B'riferenza għat-taxxi ndiretti ta' dan il-Budget, jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm se jkunu t-tariffi, dazji jew kwoti ġodda fuq l-importazzjoni tal-" hindquarters of bovine with bone frozen" meta jigi mportat mill-pajjizi li mhumiex membri ta' l-UE?
It-tunnellagg inkwestjoni skond " Special Temporary State Aid to Support Processors & Recognised retailers of Imported Products " ikopri l-mportazzjoni minn non EU states abbażi ta' l-importazzjoni storika ukoll ?
Response (DALLI, JOHN)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għal-Mistoqsija Parlamentari Numru 3241.
B'riferenza għat-taxxi ndiretti ta' dan il-Budget, jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm se jkunu t-tariffi, dazji jew kwoti ġodda fuq l-importazzjoni tal-"boneless crop chuck and blade and brisket cut bovine frozen" meta jiġi mportat mill-pajjizi li mhumiex membri ta' l-UE ?
It-tunnellaġġ inkwestjoni skond " Special Temporary State Aid to Support Processors & Recognised retailers of Imported Products " ikopri l-importazzjoni minn non EU states abbażi ta' l-importazzjoni storika wkoll?
Response (DALLI, JOHN)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 3241.
Jista' il-Ministru jgħid min irrappreżenta lil Malta Enterprise fil-World trade centres association general assembly fl-Istati Uniti? X'kien l-eżitu ta' din iż-żjara?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Malta Enterprise kienet rappreżentata mic-chairman tagħha Joe Zammit
Tabona. L-għan ta' din iż-żjara kien li jkompli fuq ix-xogħol biex jinstabu intraprendituri u investituri għall-proġett tal-Malta World Trade Centre.
Jista' il-Ministru jgħid: 1) jekk it-trattattivi għall-bejgħ ta' l-ishma tal-Freeport għadhomx mexjin; 2) jekk fl-affermattiv, f'liema stadju waslu; 3) jekk hemmx xi ħjiel dwar meta jistgħu dawn it-trattattivi jiġu konklużi?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kif diġa ħabbart fid-diskors tal-Budget 2004 għandna nidħlu f'negozjati dettaljati. Sa issa dawn in-negozjati għadhom ma bdewx.
Postijiet li għandhom faċilita' għal ġbid ta' films
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu jsir biex jilqa' għall-isfida ta' postijiet oħra li għandhom faċilitajiet għal ġbid ta' films bħal dawk fir-Repubblika Ċeka u l-Ungerija, issa li Malta se tidħol fl-Unjoni Ewropea? Malta qed toffri xi inċentivi biex il-producers tal-films jagħżlu lil Malta?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li huwa fatt li ħafna pajjiżi madwar id-dinja għarfu li produzzjoni awdjoviżivi jiġġeneraw qliegħ tajjeb għall-ekonomiji tagħhom u għalhekk qed joffru diversi għajnuniet fiskali u finanzjarji biex jattiraw produzzjonijiet internazzjonali lejhom.
Malta, minħabba li hi limitata fid-daqs u t-topografija, fir-riżorsi u fl-infrastruttura qatt ma tista’ tkun kunsidrata bħala destinazzjoni ewlenija f’din l-industrija. Biss, għadna nħaddnu numru ta’ vantaġġi li għadhom jagħmluna destinazzjoni popolari għal-ġbid ta’ ċertu produzzjonijiet li jew jużaw l-baħar u li jew jikrejaw ambjent antik.
Il-kompetituri ewlenin tagħna huma l-Italja, Franza, Spanja, il-Messiku, il-Marokk, it-Tunisija u numru ta’ pajjiżi mill-Lvant ta’ l-Ewropa.
Fil-preżent il-Gvern qed joffri żewġ inċentivi minimi biex jattira aktar produzzjonijiet lejn xtutna li huma:
a) ħlas minimu għall-użu ta’ postijiet publiċi
b) refunds fuq it-taxxa tal-valur miżjud fuq is-servzzi u l-prodotti kollha li jikkunsmaw f’Malta.
Fid-dawl tar-realtajiet internazzjonali u l-inċentivi li qed jingħataw mill-kompetituri tagħna hu l-ħsieb tal-gvern li jingħataw aktar inċentivi li permezz tagħhom nkunu nistgħu nħajru aktar produzzjonijiet lejn Malta.
Pero jidhrilna li m'għandniex nagħmlu shopping list ta' nċentivi imma li noperaw sistema flessibbli biex nindirizzaw il-ħtiġijiet, xi kultant komplessi, ta' kull produzzjoni ta' ċerta daqs.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu stmat li ħalla qliegħ dirett u/jew indirett il-ġbid ta' films f'Malta mill-1999 sa Ottubru ta' din is-sena?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li minħabba l-fatt li l-estimi ta’ nfieq li fuqhom isir il-budget ta’ produzzjoni awdjoviżiva mhux dejjem jkun jirrifletti n-nefqa li filfatt isseħħ, huwa diffiċli li wieħed jżomm rendikont preċiż ta’ l-investiment li produzzjoni awdjoviżiva tiġġenera f’Malta.
Minkejja li f’pajjiżna ma tinġabarx statistika uffiċjali fuq din in-nefqa, il-Malta Film Commission tistma li f’dawn l-aħħar 5 snin intefqu f’pajjiżna madwar Lm55 miljun lira minn produzzjonijiet differenti.
Din in-nefqa normalment tinqasam fuq ħolqien ta’ impjiegi temporanji u fissi, bini ta’ sets u bini ieħor, kiri u xiri ta’ apparat u materji oħra, akkomodazzjoni, trasport, servizzi professjonali, ikel u xorb, attivitajiet kulturali u ta’ divertiment kif ukoll mezzi ta’ kommunikazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid minn dawk li bagħtu r-return tat-taxxa għas-sena li għaddiet qabel l-aħħar ta' April, kemm fadal biex jintbagħtilhom jekk fadlilhomx jagħtu aktar taxxa jew li qegħdin tajjeb?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li minn total ta’ 127,338 dikjarazzjonijiet (return tat-taxxa għas-sena ta’ stima 2003) li daħlu sal-aħħar ta’ April, 548 persuna għad trid tkun innotifikata; minn dawn 20 m’għandhomx bilanċ x’jagħtu, 90 għandhom xi diskrepanza fl-informazzjoni mogħtija, u 438 għandhom bilanċ ta’ taxxa favur tagħhom.
Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk il-films li nġibdu kollha jew parti minnhom f'Malta bl-għajnuna tal-Malta film facilities u dan mill-1999 'il hawn?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li mill-1999 inġibdu f’pajjiżna aktar minn 50 produzzjoni awdjoviżiva.
Il-maġġoranza ta’ dawn il-produzzjonijiet inġiebu Malta permezz tax-xogħol li twettaq il-Malta Film Commission u ġibdu f’diversi postijiet madwar il-gżejjer Maltin kif ukoll fil-Mediterranean Film Studios.
Lista ta’ feature films u films għat-televiżjoni li nġibdu f’dawn l-aħħar ħames snin tinsab fit-tabella mehmuża.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew rapportati każi ta' serq fid-dipartimenti, entitajiet, eċċ li jaqgħu taħt id-dikasteru tal-ministeru mill-perjodu ta' Jannar sal-lum?
X'passi ttieħdu u x'kienu l-oġġetti misruqa u x'valur kellhom?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant, li fid-dekasteru tiegħi ma ġie rrappurtat l-ebda każ ta’ serq minn Jannar sal-lum.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il darba d-direttur ta' l-office of review siefer, kemm dam barra l-pajjiż u kemm kienet l-ispiża globali għal kull żjara barra minn Malta minn meta ħa l-appointment f'April 2001 sa meta nbidillu r-rwol tiegħu f'Ottubru 2003?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fil-perjodi msemmi, id-Direttur (EU Affairs) siefer erba' darbiet kif gej:
Pajjiz
Dati
Ammont
LM
Brussell
1-8 ta' Lulju 2001
249.19
Ċipru
16-19 ta' Lulju 2001
91.78
Brussell
28 ta' Nov - 1 ta' Diċ 2002
465.73
Brussell
25-28 ta' Frar 2003
567.03
Jista' il-Ministru jgħid għal liema raġuni żewġ proposti li saru lil Foundation for Tomorrow's School għal bini ta' skola ġdida fil-Mosta ġew skartati?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant l-ewwel tender ġiet skartata minħabba li ġiet miksura klawsola 1.11.5 (g) li kienet tgħid hekk:-
“No entry (drawings and documentation) shall bear any identity such as name, mark, motto or nome-de-plume etc. Entries deemed to breach this condition shall be excluded from the competition.”
Ir-raġuni li ġiet skartata it-tieni tender hija minħabba li minflok “Bank Draft”, kif kien mitlub fi klawsola 1.08.5 tad-dokument, kien hemm anness cheque. Klawsola 1.08.5 qed tiġi kwotata hawn taħt.
“Submissions unaccompanied by a valid and original Bank Draft of fifty Malta Liri (Lm50) (Envelope No. 1) on the closing date and time of tender shall not be considered for award of the Competition.”
Il-parir legali li ngħata d-Direttur Ġenerali tal-Kuntratti kien li minħabba l-kliem tassattiv ta’ din il-klawsola din l-offerta ma setgħetx tkun ikkunsidrata.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien l-għadd ta' taxpayers illi ma mlewx il-formola ta' l-income tax u self-assessment għas-sena li għalqet f'Diċembru 2002 (sena ta' stima 2003) sat-30 ta' Ġunju ta' din is-sena kif stipulat?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm 24,381 persuna li ma bagħtux il-formola tat-taxxa għas-sena ta’ stima 2003 sat-30 ta’ Ġunju, 2003. Minn dawn 5,861 waslu wara din id-data u l-kumplament ġew servuti bi stima skond il-liġi.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu l-valur ta' l-investiment li għamel il-gvern Malti permezz ta' l-MDC fil-kumpannija MGI u l-MIMCOL? Kemm minn dan sar f'dawn l-aħħar tliet snin?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-MDC ma għandha l-ebda investiment fil-kumpaniji MGI u l-MIMCOL.
Jista' il-Ministru jinformani liema kienu l-bordijiet li twaqqfu u l-membri li nħatru f'dipartimenti li jaqgħu taħt id-dikasteru tal-ministeru? Meta fil-fatt twaqqfu u kemm-il darba ltaqgħu?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, lista tal-bordijiet li twaqqfu minn April 2003 sal-lum. Dawn il-bordijiet jiltaqgħu regolarment biex iwettqu x-xogħol li twaqqfu għalih.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hawnx kumpanniji li llum qed jiġu megħjuna mill-gvern b'sussidji fuq dawl, ilma, kera, tax holidays, eċċ.? Jekk iva, liema huma u jekk dawn humiex se jieqfu wara l-ewwel ta' Mejju li ġej? F'liema kumpanniji se jieqfu dawn l-għajnuniet?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li hemm numru ta' kumpanniji tal-manifattura li jibbenefikaw mit-Tax Holiday u kumpanniji li joperaw minn fabbbrika tal-Gvern. Madanakollu, il-Korporazzjoni m'għandha l-ebda informazzjoni dwar kumpanniji li jibbenefikaw minn sussidji fuq dawl u ilma.
Dawk l-intrapriżi li jikkwalifikaw bħala intrapriżi ta' daqs zgħir jew medju jistgħu jibqgħu jibbenefikaw mit-Tax Holiday anke wara l-1 ta Mejju 2004.
Għal dawk li jikkwalifikaw bħala intrapriżi kbar ġew introdotti inċentivi alternattivi b'seħħ minn din is-sena minnflok it-Tax holiday.
Il-fabbriki tal-Gvern kienu jinkrew b'rati stipulati mill-Liġi u għalkemm din il-kera tista' tidher irħisa meta komparata ma' dik ta' fabbriki mikrija mill-privat, ma jistax jingħad li fil-fatt jingħata sussidju fuq il-kera. Wara l-emendi ta' L-Att dwar il-Promozzjoni tan-Negozju l-fabbriki bdew jinkrew b'rati li jirriflettu l-valur preżenti tal-fabbrika.
L-informazzjoni mitluba rigward min huma l-kumpanniji li jibbenefikaw mit-Tax Holiday u minn fabbrika tal-Gvern hija riservata skond Artiklu 33 ta‘ L-Att dwar il-Promozzjoni tan-Negozju.
Ministeru tal-Finanzi — Vetturi li jagħmlu użu minnhom is-segretarji parlamentari
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-karozzi li jużaw is-segretarji parlamentari fil-ministeru humiex mixtrija jew mikrija? Fil-każ li huma mikrija, b'liema rata jinkrew kuljum?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li s-Segretarju Parlamentari l-Onorevoli Edwin Vassallo juża karozza mixtrija tat-tip BMW 528 filwaqt li s-Segretarju Parlamentari l-Onorevoli Tony Abela juża karozza tat-tip Peugeot 607 li hija leased bir-rata ta’ Lm19.09 kuljum.
Segretarji parlamentari — Vetturi li jintużaw għax-xogħol tagħhom
Question
Jista' il-Ministru jagħti lista tal-karozzi li jintużaw mis-segretarji parlamentari għax-xogħol?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li s-Segretarju Parlamentari l-Onorevoli Edwin Vassallo jagħmel użu minn karozza tat-tip BMW 528 filwaqt li s-Segretarju Parlamentari l-Onorevoli Tony Abela jagħmel użu minn karozza Peugeot 607.
Għajnuna lill-familji ta' tfal bi bżonnijiet speċjali
Question
Jista’ il-Ministru jgħid jekk jikkonsidrax li fil-budget li jmiss jgħin lil familji li għandhom tfal bi bżonnijiet speċjali billi jkolhom tax rebates meta dawn ikunu qed iħallsu għal xi servizz tant bżonnjuż għal uliedhom fid-dar?
Response (DALLI, JOHN)
Is-suġġeriment magħmul mill-Onorevoli Interpellant ġie nnotat.
Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-privatizzazzjoni ta' diversi kumpanniji pubbliċi, fosthom l-Air Malta?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa l-Privatisation Unit qiegħda taħdem fuq il-Lottu Pubbliku, Mediterranean Offshore Bunkering Company Limited u l-Freeport.
L-ewwel żewġ proċessi, dak tal-Lottu u tal-MOBC qegħdin fi stadju avvanzat. Fuq il-Freeport filwaqt li hemm qbil fuq prinċipji bażiċi għad baqa' proċess ta' negozjati.