartiment biex ma jitħallewx pagamenti pendenti ta’ xogħol magħmul jew servizzi mogħtija. Ninsab infurmat li ċ-ċifra ta' flus li l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) kellha tagħti lill-fornituri ta' prodotti u/jew servizzi sal-31 ta' Ottubru 2004 tammonta għal Lm148,288. Hija l-policy ta' l-organizzazzjoni li tħallas għal prodotti u/jew servizzi mixtrija fix-xahar ta' wara dak li fih tkun saret ix-xirja. Fil-każ ta' l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, is-sena finanzjarja ġdida bdiet fl-1 ta' Ottubru 2004. Fil-preżent l-ammont dovut mill-kumpanija Wasteserv Malta Ltd huwa ta’ Lm603,625.24. Huwa mistenni li minn dan l-ammont, Lm571,927.41 irid jitħallas is-sena d-dieħla.

Furjana — Permessi tal-MEPA

Question

Jista' l-Ministru jagħti tweġiba jekk l-organizzazzjoni fil-Furjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament għandhiex il-permessi meħtieġa tal-MEPA biex tiffunzjona kif diġa' qed tagħmel, għaliex qiegħda ddejjaq lilll-inkwilini u anke twaħħlu wkoll xi tabelli mingħajr permessi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li dwar il-post indikat diġa saru diversi spezzjonijiet u qatt ma rriżulta li kienu qiegħdin isiru xi funzjonijiet, jew laqgħat. Is-sit in kwistjoni qiegħed jiġi spezzjonat minn mument għall-ieħor, u jekk jirriżulta li sar xi bdil fl-użu tiegħu, jittieħdu dawk il-passi kollha neċessarji skond il-Liġi. Rigward it-tabelli, dan ma jirriżultax żvilupp, peress li l-kobor tagħhom huwa żgħir, u għaldaqstat ma jirrikjedux permess.

Baqar

Question

Jista' il-Ministru jispjega xi sforzi qed isiru sabiex il-purita ġenetika tal-baqra Maltija tiġi mħarsa stante li ma baqax barri Malti wieħed li huwa kważi 100% pur, sabiex inkunu qed inħarsu l-wirt Malti? Huwa possibbli li tintalab l-għajnuna ta' l-Unjoni Ewropea għal dan il-għan? Jikkonsidra l-Ministru li tiġi ntrodotta leġislazzjoni sabiex l-annimali indiġeni (fosthom anke mogħoż) jiġu mħarsa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Fondazzjoni għar-Riċerka ta' l-Obstetrizia u l-Ġinekoloġija qed tagħmel sforzi biex titħares il-purita' ġenetika tal-baqra Maltija. Il-Fondazzjoni tista' tingħata għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea permezz tal-provvedimenti fil-Pjan għall-Iżvilupp Rurali u l-miżuri li jkopru l-ispeċi awtoktoni. Għalkemm il-Pjan għall-Iżvilupp Rurali għandu fih dawn il-miżuri, m'huwiex eskluż li jista' jkun hemm leġislazzjoni fil-futur għal dan il-għan.

Baqar u mogħoż

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' baqar u mogħoż f'Malta li huma kkonsidrati 100% puri u ġenetikament Maltin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li mill-informazzjoni li għandna jidher li teżisti baqra Maltija waħda biss li hija 100% ġenetikament pura. Rigward il-ġenetika tal-mogħża maltija, ma teżistix informazzjoni dettaljata, iżda hemm ammont żgħir ta' mogħoż Maltin puri f'xi rziezet.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Safar

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 8653, jista' il-Ministru jinformani kemm hi l-parti li tħallset mill-Unjoni Ewropea?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u għalhekk tweġiba tingħata f'Seduta oħra.