Stabilimenti tad-divertiment — Żgħażagħ taħt l-eta'
Question
Jista’ il-Ministru jgħid kemm-il persuna taħt l-eta' legali ta' 16-il sena nstabu f'xi ħanut jew post tad-divertiment fejn jiġi servut l-alkaħol u dan fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena? F'liema lokalita' u kemm kienu l-postijiet differenti? X'passi ttieħdu kontra s-sidien u / jew dak li jkun qed jieħu hsieb il-post?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Mejju ta` din is-sena kien hemm 13-il persuna li ttellgħu l-Qorti mill-Pulizija talli biegħu alkoħol lill-persuni ta` anqas minn sittax-il sena. Il-lokalitajiet fejn seħħew dawn il-każi kienu San Ġiljan, Marsascala u Baħar iċ-Ċagħaq.
Pulizija — Żgħażagħ taħt l-eta' li nqabdu jixtru s-sigaretti
Question
Jista' l-Ministru jgħid fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena kemm inqabdu żgħażagħ taħt is-sittax-il sena jixtru s-sigaretti? X'passi ttieħdu kontra s-sidien?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Mejju ta` din is-sena ma tressqet il-Qorti l-ebda persuna dwar l-offiżi li rrefera għalihom l-Onorevoli Interpellant.
Pulizija — Nies li nqabdu jpejpu f'NO SMOKING areas
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm inqabdu nies ipejpu f'postijiet fejn it-tipjip huwa pprojbit u dan fl-ewwel ħames xhur tas-sena? Fejn? Kien hemm xi każ fejn minn dawk li nqabdu kienu mpjegati tal-post?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Mejju ta` din is-sena kien hemm persuna waħda li nqabdet tpejjep f`post fejn it-tipjip huwa projbit. Dan kien fl-isptar San Luqa u l-persuna involuta mhix impjegata hemm.
Tmexxija ta' postijiet — Din l-Art Ħelwa - Fondazzjoni Wirt Artna
Question
Jista' il-Minstru ġentilment jagħti lista, separatament ta' postijiet li ngħataw biex jiġu mmexxija minn Din l-Art Ħelwa u l-Fondazzjoni Wirt Artna?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-proprjetajiet tal-Gvern li ngħataw lil Din l-Art Ħelwa biex tmexxihom fil-fatt ingħataw lilha, taħt att ta` kurażija, mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali stabbilita` taħt l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali. Dan wara li l-amministrazzjoni tal-istess proprjetajiet għaddiet lill-imsemmija Sovrintendenza mit-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern. Dawn il-proprjetajiet huma:
It-Torri tal-Għallis, Baħar iċ-Ċagħaq,
It-Torri San Marku, Baħar iċ-Ċagħaq,
It-Torri Wignacourt, San Pawl il-Baħar,
Iċ-Ċimiterju tas-Sur tal-Imsida, Furjana,
It-Torri Mamo, Żejtun,
It-Torri l-Aħmar, Qammieh, Mellieħa,
It-Torri tad-Dwejra, Għawdex,
Il-Batterija Sta. Marija, Kemmuna,
It-Torri ta` Sta. Marija, Kemmuna.
Minn naħa l-oħra il-proprjetajiet li ngħataw mit-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern lill-Fondazzjoni Wirt Artna huma:
Bieb is-Sultan, Ħaż Żabbar,
Sit u struttura f`Anchor Bay, Mellieħa.
Ninsab infurmat ukoll li l-Fondazzjoni Wirt Artna qed tmexxi wkoll il-Batterija tar-Rinella fil-Kalkara b`arranġament mal-Ministeru tal-Edukazzjoni.
Jista'il-Ministru jidaga għalfejn għadu ma tlestiex ix-xogħol ta' culverts fiż-żona tal-Grazzja f' Ħaż Żebbuġ mill-Kunsill Lokali peress li x-xogħol li sar s'issa aggrava u mhux solva l-problema ta' flooding f'din iż-żona?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta` gvern lokali b`personalita` legali distinta.
Għaldaqstant nissuġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill tal-lokalita`.
B'referenza għal mistoqsija parlamentari numru 336 in-numru tal- van ikkonċernat huwa KAN 179 u mhux TAN 179, għalhekk jista' il-Ministru jgħid kemm ilu miżmum mill-puluzija, u meta hemm il-ħsieb li jiġi rilaxxat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-vettura msemmija mill-Onorevoli Interpellant hija suġġett ta` investigazzjoni kriminali u għaldaqstant mhux opportun li tagħrif dwar dan il-każ ikun pubblikat.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-ftehim li ntlaħaq bejn il-gvern u l-aħwa Debono dwar il-kawża li hemm pendneti quddiem il-Qorti u li fiha l-Gvern hu konvenut, u li tikkonċerna l-mewt ta' ħuwhom Nardu Debono fl-1980?
Response (BORG, TONIO)
Ftehim bil-miktub ma hemmx u ġiet segwita l-proċedura tas-solitu li, fuq talba ta` min jidhirlu li għandu jingħata l-kumpens, il-każ jiġu analizzat, u fejn ikun hemm ġustifikazzjoni, jingħata kumpens "ex gratia".
Jista' il-Ministru jgħid kemm il-Gvern jonfoq ras għal ras kull ġurnata għal kull inmate fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi jekk jingħaddu s-salarji ta` l-impjegati tal-Ħabs, l-ispiża ta` l-ikel, il-ħlas lill-ħabsin li jaħdmu, l-ispejjeż għal programmi ta` riabilitazzjoni, l-ispiża tas-servizzi tas-saħħa u spejjeż oħra rikorrenti u jiġi diviż it-total bin-numru tal-medja ta` priġunieri f`kull ġurnata matul is-sena, l-ispiża tiġi madwar Lm23.76 kuljum.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm inkjesti pendenti quddiem kull maġistrat tal-qorti ta' Għawdex? Kemm minn dawn l-inkjesti ġew konklużi mill-maġistrat inkwirenti matul dawn l-aħħar tlett xhur?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Nru. 428.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat illi l-inkjesti konklużi matul l-aħħar tlett xhur hu kif ġej:
Maġistrat Numru
Dr Paul Coppini 6
Dr Dennis Montebello 55*
Dr Carol Peralta 12*
Dr Joseph Apap Bologna 7*
Dr Consuelo Scerri Herrera 74
*Inkjesti ġew trasferiti b`digriet ta` l-10 ta` Marzu 2003 lill-Maġt Dr Consuelo Scerri errera u ġew konklużi minnha.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-qorti ta' reviżjoni ta' l-atti notarili tneħħa minn Għawdex u issa r-reġistru ta' dan il-qorti jinsab Malta? X'jista' il-Ministru jirrimedja għal dan?
Response (BORG, TONIO)
Wara li daħal fis-seħħ l-Att VI ta` l-2001, atti li għandhom x`jaqsmu mal-Qorti tar-Reviżjoni ta` l-Atti Notarili ma baqgħux jiġu aċċettati fil-Qorti ta` Għawdex.
Ingħataw ordnijiet, pero`, li dawn l-atti issa jiġu aċċettati u mħallsin fil-Qorti ta` Għawdex, li mbagħad jieħu ħsieb li jibgħathom il-Qorti ta` Malta.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm-il darba tniżżel fil-logbook jew f’xi file ieħor inkwiet jew assalt fuq suldati min-naħa ta' l-immigranti llegali mill-1 ta’ Jannar 2003 sal-lum? X’kienu d-dati ta' meta nqalgħu dawn is-sitwazzjonijiet?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ġewx reġistrati fil-logbook jew f’xi file ieħor ħarbiet jew attentat ta' ħrib minn immigranti llegali detenuti mill-1 ta’ Jannar sal-lum? Jekk jirriżulta li kien hemm, kemm kien in-numru ta’ drabi, meta ġraw (data), u ta' liema nazzjonalita' kienu l-immigranti nvoluti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-1 ta` Jannar 2003 sal-lum, kien hemm seba` okkażżjonijiet ta` ħrib ta` immigranti illegali detenuti. Dawn kienu fit-23, 26 u 28 ta` Mejju, u fit-2, 4, 11 u 16 ta` Ġunju. In-nazzjonalita` dikjarata ta` dawn l-immigranti hija Sudaniża, Palestinjana, mill-Eritrea, mill-Ethiopia, minn Sierra Leone, mis-Somalja u Pakistana.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ħarġu tenders għal xogħol ta' toroq u asfalt ġewwa Għawdex għas-snin 1999, 2000, 2001 u 2002 kemm tal-gvern ċentrali u kemm mill-kunsilli? Lil min ingħataw dawn it-tenders? Kemm kien il-contract value ta' kull tender?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta` gvern lokali b`personalita` legali distinta u għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsilli konċernati.
Fir-rigward ta` tenders maħruġa mill-Gvern ċentrali, nitlob lill-Onor. Membru jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Ministeru tal-Ġustizzja u Intern — Diretturi/segretarji permanenti - Riżenji
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' diretturi, diretturi ġenerali u segretarji permanenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li spiċċaw mis-servizz jew irriżenjaw minn dipartimenti tal-gvern u entitajiet governattivi oħra minn Jannar ta' din is-sena sal-lum?
F'każ li kien hemm diretturi, diretturi ġenerali u segretarji permanenti li spiċċaw mis-servizz jew irriżenjaw, jista' il-Ministru jgħid jekk inxtrawx karozzi li kienu qegħdin jintużaw minnhom? Jekk inxtraw, x'tip ta' karozzi kienu u kemm kien il-valur li nbiegħu?
F'każ li ma nxtrawx karozzi, jista' il-Ministru jgħid minn liema dipartimenti tal-gvern jew entitajiet governattivi oħra qegħdin jintużaw u x'tip ta' karozzi kienu?
Response (BORG, TONIO)
Bejn l-ewwel ta` Jannar 2003 sad-19 ta` Ġunju 2003 kien hemm Direttur wieħed li rriżenja mill-post tax-xogħol u tnejn li spiċċaw bil-pensjoni. Wieħed minn dawk li rtiraw xtara l-karozza li kienet tintuża minnu wara li nġiebet l-approvazzjoni meħtieġa mill-Ministeru tal-Finanzi. Il-mudell tal-karozza kien Toyota Corolla u tħallas l-ammont ta` Lm1,153. L-ieħor kellu karozza mikrija.
Dwar id-Direttur li rriżenja, dan l-aħħar ġie deċiż li ma jikkwalifikax li tinxtara mill-uffiċjal konċernat u dil-karozza tal-mudell Ford Focus, ser tintuża minn Direttur ieħor f`dan il-Ministeru.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ serqiet li saru minn djar privati, karozzi, stabilimenti kummerċjali u hold-ups matul l-ewwel erbgħa xhur ta’ din is-sena f’Malta u Għawdex, separatament? X’kienet is-sitwazzjoni għas-snin 2000, 2001 u 2002?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ każijiet ta’ pedofalija u abbużi sesswali fuq it-tfal rapportati lill-pulizija matul Jannar, Frar, Marzu u April ta’ din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u April ta` l-2003 ġew irrappurtati lill-Pulizija seba` (7) każi ta` abbuż fuq tfal, filwaqt illi fl-istess perijodu ma ġewx irrappuratati każi ta` pedofalija.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ inċidenti tat-traffiku rapportati lill-pulizija matul Jannar, Frar, Marzu u April ta’ din is-sena? Kemm minnhom kienu fatali?
Response (BORG, TONIO)
L-informazzjoni mitluba hi s-segwenti:-
Numru ta` Inċidenti li seħħew matul is-sena 2003
Bla Feruti
Bil-Feruti
Fatali
Total
Jannar
1,072
74
4
1,150
Frar
981
65
1
1,047
Marzu
1,031
49
1
1,081
April
1,065
74
0
1,139
4,149
262
6
4,417
Jogħġbu il-Ministru jikkonsidra serjament li jiġi ntrodott ir-reat ta' stalking u/jew harassment fil-Kodiċi Kriminali stante li l-uniku forma ta' fastidju li l-liġi Maltija ssemmi huwa fir-rigward ta' sexual harassment ut sic u mhux b'mod ġenerali?
Response (BORG, TONIO)
Huwa minnu li r-reat definit mill-liġi kriminali ingliża bħala "stalking" ma jeżistix fil-kodiċi penali tagħna u tajjeb li wieħed jagħti konsiderazzjoni għas-suġġeriment tal-Onor. Membru, pero` irid ukoll jingħad li fiċ-ċirkostanzi adatti hemm ir-rimedji sija tal-kontravenzjoni tal-artikolu 339 (1)(i) kif ukoll dik fil-kamp ċivili ta` mandat ta` inibizzjoni li jiġu użati fil-prattika.
Jista' il-Ministru jgħid kemm fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena l-pulizija ħadu passi dwar ksur tal-liġi ta' bejgħ ta' xorb alkaħoliku lill-adoloxxenti li jinġabru fl-inħawi magħrufa bħala The Park, f'San Ġiljan? Jirriżultalu li x-xogħol tal-pulizija f'dan il-qasam qed isir iżjed diffiċli anke minħabba toqob fil-liġijiet relattivi, fosthom li tal-ħanut jistgħu jbiegħu flixken miniature bl-alkaħol lill-adoloxxenti mingħajr ma jiksru l-liġi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel erba` xhur ta` din is-sena il-Pulizija kompliet tagħmel sorveljanza kontinwa fl-inħawi msemmija u ma kienx hemm okkażżjonijiet fejn irriżulta illi kien hemm ksur tal-liġi kif imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Infurmat ukoll illi skond il-liġi ebda sid ta` ħanut b`liċenzja għall-bejgħ bl-imnut ta` nbejjed, birra jew likuri spiritużi ma jista` ibiegħ inbejjed, birra jew likuri spiritużi lil persuna li jkollha anqas minn sittax-il sena.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti fatali tat-traffiku fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena u fejn saru?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel ħames xhur ta` din is-sena kien hemm 8 inċidenti tat-traffiku fatali. Dawn seħħew f`dawn il-lokalitajiet:
Valletta; Msida; Gudja; San Pawl il-Baħar; Birkirkara; Swieqi; San Ġiljan u Żejtun.