Jista' l-Prim Ministru jgħid s'issa matul din is-sena kemm kien hemm ħwienet, ristoranti eċċ li nqabdu li ma ħarġu irċevuti tal-VAT u f'liema lokalitajiet kienu? X'passi ttieħdu? Kemm kien hemm persuni li twaqqfu huma u ħerġin wara li jkunu xtraw xi prodott u ma kellhomx irċevuta tal-VAT? X'passi ttieħdu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi minn Jannar 2007 sal-lum kien hemm 588 persuna li nqabdu ma joħorġux irċevuta fiskali, li l-irċevuta ma kenitx kif titlob il-liġi jew li ma żammewx kopja ta’ l-irċevuta. Dawn kienu fil-lokalitajiet kif jidher fid-dokument li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-passi li ttieħdu matul is-sena 2007 konċernati dawn il-persuni huma l-istess proċeduri li dejjem ittieħdu mill-Kummissarju tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud f’ċirkostanzi simili. Dan ifisser li meta n-nuqqas ikun wieħed li jista’ jiġi kwalifikat taħt artikolu 84(3) ta’ l-Att tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, l-persuna tiġi nnotifikata sabiex tħallas multa li fl-ewwel istanza tammonta għal mitt lira Maltin. F’dawk il-każijiet li din il-miżura ma tistax tiġi konċessa u / jew ma tiġix imħallsa għal kwalunkwe raġuni, dawk il-persuni jittellgħu l-Qorti fejn ikunu suġġetti għall-multi kontemplati taħt artikolu 77 ta’ l-Att.
F’dawn iċ-ċirkostanzi l-ispetturi jew ikunu waqqfu lill-klijent li ma jkollux irċevuta jew ikunu osservaw illi ma nħarġitx irċevuta waqt il-bejgħ. Għalkemm il-klijenti huma obbligati skond partita 12 tat-Tlettax-il Skeda li jżommu l-irċevuta għal erbgħa u għoxrin siegħa, mhix il-prassi tad-Dipartiment li ttieħed xi azzjoni kontra l-klijenti jew dawn ma jkollhomx l-irċevuta.
Jista' l-Prim Ministru jgħid matul din is-sena kemm-il darba kellna żjajjar minn uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea fid-Dipartiment tal-Kuntratti biex jissorveljaw jekk hux qed jiġu segwiti l-proċeduri tal-Unjoni Ewropea fin-nefqa ta' fondi Ewropej fuq proġetti lokali? X'rapport għamlu tul dawn iż-żjajjar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi matul is-sena 2007 il-Kummissjoni Ewropea wettqet żewġ żjarat fid-Dipartiment tal-Kuntratti. L-ewwel waħda seħħet f’Ġunju, bejn l-4 u s-6 tax-xahar, minn żewġ awdituri tal-Kummissjoni bl-iskop li teżamina t-twettiq tas-Sistema Estiża ta’ l-Implimentazzjoni Ċentralizzata fl-appalti. Ir-rapport dwar dan l-istħarriġ għadu qed jiġi kkompilat. Fit-tieni żjara tliet awdituri mill-Kummissjoni żaru d-Dipartiment tal-Kuntratti bejn id-19 u t-22 ta’ Novembru sabiex jistħarrġu proċeduri kuntrattwali mill-Programm tal-Fondi ta’ l-Iżvillup Reġjonali Ewropew u dak dwar il-Fondi ta’ Koeżjoni għall-perijodu tas-snin 2004 sa 2006.
Jista' l-Prim Ministru jgħid mill-flus tal-budget 2007 - 2013 ta' l-Unjoni Ewropa liema proġetti ġew sottomessi mill-gvern Malti u ġew approvati diġa' mill-Unjoni Ewropea biex isiru?
In vista tal-fatt li l-eta' tal-pensjoni telgħet minn 60 għal 65 sena u li hawn mewġa ta' ħaddiema tal-Gvern li kienu boarded out għal perjodu u li issa reġgħu ġew dikjarati tajbin biex jerġgħu jirritornaw għax-xogħol, jidhirlu l-Prim Ministru li allura teżisti anomalija fil-Public Service Management Code par. 1.1.17.1 (iii) li jgħid li biex impjegat tal-Gvern jerġa' jidħol għax-xogħol mal-Gvern irid ikollu inqas minn 50 sena għaliex skond dan l-istess kodiċi dawn il-ħaddiema ma jistgħux jirritornaw għax-xogħol? Jista' jgħid x'ser jiġri minn dawn l-impjegati u kif din is-sitwazzjoni se tiġi ndirizzata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-policy tal-Gvern dwar ingaġġ mill-ġdid tal-uffiċjali li jkunu boarded out qed tiġi riveduta. Sakemm din il-policy titlesta jibqgħu jgħoddu l-provvedimenti tal-PSMC (Public Service Management Code) f’paragrafu 1.1.17.1. Dawn il-provvedimenti m’għandhomx x’jaqsmu mal-policy tal-pensjoni tas-Sigurtà Soċjali dwar l-età ta’ l-irtirar li telgħet minn 60 għal 65 sena.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'qed jistenna l-Ombudsman biex jibda jinvestiga l-ilmenti li ressqu quddiemu l-membri tal-Forzi Armata ta' Malta u dan wara li kważi għaddiet sena minn meta ħarġu l-promozzjonijiet? Jara li din hija inġustizzja fiha nnfisha aktar u aktar meta wieħed jaf li ser jerġgħu joħorġu promozzjonijiet f'dan ix-xahar?
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 28875 u 29016 u jgħid kemm ingħataw promozzjonijiet xahar b'xahar matul dawn l-aħħar tlett snin inkluż il-grad li ngħata kemm jekk hu post kif ukoll position fis-servizz pubbliku?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li, bejn l-1 ta’ Ottubru 2004 sa l-31 ta’ Ottubru 2007, ingħataw total ta’ 2513 promozzjoni permezz ta’ sejħiet t’applikazzjonijiet interni u bħala riżultat ta’ numru ta’ snin ta’ servizz sodisfaċenti fil-grad fi ħdan is-Servizz Pubbliku.
Dettalji ta’ l-informazzjoni, kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant, jinsabu fil-lista li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 28876 u 29015 u jgħid meta se tingħata lura t-taxxa żejda li tħallset mill-kumpanija, li isimha qed jintbagħat separatament, u li għandha tieħu lura s-somma li teċċedi 'l fuq minn Lm5,000?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Kumpanija se tkun infurmata bl-informazzjoni mitluba fil-ġranet li ġejjin.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24645, jista' l-Prim Ministru issa jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 28123, 28412, 28586, 28717, 28836 u 29029 u jgħid kemm hemm organizzazzjonijiet kummerċjali li jinsabu lesti jikru partijiet minn Dar Malta u jgħid liema huma dawn l-organizzazzjonijiet kummerċjali?
Jista' issa l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 27278, 27799, 27930, 28058, 28255, 28584, 28716, 28839 u 29036 u jgħid matul din is-sena liema għaqdiet u proġetti ġew iffinanzjati mill-Fund for Good Causes li ġej mill-lotteriji? Liema għaqdiet oħra ġew mgħarrfa li se jingħataw fondi u x'inhuma l-proġetti ffinanzjati? Fuq liema kriterji ġew magħżula l-għaqdiet u l-proġetti?
Jista' jgħid x'inhuma r-raġunijiet li din il-mistoqsija ilha li saret ġimgħat sħaħ u għadha ma ġietx imwieġba?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi qed inpoġġi t-tagħrif mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-kriterji li bihom ġew magħżula l-proġetti ffinanzjati minn dan il-Fond huma kif stabbiliti bil-Liġi dwar il-Lotteriji u Logħob Ieħor, 2001, skond Artikolu 50(7).
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 28843 u 28966 u cioe' : Minkejja li t-taqsima tal-consumer complaints unit tal-MFSA hija mifhuma li tagħmel xogħol tajjeb, jista' l-Prim Ministru jara li jkun hemm aktar viġilanza fuq kif ċerti banek kummerċjali li jużaw hard cell tactics meta ibiegħu Wealth Management products speċjalment fejn jidħlu Overseas Funds għaliex spiss niltaqa' ma' nies li ma jkunux konxji ta' riskji u opportunitajiet ta' dak li jkunu deħlin għalih bi flushom stess? Dan minħabba l-kummissjonijiet għolja li huma mifhuma li jaqilgħu uħud minn dawn l-uffiċjali fuq bejgħ ta' prodotti simili. Dan għandu japplika għas-settur tas-servizi finanzjarji kollu kemm hu, mhux biss għal dak bankarju, possibilment billi jkun hemm customer awareness akbar dwar l-implikazzjonijiet tat-teħid ta' dawn id-deċiżjonijeit ta' investiment.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 28843.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 28797 u 28964 u jikkunsidra li jnaqqas it-taxxa tad-dħul minn fuq dik il-parti tal-paga li konjugi separati jkunu obbligati li jħallsu f'manteniment għat-tfal tagħhom lill-parti l-oħra anke meta ma jkollhomx kustodja fuq dawn it-tfal sakemm dan kollu jkun qed isir skond digriet tal-Qorti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-manteniment imħallas (bħala eżempju) mir-raġel lill-mara fir-rigward tat-tfal tagħhom m’huwiex deduċibbli mid-dħul tiegħu iżda huwa eżenti f’idejn il-mara. Għalhekk l-income huwa ntaxxat darba biss.
Kieku l-koppja miżżewġa ma kinitx separata, id-dħul tar-raġel kien ikun kollu taxxabbli avolja xorta kien ikun qed imantni lit-tfal.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm nies iħallsu t-taxxa tad-dħul bil-15% u kemm hu l-ammont ta' taxxa li l-gvern ġabar fis-sena 2006 b'din ir-rata?
Jista' jgħid kemm nies iħallsu t-taxxa tad-dħul bil-25% u kemm hu l-ammont ta' taxxa li l-gvern ġabar fis-sena 2006 b'din ir-rata?
Jista' jgħid kemm nies iħallsu t-taxxa tad-dħul bil-35% u kemm hu l-ammont ta' taxxa li l-gvern ġabar fis-sena 2006 b'din ir-rata?
Jista' jgħid kemm ġabar taxxa l-gvern fuq overtime fis-sena 2006?
Jista' jgħid kemm ġabar taxxa l-gvern fuq part-time fis-sena 2006?
Jista' jgħid kemm hu kkalkulat li hemm nisa miżżewġin bit-tfal li ma jaħdmux?
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29060 u jgħid :
Kemm huwa l-ammont ta' postijiet vakanti fil-gradi ta'
i) prinċipal anzjan
ii) prinċipal
iii) assistent prinċipal
f'kull dipartiment/ministeru rispettivament fl-aħħar ta' Novembru 2007?
Kemm minn dawn il-gradi rispettivament ser jimtlew
i) minn uffiċjali pubbliċi li jgħaddu l-eżami intern, u
ii) minn kandidati li jidħlu minn barra s-servizz pubbliku?
Kemm minn dawn il-gradi rispettivi ilhom vakanti
i) inqas minn 3 xhur
ii) bejn 3 u 6 xhur
iii) aktar minn 6 xhur?
Kemm hu stamt li dan ir-reklutaġġ ser jaffettwa n-nefqa pubblika tal-gvern matul is-sena 2008?
Kemm minn din in-nefqa addizzjonali ġiet provduta fl-estimi finanzjarji ta' l-2008 taħt id-diversi ministeri/dipartimenti konċernati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
i) Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li vakanzi fil-gradi msemmija fis-Servizz Ċivili jinħolqu kontinwament minħabba irtirar ta’ Uffiċjali, mobilità dejjem tikber tal-ħaddiema jew ħolqien ta’ postijiet ġodda skond l-esiġenzi tas-servizz partikulari.
ii) Il-mili ta’ postijiet vakanti fil-gradi msemmija huwa regolat mill-Ftehim Settorjali Relattiv bejn il-Gvern u l-Unions.
iii) Huwa stmat li d-Dipartimenti jkunu ħasbu biex jitolbu l-fondi neċessarji għal dawk li huma postijiet ġodda.
iv) Għar-rigward ta’ mili ta’ vakanzi, minħabba irtirar tal-ħaddiema rispettivi, diġa jkun hem mil-fondi neċessarji pprovduti.
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29071 u jgħid jekk hemmx ħlas ta' reġistrazzjoni fuq vetturi tat-tip battery operated cars? Jista' jgħid kemm huwa l-ħlas ta' din ir-reġistrazzjoni fuq dawn il-vetturi u t-taxxi relatati magħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fuq il-vetturi tat-tip battery operated hija applikabbli r-rata standard tal-VAT, jiġifieri 18%.
It-taxxa tad-Dwana fuq il-vetturi tat-tip battery operated importati minn barra l-EU hija ta’ 10%.
Jista' l-Prim Ministru jgħid:
Kemm għamlu l-eżami għal skrivani mal-gvern fl-aħħar sejħa?
Kemm għaddew?
Kemm weħlu mill-interview?
Kemm minnhom diġa' ngħataw impjieg?
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm jiġbor flus il-gvern mis-sistema ta' NI (national insurance)?
Kemm minn dan l-ammont immur għas-saħħa u kemm imur għall-pensjonijiet? Kemm mill-ammont ta' VAT imorru għas-saħħa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont li jinġabar minn sena għal sena mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jidher fl-Estimi Finanzjarji maħruġ ta’ kull sena mill-Ministeru tal-Finanzi, kif ukoll fir-Rapport Finanzjarju maħruġ ta’ kull sena mit-Teżor.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella A, ta’ l-Estimi Finanzjarji, li tindika kif jiġi approprijat dan id-Dħul, filwaqt li f’tabella B ta’ l-istess pubblikazzjoni, jidher kemm mid-dħul tal-VAT hu ddedikat lejn l-infiq għas-saħħa.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 27828, 27385, 28160, 28434, 28565 u 28771 u jgħid x'kienet in-nefqa totali taż-żjara tiegħu u tad-delegazzjoni fl-Awstralja, inkluż l-passaġġi ta' l-ajru, etc?
Jista' l-Prim Ministru jara li l-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jintbagħtu separatament u li hi armla tingħata lura l-ħlas tal-bolla għax din mhux suppost li tħallset?
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ħarġu sejħiet għall-applikazzjoni għal xogħol bil-kuntratt definit fis-servizz pubbliku matul is-snin 2003,2004,2005,2006 u 2007? Jista' jagħti din l-informazzjoni maqsuma skond il-grad mitlub fis-sejħiet? Jista' jgħid kemm ħaddiema fis-servizz pubbliku li jaħdmu fuq kuntratt fiss, ngħataw jew se jingħataw kuntratt indefinit skond il-gradi tal-kuntratt ekwivalenti mas-servizz pubbliku? Jista' jagħti l-informazzjoni skond il-ħaddiema humeix irġiel jew nisa f'kull każ?
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28797 u jikkunsidra li jnaqqas it-taxxa tad-dħul minn fuq dik il-parti tal-paga li konjugi separati jkunu obbligati li jħallsu f'manteniment għat-tfal tagħhom lill-parti l-oħra anke meta ma jkollhomx kustodja fuq dawn it-tfal sakemm dan kollu jkun qed isir skond digriet tal-Qorti?