Il-fees li l-komunita’ kummercjali qed tiġi ccarġjata dwar id-data protection act huma statiċi jew hemm il-ħsieb li dawn jiżdiedu progresivament fil-ġejjieni?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'hemm xejn x'jorbot li l-fees li jitħallsu dwar id-data protection jibqgħu l-istess. Tant hu hekk, li dawn il-fees tbaxxew radikalment għal kuħadd u mhux għall-komunita' kummerċjali biss. Barra minn hekk, fil-każ ta' dawk li m'għandhomx impjegati magħhom, bħas-'self-employed', il-ħlasijiet tneħħew għal kollox.
Ministeru għat-Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Kiri ta' vetturi
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa għall-kirjiet ta' karozzi, vannijiet u vetturi oħra matul Jannar u Frar ta' din is-sena tal-ministeru u d-dekasteri li jaqgħu taħtu? Kemm kienet l-istess nefqa s-sena l-oħra, 2003?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Ħ'Attard — Toroq ta' quddiem l-isptar Monte Carmeli - riħa ta' drenaġġ
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'qed jikkawża r-riħa tad-drenaġġ insapportabbli fit-toroq arterji ta' quddiem l-isptar Monte Carmeli ftit 'il fuq mil-mixtla ta' Wied Inċita? Jista' jara li jiġu rranġati l-ħsarat ħċalli jiġi rimedjat l-inkonvenjent?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li r-riħa ta' drenaġġ fl-inħawi ta' Wied Inċita tiġi kkawżata meta jkun hemm xi sadd fil-main tad-drenaġġ li ħiereġ mill-isptar Monte Carmeli. Meta ma jkunx hemm sadd, bħal preżentament, ma jkunx hemm riħa.
B'riferenza għal dak li ġie rrappurtat fil-mezzi ta' l-istampa tal-ġimgħa li għaddiet minn diversi korrispondenti dwar ir-riżultati finanzjarji tat-Tarznari għas-snin 2002 u 2003 u anke għall-ewwel xahrejn ta' l-2004, jista' il-Ministru: a) jikkonferma jekk din hijiex il-pożizzjoni attwali tat-Tarznari; b) ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra r-rapporti finanzjarji għas-snin 2002 u 2003 u għall-ewwel xahrejn tas-sena 2004; c) jgħid jekk is-sitwazzjoni hija kif irrappurtata fl-istampa, x'wassal biex il-miri tal-gvern mill-bidunett tal-pjan marru żmerċ b'persentaġġ tant għoli? ii) X'inhuma l-pjani tal-gvern biex jagħmel tajjeb għal din id-diskrepanza? iii) Jekk il-projections għas-snin li fadal re l-2008 hux se jkunu riveduti? iv) X'inhuma l-konsegwenzi li aċċetta l-gvern fin-negozjati ma' l-Unjoni Ewropea f'każ li l-miri finanzjarji tal-gvern għat-Tarznari ma jintlaħqux u allura x'contingency plans għandu l-gvern f'din l-eventwalita'?
Response (GATT, AUSTIN)
Peress illi din l-interpellanza tirrikjedi tweġiba estensiva, qed inpoġġi t-tweġiba tiegħi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid minn meta l-Air Malta bdiet topera titjiriet chartered għal Lourdes u lura, kemm-il flight kienet organizzata sena b’sena sal-lum u x'kien in-numru ta' passiġġieri li garret ukoll sena b’sena sal-lum?
Response (GATT, AUSTIN)
Peress li l-Air Malta hija kumpanija kummerċjali li qed taffaċja kompetizzjoni kbira minn linji oħra tal-ajru ma nħossx li jkun prudenti li nippublika l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Membru peress illi din tkun tista tintuza kemm minn linji tal-ajru oħra kif ukoll agenti li jaħdmu ma' linji oħra u mhux mal-Air Malta.
Air Malta — Benefiċċji mogħtija liċ-chairman u d-diretturi
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'passi eżattament ittieħdu mill-ministeru tiegħu fir-rigward ta' l-onorarja u benefiċċji oħra li kienu jieħdu ċ-Chairman u d-Diretturi ta' l-Air Malta u kemm kienu ffrankati flus lill-kumpannija nazzjonali ta' l-ajru?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li wara li ġew irreveduti l-onorarja mħallsa liċ-Chairman u d-Diretturi tal-Air Malta huwa stmat li qed tiġi ffrankata s-somma ta' Lm 132,188 fis-sena.
Jista' il-Ministru jgħid, in vista tar-rapporti ppubblikati u mxandra dan l-aħħar, x'inhi l-pożizzjoni amministrattiva u finanzjarja tat-tarznari ta' Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
B'riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 4962 nireferi lil Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 4934.
Bordijiet u Kummisjonijiet — Perċentwal ta' nisa u rġiel
Question
Jista' il-Ministru jagħti l-perċentwali ta' nisa u rġiel fuq bordijiet u kummissjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu għas-sena 2003? Jista' jagħti wkoll il-perċentwal ta' nisa u rġiel li jiċċerjaw dawn il-bordijiet u kummisjonijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-percentwali huma kif elenkati hawn taht:
Nisa Rgiel
Membri fuq
Bordijiet 10.51% 89.49%
Chairperson fuq
Bordijiet 1.26% * 98.74%
* persuna wahda
Sta. Venera — Triq Antonio Miruzzi - sistema tad-drenaġġ
Question
Jista' il-Ministru jara li d-djar tar-residenti ta' Triq Antonio Miruzzi, Santa Venera jitqabbdu mas-sistema tad-drenaġġ?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma diġa ħarġet sejħa ghall-offerti għax-xoghol li hemm bżonn isir (Tender T22/2004 li għalqet fit-2 ta' April).
Ix-xogħol jinbeda wara li jingħażel il-kuntrattur.
Jista il-Ministru jara li d-djar tar-residenti fi Triq il-Brunżar, Santa Venera ma jibqgħux ibatu minn overflow ta' drenaġġ fi djarhom ma' kull ħalba xita li tagħmel?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-ħsara li kien hemm fi Triq il-Brunżar ġiet irranġata u l-main issa huwa f'kundizzjoni tajba. Ir-raguni ta' l-overflow waqt ix-xita hija problema f'ħafna postijiet madwar Malta u minħabba l-fatt illi ħafna residenti jqabbdu l-ilma tax-xita mas-sistema tad-drenaġġ b'mod illegali.
Qed tiġi mistħarġa l-possibilta' li jitkabbar parti mill-main tad-drenaġġ biex tittaffa l-problema meta tagħmel ix-xita.
Enemalta/Maltacom — Każ dwar ħsarat fl-appliances f'residenza privata
Question
Jista' il-Ministru jara li tissolva l-kwestjoni tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li sofriet ħsarat fl-appliances, u kemm il-Korporazzjoni Enemalta kif ukoll il-Maltacom mhux jaqblu fuq ta' min hi l-ħtija?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 3695.
Għawdex — Xewkija: Triq Kan. Zammit Haber - pompa tad-drenaġġ
Question
Jista' il-Ministru jgħid meta u fejn se ssir il-pompa tad-drenaġġ fi Triq Kan. Zammit Haber, Xewkija, Għawdex peress illi r-residenti ilhom għal bosta snin jistennew sabiex din il-pompa ssir?
Response (GATT, AUSTIN)
Hu mistenni li sa l-aħħar tas-sena 2004 jinħareġ il-permess għall-bini ta' din il-pumping station wara li jkun hemm qbil mal-MEPA dwar is-sit preċiż tagħha li għadu mhux deċiż.
Ix-xogħol propju mistenni jinbeda fis-sena 2005.
Peress illi f'dawn l-aħħar ġranet ġew trasferiti seba' ħaddiema Għawdxin tal-Maltapost plc minn Għawdex għal Malta, jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex maħsub li din tkun miżura proviżorja?
Response (GATT, AUSTIN)
Total ta' 43 Għawdxi mpjegati ma' Maltapost bħalissa jirrappurtaw għax-xogħol f'Malta minħabba esiġenzi tas-servizz. Jekk fil-ġejjieni Maltapost ikollha xogħol li jkun jista' jsir f'Għawdex, il-kumpannija tikkunsidra li tibgħat xi impjegati minn dawn lura f'Għawdex skond il-bżonn.
Ħaż-Żabbuġ, Malta — Triq il-Kbira - Talba għal twaħħil ta' bozza
Question
Jista' il-Ministru jgħid meta se tintlaqa' it-talba li saret mill-kunsill lokali ta' Ħaż-Żebbuġ (Malta) għat-twaħħil ta' bozza ġdida fi Sqaq Nru. 10, Triq il-Kbira, Ħaż-Żebbuġ, liema talba saret f'Settembru 2001? Kopja tat-talba msemmija qed tintbagħat separatament.
Response (GATT, AUSTIN)
Peress illi x-xogħol ta' dawl tat-toroq ġie devolut lill-Kunsilli, it-twaħħil ta' bozoz ġodda issa għandu jsir, skond proċedura stabilita, mill-istess Kunsilli.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4927 u cioe' jista' jgħid f'liema stadju waslu l-pjanijiet tal-gvern għall-kiri ta' l-impjanti tat-trattament tad-drenaġġ f'Għawdex u fil-Mellieħa?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li is-sejħiet għall-offerti ser isiru f'April ta' din is-sena. Ix-xogħolijiet attwali mistennija jibdew fil-bidu tas-sena 2005.
Fil-każ ta' l-impjant tal-Mellieħa, billi dan ser ikun imħallas mill-protokoll Taljan, il-kuntratturi mistiedna biex jagħmlu offerta, se jkunu magħżula wara li l-awtoritajiet Taljani ħarġu talba għal 'expression of interest'.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol ta' drenaġġ fi Triq iz-Zahar, Triq it-Tahhan u Triq il-Larinġ, f'Ħ'Attard? Jista' jgħid kemm se jiġi jiswa dan il-proġett? Jista' jgħid jekk kienx hemm xi diffikultajiet biex tingħaqad is-sistema tad-drenaġġ mill-Mosta għal Ħ'Attard via Triq Pantar?
Response (GATT, AUSTIN)
Ix-xogħolijiet li hemm bżonn kienu nbdew lejn l-aħħar tas-sena 2002 iżda kellhom jitwaqqfu minħabba li fi Triq Pantar hemm cable 33kV ta' l-Enemalta u ma hemmx indikazzjoni eżatta ta' minn fejn hu għaddej dan il-cable li kien tqiegħed meta flok it-triq kien hemm sqaq dejjaq u mgħawweġ.
Sar attentat biex il-main tad-drenaġġ jgħaddi minn propjeta' privata biswit Triq Pantar iżda xi proprjetarji kienu oġġezzjonaw.
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma qed tistenna li jsiru investigazzjonijiet ulterjuri mill-Enemalta dwar il-pożizzjoni eżatta tal-cable. Jekk din tibqa' ma tinstabx, il-KSI ikollha tagħaddi minn propjeta' privata wara li jsiru l-proċeduri neċessarji biex jinħoloq servitu' fil-każ tal-proprjetarji li qed joġġezzjonaw.
Oriġinarjament il-kuntratt li kien ingħata fl-2002 kien ta' madwar Lm30,000.
Jista' il-Ministru jgħid meta sar l-aħħar xogħol serju ta' manutenzjoni fuq it-52 batterija fl-exchanges tal-Maltacom li jiswew total ta' Lm520,000? Jista' jgħid jekk skond il-kumpannija Eriksson li pprovdiet it-tagħmir, il-manutenzjoni fuq l-exchanges tal-Maltacom għandu jsir kull sentejn? Jista' jgħid jekk dan ix-xogħol ta' manutenzjoni fuq il-batteriji ta' l-exchanges tal-Maltacom jirrikjedix li jsir discharge u recharge lil kull batterija, proċess li jieħu 24 siegħa, b'hekk jirrikjedi li t-tekniċi jkomplu bix-xogħol tagħhom wara l-ħin ta' xogħol? Taqbel il-Maltacom li dan ix-xogħol ta' manutenzjoni fuq il-batteriji tal-exchanges huwa bżonnjuż peress li l-batteriji b'dan il-proċess ittawwal il-ħajja tagħhom u b'hekk il-kumpannija tiffranka istallazzjoni ta' batteriji ġodda? X'kienu r-raġunijiet li wara li beda dan ix-xogħol ta' manutenzjoni fuq il-batteriji tal-exchanges tal-Maltacom u sar xogħol fuq żewġ batteriji, ix-xogħol waqaf ħesrem? Meta hemm il-ħsieb li jitkompla x-xogħol ta' manutenzjoni fuq il-batteriji tal-exchanges tal-Maltacom?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-PQ 1130.
Mellieħa — Triq il-Masrija/Triq il-Gargir - twaħħil ta' kaxxa tad-dawl
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'passi se tieħu l-korporazzjoni Enemalta biex il-kaxxa li għandha titwaħħal fil-kantuniera ta' Triq il-Masrija ma' Triq il-Gargir, fil-Mellieħa ssir b'mod li ma tkerraħx il-faċċata tal-bini, anke biex tkun kif suppost fi triq fejn is-servizzi għaddejjin kif suppost minn taħt biex ma jkerrħux it-triq iżda issa dak li ġie mirbuħ billi ma twaħħlux l-arbli u l-wires se jintilef bit-twaħħil ta' kaxxi mingħajr il-galbu meħtieġ?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-Feeder Pillars huma bżonjużi biex is-sistema ta' cables ta' taħt l-art tkun tista' titħaddem b'mod effettiv. Dawn huma mwaħħla f'postijiet strateġiċi fis-sistema ta' vultaġġ baxx b'mod li jkollhom l-inqas impatt ambjentali.
Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol li kellu jsir biex jissewwew il-ħsarat fuq is-sistema tad-drenaġġ fil-Manikata?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li fil-ġranet li ġejjin se jiġi ppublikat it-tender biex jinbidel parti ta' madwar 200 metru mill-main tad-drenaġġ li għaddej mill-Manikata kif indikat fit-tweġiba għal PQ 4381.