Peress li ħafna studenti jilmentaw li l-Biagio Examination Centre mhuwiex adegwat u komdu biex isiru eżamijiet, jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li l-eżamijiet jibdew isiru x'imkien ieħor?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li iċ-Ċentru ta' l-Eżamijiet ta' Biagio huwa wieħed minn tlett ċentri li huwa speċifikament għall-użu tad-Dipartiment ta' l-Eżamijiet.
B'hekk id-Dipartiment jista' jagħmel użu minn dawn iċ-ċentri (inkluż iċ-Ċentru ta' Biagio) biex imexxi l-eżamijiet li jsiru matul il-ġurnata meta l-iskejjel ikunu okkupati.
Madnakollu iċ-Ċentru ta' l-Eżamijiet ta' Biagio huwa wkoll inkluż fil-programm ta' modernizzar li d-Dipartiment qiegħed iwettaq fiċ-Ċentri ta' l-Eżamijiet.
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid kemm ingħataw flus s'issa lill-ġenituri li t-tfal tagħhom imorru fl-iskejjel privati? Liema ġenituri jikkwalifikaw għal din l-għotja?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din l-iskema kienet amministrata mill-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni fis-sena 2001 biss. L-ammont mogħti dik is-sena lill-ġenituri tat-tfal li kienu jattendu skola privata kien ta’ Lm412,710. Kienu jikkwalifikaw dawk it-tfal li kienu ta’ eta’ ta’ Skola Primarja (5 snin) sa Skola Sekondarja (16-il sena) u li kellhom għall-anqas wieħed mill-ġenituri tagħhom ta’ nazzjonalita’ Maltija.
Mis-sena 2002 ‘l quddiem, din l-għajnuna bdiet tingħata mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni f’forma ta’ aġevolazzjoni fit-taxxa.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 2456 dwar direct orders, jista' il-Ministru jagħti d-dettalji relevanti bħal ngħidu aħna l-ammont individwali għal kull direct order kif ukoll x'kien ix-xogħol u min għamel dan ix-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
F'dan l-istadju m'għandi xejn x'inżid mat-tagħrif rilevanti li diġa' tajt.
Mhux il-każ li wieħed jagħti d-dettalji mitluba li dejjem jiġu verifikati mill-awditur tal-Kulleġġ, tal-Gvern u ta' l-NAO.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 2408, jista' il-Ministru jgħid jekk fir-rigward tas-Secretarial Services Ltd inħarġitx tender jew le? Jista' jgħid ukoll jekk saritx il-proċedura normali li l-ewwel jinkitbu lill-ETC? Jista' jgħid ukoll jekk din l-istess kumpannija hux l-istess waħda li saret il-kirja tal-post mingħandha? X'inhi l-pożizzjoni fil-preżent dwar il-post li huwa mikri lill-FTS meta dan kien mikri b'mod temporanju?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fir-rigward tas-Secretarial Services Ltd., din kienet direct order li nħarġet skond ir-regolamenti bil-permess meħtieġ tal-Ministeru tal-Finanzi.
Is-servizz ta' temping ma jirrikjedi l-ebda proċedura fejn għandha tiġi mgħarrfa l-ETC.
Informat ukoll li l-post minn fejn topera l-FTS m'huwiex tas-Secretarial Services Ltd., imma ta' l-AON Insurance Brokers. L-FTS għandha l-permess tal-Ministeru tal-Finanzi biex topera minn Ta' Xbiex. L-għażla tal-post saret wara sejħa pubblika fil-gazzetti.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienu u min kienu dawk li applikaw għall-Avviż Nru. FTS 131/03 għal tindif ta' darba f'diversi skejjel primarji u sekondarji f'Malta? Jista' jgħid ukoll min kien dak li ġie magħżul għal dawn ix-xogħlijiet u kemm kienu l-offerti ta' kull wieħed? X'xogħlijiet twettqu s'issa minn dak li ġie magħżul u kemm tħallas?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li saru erbgħa offerti għal din is-sejħa. L-applikanti kienu dawn:
Tender No. 3 Omajco Cleaners Ltd. Lm 6,350.00
Tender No. 4 Clentec Cleaning Services Ltd. Lm 7,898.50
Tender No. 1 Premier Cleaning Services Lm 9,468.00
Tender No. 2 Bad Boy Cleaning Services Lm11,584.50
It-tender ġie mogħti lil Omajco Cleaners Ltd. għal prezz ta' Lm 6,350.00.
Ix-xogħol jikkonsisti fit-tneħħija ta' debris, trabijiet u tindif tal-parti tal-Junior Lyceum Sir Adrian Dingli li għadda minn fażi ta' rikostruzzjoni u refurbishment. S'issa għadu ma sar l-ebda pagament peress li l-kontijiet qed jiġu verifikati.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux se ssir konferenza dwar il-Malti bl-istess mod li se ssir għal-lingwa Ingliża? Jekk iva, meta se ssir u x'inhuma l-miri ta' din il-konferenza?
Jista' il-Ministru jgħid x'ġie mplimentat minn dak li nsibu fil-kurrikulu nazzjonali sal-ġurnata tal-lum? Jista' jgħid ukoll jekk sarx eżerċizzju ta' x'fadal jiġi mplimentat mill-istess kurrikulu u t-target dates sabiex dawn jiġu mplimentati?
Response (GALEA, LOUIS)
Skond il-pjan strateġiku għall-implimentazzjoni tal-Kurrikulu Nazzjonali, kull skola tfassal it-twettiq tal-Kurrikulu permezz tal-Pjan ta' Żvilupp ta' kull skola li jħares lejn il-bżonnijiet u s-sitwazzjonijiet ta' l-iskola partikolari.
Issa ser jinbeda eżerċizzju li jkopri l-iskejjel kollha biex jirraporta dwar l-iżviluppi u r-riżultati miksuba u fl-istess ħin jiġi aġġornat il-Kurrikulu fid-dawl tal-bidliet li seħħu fl-aħħar snin u dawk li qed jiġu diskussi.
Jaqbel il-Ministru li f'dawk il-korsijiet fejn hemm ammont eċċessiv ta' studenti jogħlew il-kwalifiki għal dawk li jkunu jridu jidħlu l-Universita`, bħalma jiġri, per eżempju, fil-kors tal-mediċina, u kif jiġri del resto f'ħafna pajjiżi Ewropej?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kwalifiċi għad-dħul huma stabbiliti mill-Universita' biex jirriflettu il-preparazzjoni akkademika meħtieġa biex persuna tkun tassew tista' issegwi kors partikolari bir-riżultati meħtieġa.
Il-policy tal-Gvern, hi li l-Universita' għandha tkun miftuħa għal kull min hu kapaċi jsegwi xi kors ta' l-għażla tiegħu/tagħha u li jkun disponibbli fl-Universita'. Fil-ftit korsijiet fejn in-numru ta' studenti li jidħlu hu limitat, dan hu hekk biss għax il-kors innifsu ma jippermettix li jkun hemm numru ta' studenti bla limitu.
Il-Gvern waqqaf ukoll l-MCAST biex joffri għażla ħafna aktar wiesgħa għal studju u taħriġ post-sekondarju, vokazzjonali u akkademiku. X'inhu meħtieġ hu programm aktar effettiv ta' iggwidar u pariri għall-karrieri ibbażati fuq għarfien aktar akkurat u informat tas-suq tax-xogħol.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ġewx preżentati xi rapporti mill-focus groups tal-kurrikulu nazzjonali? Jekk iva, jista' ipoġġi kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?
Hemm xi xogħol ieħor li twettaq minn dawn il-focus groups? Jekk iva, jista' jgħid fiex kienet tikkonsisti din il-ħidma?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul il-perjodu li kienu mwaqqfa formalment il-'Focus Groups', cioe' minn Novembru 2001 sa Novembru 2003, dawn ħadmu biex iwettqu tipi diversi ta' xogħol. Dan ix-xogħol għadu għaddej sal-ġurnata tal-lum u ħafna minnu qed jiġi evalwat.
Fost oħrajn dan ix-xogħol kien jikkonsisti f'laqgħat ma' għalliema, kapijiet ta' skejjel kif ukoll f'laqgħat mal-ġenituri dwar twettiq ta' diversi partijiet tal-Kurrikulu.
Uħud mill-gruppi ippreżentaw ukoll rapporti li pero' f'dan l-istadju mhumiex għall-pubblikazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-focus groups li ġew imwaqqfa minħabba l-kurrikulu nazzjonali? Jista' jgħid ukoll min huma n-nies li qed iservu fuq kull focus group? Jista' jgħid jekk kienx hemm xi riżenji minn dawn il-focus groups u kemm jitħallsu dawk li qegħdin f'dawn il-groups?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-Focus Groups dwar il-Kurrikulu Nazzjonali li huma magħmulin minn għalliema li ġejjin mill-iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisja u Indipendenti kif ukoll mill-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni.
Informat li ir-rata tal-ħlas tal-membri hi Lm5.00 fis-siegħa, tal-Co-Ordinators hi ta' Lm6.00 fis-siegħa. Rati tal-ħlas ta' l-Uffiċjali Edukattivi waqt il-ħin tax-xogħol hi ta' 75% tar-rata indikata.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiġi ntrodott skema ta' tagħlim modern permezz ta' kotba għal-lingwa Maltija, kif hu maħsub li jsir għal-lingwa Ingliża? Jekk le, jista' dan isir minħabba li l-kotba wżati fil-preżent ma tantx huma validi fiż-żmien tal-lum?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalisssa ma hemm ebda l-ebda eżerċizzju għaddej li jwassal għal introduzzjoni ta' kotba ġodda għat-tagħlim tal-Malti. Ma hux eskluż li jiġu introdotti kotba ġodda, wara li sseħħ kkonferenza nazzjonali dwar it-tagħlim tal-Malti.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hijiex għaddejja inkjesta interna fi ħdan id-diviżjoni jew il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni dwar il-ħsieb li tiġi ntrodotta skema ta' kotba għal-lingwa Ingliża? Jekk iva, x'wassal għal din l-inkjesta u fiex waslet? Jista' ipoġġi kopja tar-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra meta dan ikun konkluż?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni stħarrġet ilment ta' wieħed mill-importaturi tal-kotba li offra il-bejgħ ta' kotba tal-lingwa Ingliża għall-ewwel sena ta' l-iskejjel primarji. Ir-rapport hu intern għad-Diviżjoni u mhux għall-pubblikazzjoni minħabba li it-tender konċernata għadha qed tiġi proċessata.
Jista' il-Ministru jgħid jekk issirx diskriminazzjoni pożittiva ma' skejjel fejn hemm problemi soċjali u problemi fit-tagħlim, sabiex il-klassijiet ikunu anqas kbar u ffullati? Jekk iva, jista' jara li dan iseħħ fl-iskola u fis-sena li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-fattur bażi li jiddetermina n-numru ta' studenti fil-klassijiet ta' l-iskejjel statali huwa l-Agreement uffiċjali bejn il-Gvern u l-Union ta' l-għalliema. Id-daqs fiżiku tal-klassijiet f'kull skola partikolari u l-fatturi soċjali fit-tagħlim jiġu wkoll kunsidrati u jsiru arranġamenti jekk u meta dan ikun possibbli.
Fl-iskola u s-sena li għaliha qiegħed jirreferi l-Onor. Membru hemm żewġ klassijiet li fihom hemm 23 u 20 student rispettivament, meta wieħed jikkonsidra li n-numru massimu ta' studenti li jista' jkun hemm fi klassi huwa 30, wieħed jirrealizza li f'dan il-każ id-daqs tal-klassi huwa raġonevoli ħafna.
Dipartiment ta' l-edukazzjoni — Għalliema li qed tiġi ripetutament trasferita
Question
Jista' il-Ministru jgħid għalfejn il-kindergarten assistant li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, qiegħda tkun ripetutament trasferita minn skola għal oħra, anke jekk fuq temporary transfer? Jaf li hemm persuni oħrajn li ġew warajha fl-interview li mhux qed jingħataw dan it-trattament?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kindergarten assistant imsemmija ingħatat transfer wieħed matul din is-sena skolastika.
Hija kienet qegħda fi skola fejn ma kien ser ikollha l-ebda klassi matul ix-xhur kollha ta' din is-sena skolastika. Hija ntbagħtet tieħu l-klassi ta' kindergarten assistant li ħarġet fuq long sick leave, fi skola differenti.
Ta' min jgħid li l-kindergarten assistant imsemmija li ġiet trasferita, hija l-iżjed junior fl-iskola li minnha ġiet trasferita.
Jista' il-Ministru jara li jinstab xi rimedju biex studenti li jkunu jridu jidħlu fil-kors tal-mediċina u jkunu ġabu l-punti meħtieġa ma jibqgħux barra mill-kors? Jista' jikkonferma li jista' j iġri li jkun hemm studenti li jġibu tliet "B"'s fl-eżamijiet (56 punt) u jidħlu għall-kors, filwaqt li oħrajn li jġibu "A", "B" u "C" (56 punt ukoll) jew 2 "A"'s u "C" (68 punt) jibqgħu barra mill-kors?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li is-sistema tal-punti għad-dħul f'xi kors l-Universita' ilha sew li spiċċat.
Informat ukoll li l-grad rikjest f'xi suġġett biex wieħed jibda kors hu marbut mal-ħtieġa ta' livell adegwat f'dak is-suġġett. Mhux bilfors li livell ogħla f'suġġett jista' jagħmel tajjeb għall-livell aktar baxx f'suġġett ieħor. B'danakollu l-osservazzjonijiet ta' l-Onor. Membru ġew mogħddija lill-Universita' għal konsiderazzjoni ta' l-awtorita' kompetenti li f'materja bħal din taġixxi b'mod għal kollox awtonomu.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm gradwati li qed jirreġistraw għax-xogħol? Jista' jagħti dettalji dwar minn liema korsijiet ġejjin u kemm ilhom jirreġistraw?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
Jista' il-Ministru jgħid jekk sarx studju sabiex jiġi stabbilit is-suq tax-xogħol u x'tip ta' gradwati l-iktar li għandna bżonn? Jekk fl-affermattiv, jista’jgħid xi sforzi qed jagħmel l-istess gvern sabiex jattira studenti f'dawn il-linji ta' studju?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kemm l-ETC kif ukoll l-Universita' jagħmlu studji bħal dawn, u wara dawn huma wżati mill-Guidance Teachers fl-iskejjel u mill-Counsellors u Advisors fil-Junior College u l-Universita' meta jingħataw pariri lill-istudenti kemm b'mod kollettiv kif ukoll individwalment.
Universita' — Studenti li qed isegwu xi tip ta' kors
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm studenti preżentement fis-segwenti korsijiet: liġi, mediċina, dentistrija, edukazzjoni, arkitettura, inġinerija, B.Com., B.A.(Accts)?
Jista' jgħid f'liema korsijiet huma ammessi mature students u kemm hemm minn dawn l-istudenti u jagħti dettalji?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.