Legislature:
Category:
Reset
Active:

Vettura FBN — 608

Question

Jista' il-Ministru jgħid għalfejn għadu ma ħariġx il-permess għal-liċenzja u għar-reġistrazzjoni ta' vettura FBN - 608? Jista' jgħid meta se joħroġ dan il-permess?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li din il-vettura ġiet reġistrata mad-Direttorat tal-Liċenzji u Testijiet fit-12 ta' Ġunju 2002. Peress li din il-vettura ma kienitx ġdida meta din ġiet reġistrata, is-sid kien mitlub jippreżenta Inspection Form mingħand i-pulizija qabel ma tinħareġ il-liċenzja tat-triq. Fis-7 ta' Novembru 2003, il-pulizija informat id-Direttorat tal-Liċenzji u Testijiet li ma għandix oġġezzjoni għal-liċenzja ta' din il-vettura u għaldaqstant din il-vettura tista tiġi liċenzjata.

UE — Ban on spam directive

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti addottax id-direttiva dwar privacy and electronic communications ta' l-Unjoni Ewropea li hi magħrufa aħjar bħala l-ban on spam directive?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-direttiva numru 2002/58/EC ta' l-Unjoni Ewropeja intitolata "dwar l-ipproċessar ta' data personali u tal-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika" ġiet addotata kważi pjenament tramite l-Avviżi Legali 16 u 19 ta' l-2003. Il-parti li tikkonċerna l-spam mail tinsab fir-regolament 10 ta' l-A.L. 16 tat-2003.

Għawdex — Bajja tax-Xlendi - hump

Question

Peress li fil-bajja tax-Xlendi s-sajf li għadda s-sidien ta' diversi stabbilimenti lmentaw dwar il-problema tat-traffiku u saħansitra ġiet ippreżentata petizzjoni lill-kunsill lokali tal-Munxar, peress li issa ġejja x-xitwa u fil-bajja tax-Xlendi jkun hemm kumulu ta' ilma li jikkawża ħsara lill-istabbilimenti iktar u iktar issa li hemm hump li żżomm l-ilma, jista' il-Ministru jikkonsidra dawn il-problemi u jara kif isolvi jew ta' l-inqas itaffi l-inkonvenjent ta' dawn in-nies?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li meta l-Awtorita' dwar it-Trasport ikkonsultat mal-Kunsill Lokali tal-Munxar ġiet infurmata li fil-ġranet li gejjin din il-hump ser titneħħa.

Tas-Sliema — Proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jinfurmani jekk ix-xogħlijiet ta’ uċuh ġodda fix-xatt ta’ Tas-Siema u fi Triq it-Torri biswit il-pjazzetta, sarux mill-gvern ċentrali? Fil-każ affermattiv kemm swew? Kien hemm sehem mill-kunsill lokali ta’ Tas-Sliema?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li riċentement l-Awtorita' dwar it-Trasport għamlet xogħlijiet ta' tiswija fl-uċuħ ta' parti minn Triq it-Torri u ta' parti minn Triq ix-Xatt li taqa fil-konfini tal-Kunsill Lokali tal-Gzira, biex jitneħħa periklu li kien qed jinħoloq għall-vetturi tat-trasport pubbliku, wara li kienu ġew ikkonsultati ż-żewġ kunsilli kkonċernati. Dan ix-xogħol ġie jiswa madwar Lm8000.

Birkirkara — Traffic lights

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta d-direttorat tat-toroq fi ħdan l-awtorita' tat-trasport pubbliku għandu l-ħsieb li jinstalla t-traffic lights fil-junction bejn Triq Salvu Psaila u Triq Fleur-de-Lys, fejn il-cables għal dawn il-lights kienu diġa' ġew mgħoddija max-xogħlijiet fl-istess triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li meta saru x-xogħlijiet f'dan il-junction tqegħdu katusi bħala ducts sabiex jekk ikun hemm bżonn li jiġu mgħoddija xi cables, dawn ikunu jistgħu jgħaddu minn dawn id-ducts. Fir-rigward ta' traffic lights imsemmija mill-Onor. Interpellant, l-Awtorita' dwar it-Trasport għadha qed tikkunsidra jekk f'dan il-junction għandhomx isiru it-traffic lights.

Birkirkara — Pelican crossings

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk id-direttorat tat-toroq fi ħdan l-awtorita' tat-trasport pubbliku jikkonsidrax il-ħtieġa li ż-żewġ pelican crossings li jagħtu għall-Knisja ta' Santa Tereża min-naħa ta' Triq il-Wied u min-naħa ta' Triq Naxxar, jiġu mibdula fi traffic light crossings u dan minħabba li l-volum tat-traffiku u l-periklu li qed jinħoloq minħabba n-nuqqas ta' preċedenzi li qed tiġi mogħtija mis-sewwieqa meta n-nies jiġu biex jaqsmu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tajt struzzjonijiet lill-Awtorita' dwar it-Trasport biex tikkunsidra s-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant sabiex tara xinhu l-aħjar li jsir.

Karozzi tal-linja ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inġabu karozzi tal-linja ġodda? Kemm fadal li jridu jiġu? Dawk li qegħdin hawn kollha bdew jintużaw fuq ir-rotot? X'se jiġri minn dawk il-karozzi tal-linja li issa m'hemmx bżonnhom għax ġew il-ġodda flokhom?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li s'issa, 122 karozzi tal-linja ġodda ġew importati jew mibnija f'Malta. Mill-122 karozza, 37 għadhom qegħdin fil-proċess li jiġu liċenzjati, filwaqt li l-kumplament ta' 85 huma liċenzjati sabiex joperaw. Il-karozzi tal-linja l-qodma li qed jiġu mibdula mal-ġodda, bħalissa qegħdin jinżammu mill-Awtorita` dwar it-Trasport ta' Malta.

Tnaqqis fil-karozzi tal-linja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan biex ikun hemm tnaqqis fin-numru tal-karozzi tal-linja? X'se jiġri minn dawk li mhux se jitbiddlu mis-sidien tagħhom ma' karozzi ġodda u qdiemu sew?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li bħalissa għaddejin diskussjonijet ma' l-ATP fuq ir-riforma tan-network. L-Awtorita` minn naħa tagħha qed tagħmel l-istudju tagħha sabiex tistabbilixxi n-numru ottimu li hemm bżonn biex is-servizz jilħaq il-bżonnijiet tal-pubbliku. Jekk dan l-istadju jirriżulta li m'hemmx bżonn il-508 xarabank, wieħed irid isib il-mezz kif ser jimplimenta t-tnaqqis. Dawk il-karozzi li s-sidien tagħhom mhux ser ibiddlu x-xarabank iridu jassiguraw li jkunu tajbin għat-triq.

Trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjani hemm biex in-nies jitħajru jużaw it-trasport pubbliku u b'hekk iħallu l-vetturi privati tagħhom id-dar?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita` dwar it-Trasport ta' Malta flimkien ma' l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku qed jaħdmu flimkien fuq pjan sabiex jitkompla l-bdil ta' rotot eżistenti, filwaqt li - jiffaċilitaw l-ivjaġġar bil-karrozzi tal-linja, sabiex b'hekk is-servizz jattira aktar l-użu tal-passiġġieri. Għal dan il-għan studji qed isiru biex: Isir servizz aħjar ta' xogħol bi skeda bil-lejl; Jiġu introdotti rotot ġodda fuq rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill Lokali; Jiġu introdotti rotot ġodda u interchanges ġodda li iktar jiffaċilizzaw il-vjaġġ għall-passiġġieri. Huwa maħsub li b'dawn l-aranġamenti ġodda n-numru ta' passiġġieri ma jibqax jonqos.

Tal Barrani — Traffic Lights

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru t-traffic lights f'Tal Barrani meta toħroġ miż-Żejtun, eżattament minn Vjal il-25 ta' Novembru? X'qed iżomm biex dan ix-xogħol jibda?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ser toħroġ sejħa għal offerti għat-tqçgħid tat-traffic lights imsemija mill-Onor. Interpellant. Malli dan il-proċess ta' tendering jitlesta' x-xogħlijiet ikunu jistgħu jibdew.

Liċenzji tal-vetturi — Multi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il liċenzja tal-vetturi ma tħallewx jitħallsu għaliex is-sid kellu xi multa li ma kinitx tħallset u dan fl-ewwel 9 xhur tas-sena? Il-pulizija tiġi infurmata min huma dawk li ma ħallsux biex b'hekk jiġi żgurat li l-vettura ma tkunx qed tinsaq fit-triq? Il-wardens ikunu mgħarrfa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi d-Direttorat tal-Liċenzji u Testijiet m'għandux l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Dan għaliex is-sidien tal-vetturi li ma jġeddux il-liċenzja tal-vettura tagħhom, ma jagħtux raġuni għaliex ma jkunux ġeddew il-liċenzja. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, bħal ma jaf tajjeb l-Onorevoli Interpellant kull vettura jkollha mwaħħla mal-windscreen il-liċenza tat-triq u fuq din il-liċenzja jkun hemm id-data sa kemm tkun valida. Għalhekk ma hemmx għalfejn il-Pulizija u l-wardens ikunu mgħarrfa jekk il-liċenzja tat-triq ta' xi vettura patikolari tkunx tħallset jew le.

Testijiet tal-VRT

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm vetturi f'din is-sena li ma għaddewx mill-VRT aktar minn darba u b'hekk ma kinux tajba għat-triq? Kif jiġi żgurat li dawn jiġu skrappjati?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li n-numru ta' vetturi li ma għaddewx mill-VRT għal aktar minn darba minn Jannar 2003 sa Settembru 2003 jamonta għal 4656. Dawn il-vetturi huma ta' klassi 2 u klassi 3. Kull vettura li ma tgħaddix mill-VRT tingħata ċ-ċans li tagħmel it-tiswijiet meħtieġa qabel ma jerġa jsirilha test. La darba wara it-tiswijiet isirulha, din tgħaddi mit-test, il-vettura tingħata l-permess li taħdem fit-triq. Vettura li ma tgħaddix mill-VRT għal aktar minn darba, tingħata ċ-ċans li jsirulha aktar testijiet wara li tiġi rranġata u mhux bilfors tiġi skrappjata.

Karozzi liċenzjati f'pajjiżi ta' l-UE — Licence plate

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk wara l-1 ta' Mejju, 2004 huwiex permess li karozzi liċenzjati f'pajjiż ieħor ta' l-Unjoni jżommu l-licence plate barranija għall-perijodu twil?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi Regolament 12 tar-Regolamenti dwar il-Vetturi bil-Mutur jistipula li vettura li tkun f'Malta għal perjodu temporanju ma tistax iddum iżjed min 90 ġurnata f'Malta bil-licence plate baranija. Wara l-1 ta' Mejju 2004 m'hemmx il-ħtieġa li dawn ir-regolamenti jinbidlu u għaldaqstant m'huwiex permess li karozzi liċenzjati f'pajjiż ieħor ta' l-Unjoni jżommu l-licence plate barranija għall-perjodu twil.

Vetturi second hand — Importazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew importati vetturi second hand is-sena l-oħra u din is-sena? Minn liema pajjiż jiġu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-informazzjoni mitluba dwar vetturi mpurtati second hand hija kif ġej: 2002 (Jannar sa Diċembru) 3964 2003 (Jannar sa Settembru) 4115 Dwar il-vetturi impurtati minn dawn il-pajjiżi: Arabja Sawdija Ġappun Kuwajt Repubblika Ċeka Awstrija Ġermanja Malasja UAE Belġjum Irlanda Olanda UK Danimarka Jugoslavja Spanja USA Dubaj Kanada Svezja Franza Koreja t'Isfel Svizzera

Imtarfa By-pass — Xogħlijiet - Toroq

Question

Jista l-Ministru jinfurmani kemm swew ix-xogħlijiet li saru s’issa fil-by pass ta' l-Imtarfa? Kemm tħallsu f'pagamenti? Meta tħallsu u kemm għad iridu jitħallsu ? Kemm huwa stmat li se jiswew ix-xogħlijiet li fadal f'din il-by pass ? Meta fil-fatt bdew ix-xogħlijiet u meta huwa maħsub li jiġu finalizzati ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. Il-ħlasijiet qed isiru max-xogħol hekk kif kull biċċa mix-xogħol titlesta. L-ewwel fażi ta' dan il-proġett bdiet f'Awissu ta' l-1999 u x-xogħol kollu hu maħsub li jitlesta s-sena d-dieħla.

Rabat Malta — Tiswija ta' toroq

Question

X'ġara mit-talbiet li l-kunsill lokali tar-Rabat ressaq lill-Ministeru u jew lid-Dipartimenti li jaqgħu taht il-Ministeru sabiex jiġu rranġati t-toroq partikolari fil-lokal ? Liema huma t-talbiet li tressqu, kemm ġew milqugħa u x’xogħlijiet saru fuqhom? Liema għadhom pendenti u liema ma ġewx milqugħa ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li dan l-aħħar fir-Rabat saru Triq il-Mużew u Triq il-Wesa tal-Mużew kif ukoll saru Triq il-Kapella l-qadima, Triq il-Girna, Triq il-Qastan, N/S in Triq il-Lewż, Triq Patri Tumas u Triq Saverin Bianco fil-Baħrija. Sar ukoll ftehim bejn l-Awtorita' dwar it-Trasport u l-Kunsill Lokali tar-Rabat sabiex dan jagħmel Triq il-Kulleġġ, Triq Santu Wistin, Triq Doni (l-qadima), Triq San Martin, Triq Emanuele Vitale, Triq il-Mitħna, Triq Bir ir-Riebu, Triq San Katald, Pjazza San Pawl u l-Museum Esplanade minn fondi tiegħu bil-patt li dawn l-ispejjeż jitħallsu lura mill-Awtorita' f'perjodu ta' tliet snin. Fil-preżent l-Awtorita' dwar it-Trasport flimkien mal-Kunsill Lokali tar-Rabat identifikaw Triq l-Iskola, Triq tan-Namra u Triq Raddet ir-Roti li ġew inkluża fil-programm ta' kostruzzjoni ta' toroq u x-xogħol fihom isir aktar 'l quddiem skond il-prijoritajiet li jkollu quddiemu d-Direttorat.

Ġonna tal-buskett — Traffic signs

Question

Jista' il-Ministru jara li t-tabelli li juru d-direzzjoni tat-traffiku u l-one ways fil-ġonna tal-Buskett jerġgħu jitwaħħlu peress li dawn tneħħew u qiegħed ikun hemm konfużjoni sħiħa tat-traffiku?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena tlabt lill-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta tinvestiga l-ilment ta' l-Onor. Interpellant.

Awtorita' tat-trasport — Kuntratti

Question

X'kuntratti ħarġet l-Awtorita' tat-Trasport l-ADT mindu bdiet topera? F'liema oqsma? X'kien il-valur f'kull każ u liema kumpanniji rebħu dawn il-kuntratti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Ministeru għat-Trasport — Ħaddiema bil-kuntratt

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema bil-kuntratt mal-ministeru tiegħu li ma jagħmlux parti mis-segretarjat tal-ministeru jiġifieri fid-dipartimenti, korporazzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu? X'inhu x-xogħol tagħhom u x'tip ta' kuntratti definiti għandhom? Kif ġew magħżula għall-postijiet li qegħdin jokkupaw bħalissa? Kemm minnhom għandhom 'il fuq mill-eta' ta' l-irtirar?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Ħ'Attard — Triq Emvin Cremona - asfaltar

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-aħħar parti tat-Triq Emvin Cremona li tmiss ma' Triq P.P. Ruebens f'Ħ'Attard hemmx ħsieb li ta' l-inqas tingħata wiċċ asfalt biex jitnaqqsu t-trabijiet kbar li hemm fiha? Jista' jgħid kemm hu ppjanat li tiġi l-ispiża?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi t-triq imsemmija ġiet inkluża fil-programm ta' kostruzzjoni ta' toroq li qed isiru mill-Awtorita` dwar it-Trasport, u x-xogħol isir aktar il-quddiem skond il-prijoritajiet. L-istima tax-xogħol f'din it-triq tkun tista tiġi ppreparata meta x-xogħol ikun ser isir.