Aġġustamenti fil-pensjonijiet — Ex ħaddiema tal-Continential Cars
Question
Jista' il-Ministru jgħidu fiex waslu l-aġġustamenti fil-pensjonijiet ta' l-ex ħaddiema tal-Continental Cars Co?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali għaddej bi proċess ta’ reviżjoni ta’ pensjonijiet li jirriżultaw minn xi Ftehim Kollettiv ta’ l-organiżżazzjoni li kienu mpjegati magħha l-pensjonanti. Dan il-proċess jinkludi l-kumpannija li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant.
Fin-negozjati ma' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea, jista' il-Ministru jgħid jekk issemiex jew ġie diskuss xi darba n-nuqqas ta' liġi dwar id-divorzju jew il-ko-abitazzjoni? Il-gvern qatt irċieva korrispondenza fuq dawn l-oqsma? Jekk iva, jista' ipoġġi kopja ta' din il-korrispondenza fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għal dak li jirrigwarda lill-Ministeru għall-Politika Soċjali t-Tweġiba għall-ewwel parti tal-Mistoqsija hi fin-negattiv.
Dwar il-korrispondenza, dan il-Ministeru jirċievi volum qawwi ta’ korrispondenza sija minn sorsi lokali kif ukoll internazzjonali, liema korrispondenza tittratta d-dekasteru kollu. M’huwiex fiżikament possibbli li ssir ir-riċerka biex tingħata Tweġiba għal din il-parti tal-Mistoqsija
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-gvern dwar il-qagħda ta' dawk li jgħidu li diffiċli għall-pajjiżna jirrispetta l-Artiklu 13 tat-Trattat ta' Amsterdam u d-direttiva 2000/78/EC mingħajr liġijiet tad-divorzju u ko-abitazzjoni hawn Malta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
La d-Direttiva 2000/78/EC u lanqas Artikolu 13 tat-Trattat ta’ Amsterdam ma jirrigwardaw ko-abitazzjoni jew divorzju.
Riċevimenti tal-Milied — Dipartimenti tal-Housing Maintenance and Construction
Question
Jista' il-Minstru jara u jgħid x'inhi r-raġuni li wara d-direttiva li nħarġet li mhux ser isiru parties/riċevimenti tal-Milied fid-Dipartimenti tal-Housing Maintenance and Construction inħarġet inizjattiva arbitrarja li permezz tagħha kull impjegat fid-Dipartiment irid joħroġ Lm7 sabiex jiġi organizzat dan il-party u li jekk le min ikun li ma jikkontribwixxix jiġi mqtugħ mil-overtime u dan mingħajr l-approvazzjoni tad-Direttur? Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li uffiċjal għoli fi ħdan dan id-Dipartiment attwa din it-tħeddida u aġixxa b'mod diskriminatorju fil-konfront tal-ħaddiema li ma kkontribwewx u ma ttieħdu l-ebda passi kontra dan l-aġir?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-direttiva li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant ma tipprojbixxix li jsiru parties/riċevimenti tal-Milied f’Dipartimenti jew entitajiet oħra tal-Gvern, iżda tipprojbixxi li dawn isiru minn fondi pubbliċi.
Ninsab infurmat li l-impjegati tad-Dipartiment li għamel referenza għalih l-Onor. Interpellant ftehmu li jagħmlu ikla tal-Milied għas-spejjeż tagħom. Ninsab infurmat ukoll li ma jirriżultax li xi uffiċjal hedded lil xi mpjegat li jekk ma jipparteċipax fl-ikla jinqatagħlu l-overtime.
Djar — Appartament okkupat minn persuna li qed tiskonta sentenza ta' ħabs
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 3192 u cioe' jista' jgħid jekk hemmx xi appartament fil-blokk ta' appartamenti - id-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - li kien għand persuna li qed tiskonta sentenza ta' ħabs? Min hu awtorizzat juża dan l-appartament bħalissa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ma jidhirlix li għandi nagħti dan it-tip ta’ dettalji b’mod pubbliku.
Dipartiment tal-bini u manutenzjoni — Taqsima tal-maintenance
Question
Jista' il-Ministru jgħid b'liema setgħa u jedd manager fit-taqsima tal-maintenance fi ħdan id-dipartiment tal-bini u manutenzjoni neħħa skrivana li kienet part-timer regolari u minflokha daħħal lill-ibnu mingħajr ebda applikazzjoni jew prosegwiment ta' proċeduri u minn wara dahar l-istess direttur?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li la tneħħew skrivani u lanqas ġew impjegati oħrajn flokhom fid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex wasal il-każ ta' omm separata li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Tista' din l-omm tiġi nformata bl-aħħar żviluppi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi lill-persuna ndikata fl-uffiċċju distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha.
Persuni tas-sess oppost — Diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jidħlu fis-seħħ il-bidliet kollha meħtieġa skond id-direttiva 2000/78/EC li fost affarijiet oħra teħodha kontra d-diskriminazzjoni li ssir fuq il-postijiet tax-xogħol kontra persuni ta' orjentazzjoni sesswali differenti, peress li minkejja l-Avviż Legali 297, il-Moviment lokali tal-gays u l-lesbjani xorta għadu mhux sodisfatt bil-livell ta' ħarsien minn diskriminazzjoni fuq il-postijiet tax-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-provedimenti tad-Direttiva tal-Unjoni Ewropeja li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant li jirrigwardaw protezzjoni minn diskriminazzjoni relatata ma’ l-impieg, inkluż protezzjoni minn diskriminazzjoni a bażi ta’ orjentament sesswali, huma koperti bil-provedimenti ta’ l-Att dwar l-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali li ġew fis-seħħ fis-27 ta’ Diċembru 2002. Il-provedimenti ta’ Avviż Legali 297 ta’ l-2003 ikkonfermaw dan.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il darba d-direttur ta' l-office of review siefer, kemm dam barra l-pajjiż u kemm kienet l-ispiża globali għal kull żjara barra minn Malta minn meta ħa l-appointment f'April 2001 sa meta nbidillu r-rwol tiegħu f'Ottubru 2003?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li filwaqt li l-lifts li stallat l-awtorita' tad-djar fl-2002 swew medja ta' Lm12,500-il wieħed, din is-sena dawn swew Lm14,000-il wieħed?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għall-informazzjoni tal-Onor. Interpellant, l-Awtorita’ tad-Djar toħroġ tenders għall-installazzjoni ta’ lifts fi blokki eżistenti tal-Gvern. Il-kuntratt normalment jingħata lill-kuntrattur li jagħti l-anqas offerta wara li jiġi il-konfermat li l-offerta tikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet stipulati fit-tender. Il-prezz tal-lift jiddependi fuq it-tip ta’ lift, l-għoli u l-kobor tiegħu u x-xogħol strutturali nvolut..
Għawdex — Qasam tad-djar taċ-Ċawla - Xiri ta' djar mill-inkwilini
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għal liema raġuni wħud mill-kerrejja fil-housing estate taċ-Ċawla qed jiġu mċaħħda milli jakkwistaw id-djar mikrija lilhom stess?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellanti sabiex tirreferi lill-kerrejja (inkwilini) lit-Taqsima tal-Customer Care ta’ l-Awtorita’ tad-Djar ġewwa Għawdex jew inkella lill-Awtorita’ tad-Djar f’Malta.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-gvern informax bħas-soltu lill-gvern Ingliż b'kemm għoliet il-ħajja biex il-pensjonanti tas-servizzi Ingliżi jkunu jistgħu jieħdu żieda relatata fil-pensjoni mill-Ingilterra bħalma jiġri s-soltu peress li pensjonanti li ċemplu l-uffiċċju tal-Kummissjoni għolja Ingliża qalulhom li mhu se jieħdu l-ebda żieda?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-proċedura għaż-żieda fil-pensjonijiet tas-Servizz Ingliż ma tinvolvi ebda ntervent mill-Gvern Malti.
Ninsab infurmat ukoll li hu l-British Pensions Office li jinforma lill-Gvern Ingliż bir-Retail Price Index li jiġi ppubblikat għax-xahar ta’ Awissu kull sena. Dan ir-Retail Price Index jiġi mqabbel ma’ dak ta’ l-istess xahar tas-sena ta’ qabel u l-Gvern Ingliż jiddeċiedi dwar jekk hemmx xi żieda dovuta lil dawn il-pensjonanti u, jekk ikun il-każ, kemm din għandha tkun.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew boarded out persuni din is-sena u kemm minn dawn kienu Għawdxin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal persuni li jingħataw Pensjoni għall-Invalidita’ wara li jiġu ċertifikati minn bord mediku maħtur taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, jien infurmat li n-numru ta’ persuni li bdew jirċievu din il-pensjoni matul din is-sena kien 1,323.
Ninsab infurmat ukoll li d-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali jżomm statistika dwar in-numru globali ta’ dawn il-pensjonanti u mhux skond il-post fejn jabitaw.
Djar — Appartament okkupat minn persuna li qed tiskonta sentenza ta' ħabs
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi appartament fil-blokk ta' appartamenti - id-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - li kien għand persuna li qed tiskonta sentenza ta' ħabs? Min hu awtorizzat juża dan l-appartament bħalissa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta għal din il-Mistoqsija ser tingħata f’xi Seduta oħra.
Sidien ta' stabbilimenti — Ħaddiema li joħorġu bis-sensja
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'obbligi għandhom sidien ta' stabbilimenti biex jinformaw lill-ħaddiema li beħsiebhom jagħlqu u jissensjawhom fix-xhur li ġejjin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal sensji kollettivi kif definiti f’Avviż Legali Numru 428 ta’ l-2002, l-obbligi ta’ sidien li jinfurmaw lill-ħaddiema dwar dawn is-sensji huma dawk stabbiliti fl-imsemmi Avviż Legali.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jinformani liema kienu l-bordijiet li twaqqfu u l-membri li nħatru f'dipartimenti li jaqgħu taħt id-dikasteru tal-ministeru? Meta fil-fatt twaqqfu u kemm-il darba ltaqgħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti aktar tagħrif dwar il-ħidma tal-Foundation for social welfare services? Jista' jagħti breakdown ta' l-infiq ta' din il-fondazzjoni matul is-snin 2002 u 2003?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Foundation for Social Welfare Services twaqqfet bl-iskop li tipprovdi u tippromwovi servizzi ta’ ħarsien soċjali. Fix-xogħol tagħha l-Fondazzjoni għandha tagħti mportanza primarja għal ħtiġijiet ta’ ħarsien soċjali tal-poplu Malti, u partikolarment għall-problemi ta’ l-abbuż mid-droga u l-alkoħol u problemi oħra dwar ħarsien soċjali. Il-Fondazzjoni għalhekk hi responsabbli li tipprovdi direzzjoni strateġika u sapport għal tlett aġenziji:
Aġenzija Appoġġ, l-aġenzija nazzjonali li tipprovdi programmi u servizzi ta’ ħarsien soċjali;
Aġenzija Sapport, li tipprovdi programmi u servizzi residenzjali u fil-komunita’ lil persuni b’diżabilita’; u
Aġenzija Sedqa, l-aġenzija nazzjonali kontra l-abbuż mid-droga, l-alkoħol u vizzji oħra.
Il-Fondazzjoni hi mmexxija minn bord ippresedut mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Politika Soċjali u ebda membru tal-bord, inkluż il-president, ma jirċievi remunerazzjoni għas-servizz fuq dan il-bord.
Ninsab infurmat li l-infieq tal-Fondazzjoni fl-2002 u l-2003 kien kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.