Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #37770 Sitting 839 2002-12-16 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Portokolli u konvnezjonijiet ambjentali — MEPA

Question

Tul dawn l-aħħar erba' snin Malta kemm-il-protokoll u konvnezjonijiet ambjentali tal-UNECE irratifikat? Matul dawn it-tliet snin x'kien il-kontribut ta' Malta rigward il-proċess ambjentali għall-Ewropa, partikolarment mill-MEPA? F'kemm-il laqgħa ħadna sehem fil-kumitat ambjentali ta' l-Ewropa? Kemm kienu l-fondi u x'assistenza ħadu l-awtoritajiet Maltin minn dan il-proċess tul dawn l-aħħar erba' snin? X'kienu l-kummenti tal-Kummisjoni Ewropea fir-rigward tan-negliġenza ta' Malta f' dan il-proċess?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Leg 9 PQ #37771 Sitting 839 2002-12-16 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

MEPA — Trattat Ambjentali

Question

Kemm-il trattat ambjentali, li Malta tifforma parti minnu ġie mdaħħal fil-leġislazzjoni nazzjonali? Kemm minnhom ma ġewx imdaħħla fil-leġislazzjoni tagħna? Għaliex ir-rapporti dwar l-istat ambjentali ma jindirizzawx il-proċess ta' Malta taħt trattati ambjentali, u kemm-il rapport intbagħat u meta? Għaliex dawn ir-rapporti u komunikazzjonijiet li ntbagħtu lis-Segretarjat m'humiex aċċessibli għall-pubbliku jew fuq il-website tal-MEPA? Għaliex il-lista' jew direttorju tat-trattati apporvati taħt in-National Focal Points m'humiex aċċessibli għall-pubbliku jew fuq il-website tal-MEPA?

Response (BORG, TONIO)

Kull konvenzjoni/trattat li Malta ssir parti minnu, isir skond kif jitlob l-Att dwar ir-ratifikazzjoni tat-trattati. Mhux it-trattati kollha huma l-istess, hemm trattati li ma jirrekjedux li jidħlu fil-liġi Maltija għax ikollhom obbligazzjonijiet amministrattivi biss. Imma kull fejn hemm bżonn li l-obbligazzjonijiet internazzjonali jiġu trasformati fil-liġi nazzjonali dan dejjem isir b`tali mod li meta t-trattat in kwistjoni jiġi fis-seħħ għall-Malta, il-liġi Maltija tkun konformi miegħu. Dan isir billi joħorġu regolamenti li jikkorrispondu ma` dawn l-obbligazzjonijiet internazzjonali. Il-website tal-MEPA għar-rigward tad-Direttorat għall-Ambjent għadha fi stat ta` kostruzzjoni. F`din il-website wieħed jista` jsib ir-rapporti dwar l-istat ta` l-Ambjent. Dawn ir-rapporti jinkludu listi ta` trattati iffirmati minn Malta. It-talba tal-Onor. Membru ġiet innotata.
Leg 9 PQ #37772 Sitting 839 2002-12-16 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

MEPA — Bonn Convention on Migratory Species

Question

Malta tifforma parti mill-Bonn Convention on Migratory Species? Malta qegħda tikser din il-konvenzjoni? Malta għamlet xi riservi mad-dħul ta' din il-konvenzjoni? X'kienu dawn ir-riservi? Kif ser jiġi affettwati dawn ir-riservi mad-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea? Il-MEPA bagħtet xi rapporti? Veru li r-rapporti suppost kellhom jaslu fis-Segretarjat sa Frar ta' din is-sena iżda fil-fatt għadhom lanqas biss intbagħtu? X'politika jew pjan ta' azzjoni qed tħaddem jew beħsiebha tħaddem Malta rigward l-għasafar tal-passa u kif ser tiġi affettwata wara s-sħubija?

Response (BORG, TONIO)

Malta iffirmat il-Bonn Convention on Migratory Species. Malta la hi qed tikser din il-Konvenzjoni u lanqas għamlet riservi ma` d-dħul ta` din il-konvenzjoni. Sa issa għadhom ma ntbagħtux rapporti. Malta hija msieħba ġdida ta` din il-konvenzjoni. Għaldaqstant issa qed tibda timplementa dan it-trattat. Il-MEPA ġabret tagħrif fuq speċi tal-passa bħal ma` huma l-friefet il-lejl. Qed jiġi mfassal pjan ta` Azzjoni fuq ic-Cetaci. Rigward l-għasafar tal-passa, il-Gvern hu kommess li jwaqqaf l-ORNIS Committee sa l-aħħar tas-sena 2002.
Leg 9 PQ #37513 Sitting 838 2002-12-16 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Qorti — Moħqrija ta' l-annimali

Question

Kemm kien in-numru ta' persuni li tressqu l-qorti fuq moħqrija fuq l-annimali matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej: 1998 1999 2000 2001 2002* 5 6 15 11 29 *sal-30/11/02 L-Onor. Interpellant jiehu gost jinnota li l-prosekuzzjonijiet dwar mohrija ta' l-annimali zdied b'sitt darbiet f'dawn l-ahhar erba' snin.
Leg 9 PQ #37676 Sitting 838 2002-12-16 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija/permessi — Nies li jaqraw ix-xorti

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk persuni li jgħidu li jaqraw ix-xorti jew jagħmlu attivitajiet oħra simili, għandhomx bżonn li jkollhom permess tal-pulizija? Jekk iva, kemm hawn min għandu permess u f'liema lokalitajiet jinsabu?

Response (BORG, TONIO)

Peress illi liċenzji għall-attivitajiet kummerċjali u affarijiet anċillari jew konnessi ma` dawk l-attivitajiet m`għadhomx amministrati mill-Pulizija, ġentilment nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #37703 Sitting 838 2002-12-16 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Portokol u trattati — Ambjent

Question

Tul dawn l-aħħar erba'snin, kemm-il protokol, konvenzjoni u trattat dwar l-ambjent iffirmat Malta? Kemm ir-rapport hemm dwar ksur ta' trattati u nuqqas ta' konformita' minn Malta? Hemm xi implikazzjonijiet marbuta ma dan in-nuqqas ta' konformita'?

Response (BORG, TONIO)

Jien infurmat li tul dawn l-ahhar erba' snin kien hemm total ta' 16-il Protocol, konvenzjoni u trattati dwar l-ambjent iffirmati minn Malta. Ma kienx hemm rapporti dwar ksur tat-trattati jew nuqqas ta konformita`.
Leg 9 PQ #37704 Sitting 838 2002-12-16 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Konvenzjoni ta' Biodiversita' — MEPA

Question

Malta irratifikat il-Konvenzjoni tal-Biodivarsita'? Jekk le għaliex? Jista' jkun il-każ li dawn ir-ratifikazzjonijiet jkun fihom xi riservi dwar iċ-ċirkostanzi soċjali u kulturali ta' Malta? Jekk Malta tingħaqad ma' l-Unjoni Ewropea, dawn ir-riservi jiġu nklużi fil-Bird's Directive? X'azzjoni effettivi (barra dawk leġislattivi) ttieħdu dawn l-aħħar erba' snin mill-awtoritajiet Maltin u l-Ministeru ta' l-Ambjent partikolari, speċjalment dawn l-aħħar 12-il xaħar mill-MEPA, biex jiġi żgurat li jiġi mplimentat il-Convention on Biological Diversity?

Response (BORG, TONIO)

Malta irratifikat il-Konvenzjoni tal-Biodiversita` (CBD) fis-sena 2000. Din ir-ratifika ma fiha l-ebda rizervi dwar cirkostanzi socjali u kulturali ta' Malta ghax din il-konvenzjoni tifforma bazi li fuqha tigi iffurmata ligi lokali. Il-Konvenzjoni hija strument generali u mhux specifika bhal ma hi l-Birds Diretive. Is-CBD m'ghandiex effett dirett fuq il-'Birds Directive'. Dawn huma l-azzjonijiet effettivi li ttiehdu dawn l-ahhar erba' snin fir-rigward tas-CBD: qed jigu ffinalizzati pjanijiet ta' azzjoni fuq biodiverstia` importanti. gew identifikati zoni ta' valur ambjentali. gew, u ser jigu protetti numru ta' nhawi u speci li jghixu fihom. saru, u qed isiru kampanji edukattivi f'dan ir-rigward. saret 'Clearing House Mechanism' (CHM) kif mitlub mil-konvenzjoni
Leg 9 PQ #37705 Sitting 838 2002-12-16 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Cartagena Protocol on Biosaftey

Question

Malta rratifikat il-Cartagena Protocol on Biosafety? Jekk le għaliex ma' ġietx ratifikata u meta bi ħsiebhom l-awtoritajiet jirratifikawha? X'azzjoni effettiva (barra dik leġislattiva) ittieħdet dawn l-aħħar erba' snin mill-Awtoritajiet Maltin u mill-Ministeri ta' l-Ambjent, u partikolarment dawn l-aħħar 12-il xaħar mill-MEPA, biex jiġi żgurat li l-ebda LMO (Living modified organisims) jew GMO (genetically modified organisims) ma ġewx jew qed jiġu ntrodotti fl-ambjent tagħna. Tul dawn l-aħħar erba' snin, kemm-il prodott, inkluż prodotti ta' konsum (lokali u ta' barra) magħmula mill-LMOs or GFOs sabu ruħhom fis-swieq? X'azzjoni ttieħdet? X'informazzjoni ngħatat lill-pubbliku dwar il-kontenut ta' dawn il-prodotti mill-media, television, gazzetti lokali etc?

Response (BORG, TONIO)

Le, Malta ghada ma rratifikatx il-'Cartagena Protocol on Biosafety', ghax ghada qed tigi analizzata is-sitwazzjoni ta' Malta fir-rigward ta kif ha taffetwa il-kummerc ta' speci, fuq provvedimenti tal-WTO. Saret analizi tas-sitwazzjoni prezenti f'Malta fuq GMOs u LMOs, izda l-ebda GMOs jew LMOs ma dahlu fl-ambjent naturali ta' Malta. Gie mwaqqaf ukoll Kumitat Konsultattiv fuq il-Biosigurta` li jinkludi rapprezentanti minn numru ta' ministeri relevanti.
Leg 9 PQ #37706 Sitting 838 2002-12-16 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Konvenzjonijiet u trattati — Ambjent

Question

Jekk Malta ssir membru ta' l-Unjoni Ewropea, dawn il-konvenzjonijiet u trattati dwar l-ambjent, kif se jaffettwaw lil Malta? X'impatt negattiv jista' jkollhom fuq l-industrija lokali wara s-sħubija? Per eżempju x'impatt ikollu il-Climate Chane Convention, il-Kyoto Protocol, il-Montreal Protocol, il-UNECE Convention u protokolli fuq l-industrija lokali? Kemm hu mistenni li jintilfu mpjiegi u xi studji saru sabiex juru dan jew x'rakkomandazzjonijiet saru biex ma jintilfux impjiegi? Kemm minn dawn l-istudji intbagħtu lill-rappreżentanti tal-ħaddiema u ta' l-industrija? Veru li appena nsiru membri ma nkunux nistgħu nimpurtaw CFCs u kif se taffettwa lill-pubbliku u l-industrija u x'inhuma l-implikazzjonijiet ekonomiċi? Xi strateġija għandu l-Gvern presenti sabiex iħares l-industrija u l-impjiegi? X'ġie negozjat mill-Gvern f' dan ir-rigward? Għaliex l-MIC qatt ma ssemmi xejn f'dan ir-rigward fil-propoganda tagħha, jiġifieri l-leġizlazzjoni ambjentali versus telf ta' mpjiegi partikolarment mħabba għeluq ta' fabbriki?

Response (BORG, TONIO)

L-obbligi ta' Malta fil-konvenzjonijiet li taghhom hija membru mhux se jinbidel ghax issir membru ta' l-Unjoni Ewropeja. F'xi kazijiet remoti biex Malta tkun konformi ma' l-ligijiet ta' l-Unjoni, ghaliex l-istandards ambjentali ta' l-Unjoni huma kultant ghola minn dawk ta' l-konvenzjonijiet, Malta jkollha l-ligijiet domestici aqwa mill-obbligazzjonijiet internazzjoniali li ghandha. L-Onor. Membru tajjeb ikun jaf li saru diversi laqghat mas-setturi kkoncernati u kif dawn jistghu jbiddlu il-mod tal-produzzjoni taghhom sabiex jadegwaw ruhhom minghajr telf ta' mpjiegi u ordnijiet. Inzid nghid illi fil-hafna laqghat li saru bi preparazzjoni ghall-process ta' negozjati dwar il-Kapitlu tal-Ambjent, hadu sehem diversi ghaqdiet u organizzazzjonijiet, fosthom organizazzjonijiet mhux governattivi u l-Federazzjoni tal-Industrija li naturalment hadu hsieb ta' l-ewwel interess tal-pubbliku in generali u tat-tieni tal-membri taghhom. Peress li l-Gvern ma jaqbilx ma l-assunzjoni ta' l-Onor. Membru l-istandards ambjentali ahjar itellfu l-impjiegi, mhux qed tigi mwiegba it-tielet parti tal-Mistoqsija.
Leg 9 PQ #37738 Sitting 838 2002-12-16 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Sparar imbjank fil-pubbliku

Question

Billi f'domanda parlamentari oħra il-Ministru ta' x'jifhem li s-Segretarju Parlamentari għall-isport ma kiser ebda liġi meta spara senter taż-żewġ fil-pubbliku mingħajr permess, jista' il-Ministru jgħid għaliex ma ħax passi biex jiċċara jekk il-fatt hux reat jew le, li sparar ta' skrataċ imbjank fil-pubbliku? Jekk dan hu reat għaliex ma ħax passi? Jekk mhux, jista' jiċċara dan il-fatt għaliex hawn ħafna nies li jixtiequ jisparaw skrataċ imbjank fil-pubbliku?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fiċ-ċirkostanzi tal-każ li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant, ma jidhirx li kien hemm xi ksur ta` liġi.
Leg 9 PQ #37754 Sitting 838 2002-12-16 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

MEPA — Permess PA006611/00

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi biex jassigura li l-iżvilupp li qiegħed isir skond il-permess PA006611/00 maħruġ fil-25 ta' Lulju, 2002 jinżamm milli jitkompla mill-MEPA peress li hemm appell pendenti quddiem il-Bord ta' l-Appelli ta' l-istess MEPA bin-numru PAB321/02 TSC?

Response (BORG, TONIO)

L-Onor. Membru hu mitlub jirreferi ghal-ligi li tirregola l-Ippjanar ta' l-Izvilupp dwar dan.
Leg 9 PQ #37512 Sitting 837 2002-12-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Talbiet għal-artijiet — Għaqdiet/clubs

Question

Kemm huwa n-numru ta' l-għaqdiet/clubs etc, li qed jitolbu lid-dipartimenti ta' l-artijiet, faċilitajiet u jew fond/bini sabiex joperaw u jmexxu l-quddiem l-għanijiet tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Il-proċedura stabbilita` sabiex għaqdiet u clubs jakkwistaw faċilitajiet u jew bini sabiex joperaw u jmexxu l`quddiem għanijiet tagħhom hija li dawn japplikaw għand il-Kunsill Malti Sports fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni, li mbagħad jikkoordina mat-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern fir-rigward. Għalhekk nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.
Leg 9 PQ #37574 Sitting 837 2002-12-12 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Għases tal-pulizija — Ħinijiet tal-ftuħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-ħinijiet tal-ftuħ ta' l-għases fil-lokalita' ta' Raħal Ġdid, Ħal Tarxien, il-Marsa, Sta. Luċija u l-Gudja?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn dawk l-Għases imsemmija mill-Onorevoli Interpellant, dik ta` Raħal Ġdid ma tkun magħluqa qatt, minħabba li hija l-Għassa prinċipali tad-Distrett, filwaqt li fl-oħrajn regolarment ikun hemm kuntistabbli dettaljat. Madankollu, jista` jkun hemm drabi fejn l-eżiġenzi tas-servizz ikunu jirrikjedu lill-kuntistabbli li jkun għassa joħroġ fuq xogħol, bil-konsegwenza li l-għassa jkollha tingħalaq f`dawk il-ħinijiet.

Periklu — Bini

Question

Peress li l-faċċata tal-ħanut bl-indirizz 28 Triq ix-Xatt Pieta' hu fi stat perikoluż, tista' tittieħed xi azzjoni biex ma tibqax ta' periklu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija qed tieħu l-passi meħtieġa skond il-liġi.
Leg 9 PQ #37637 Sitting 837 2002-12-12 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Installazzjoni ta' cameras — Speed cameras

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-ispeed cameras bdewx jiġu wżati? Jekk fl-affermattiv x'riżultati kien hemm mill-installazzjoni ta' dawn il-cameras?

Response (BORG, TONIO)

B`żieda mat-tagħrif li jien kont tajt fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 34670, ninsab infurmat illi kien hemm 105 sewwieq li ingħataw ċitazzjonijiet wara li ġew irreġistrati fuq l-speed camera li kienu qed isuqu b`veloċita aktar minn dik permessibli.
Leg 9 PQ #37641 Sitting 837 2002-12-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Wied il-Għajn — Għassa tal-pulizija

Question

Hemm xi ħjiel li se tinfetaħ għassa tal-pulizija b'mod kontinwu f'Wied il-Għajn biex tilqa għal bżonnijiet dejjem jikbru tal-lokalita'?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Għassa ta` Wied il-Għajn qed tkun miftuħa u regolarment ikun hemm kuntistabbli jew surġent dettaljat hemmhekk. Madankollu, jista` jkun hemm drabi fejn l-esiġenzi tas-servizz ikunu jirrikjedu lill-kuntistabbli jew surġent li jkun għassa joħroġ fuq xogħol fil-lokal, bħal ma` hija ronda u ħtiġijiet oħra relatati max-xogħol tal-Pulizija, bil-konsegwenza li l-Għassa jkollha tingħalaq f`dawk il-ħinijiet. Barra minn hekk, ninsab infurmat ukoll illi bħalissa f`din l-Għassa qed isir xogħol ta` manutenzjoni sabiex jitjieb is-servizz mogħti mill-Pulizija ġewwa dan il-lokal.

Valletta — Triq it-Teatru l-Antik

Question

Jista il-Ministru jgħid jekk il-fond 121 Triq it-Teatru l-Antik Valletta huwiex tal-Gvern? Jekk fl-affermattiv, huwa mikri? Jekk le, jistax joħroġ għall-kera?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-fond nru. 121, Triq it-Teatru l-Antik, Valletta huwa proprjeta` tal-Gvern. Għalkemm, issejħu offerti għall-kiri ta` dan il-fond u sar ix-xogħol kollu f`dan ir-rigward, il-ftehim aħħari ma ġiex iffirmat peress illi wieħed mill-offerti beda proċeduri legali kontra l-Gvern.
Leg 9 PQ #37650 Sitting 837 2002-12-12 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Dipartiment ta' l-Artijiet — Talbiet pendenti

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 37455. jista' il-Ministru jgħid ukoll jekk hemmx talbiet pendenti quddiem id-Dipartiment ta' l-Artijiet biex din l-art tiġi żviluppata? Jekk fl-affermattiv minn min saru dawn it-talbiet u f'liema stadju waslu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern kellha talba mill-Kunsill Lokali sabiex tiżviluppa parti mill-art in kwistjoni fi ġnien. Din it-talba ġiet irrifjutata minħabba l-possibilita` li l-art għandha potenzjal ta` żvilupp.
Leg 9 PQ #37664 Sitting 837 2002-12-12 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Serq ta' vetturi u minn vetturi

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 37462?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul Novembru 2002, ġew irrapurtati lill-Pulizija 57 każ ta` serq ta` vetturi u 313 każ ta` serq minn vetturi.
Leg 9 PQ #37665 Sitting 837 2002-12-12 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Rapporti ta' serq

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 37461?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul Novembru 2002 il-każi ta` serq li ġew irrapurtati lill-Pulizija kienu kif jidher hawn taħt:- Hold up 6 Pick Pocketing 59 Snatch & grab 6 Serq minn dgħajjes 6 Serq ta` dgħajjes - Serq ta` karozzi 57 Serq minn karozzi 313 Serq minn barijiet/lukandi 69 Serq minn fabbriki 9 Serq minn residenzi 49 Serq minn ħwienet 41 Serq minn xtajtiet 1 Serq ieħor 237