Legislature:
Category:
Reset
Active:

Proġett tal-Kottonera

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm il-sular ta' appartamenti ġew approvati fil-kuntratt oriġinali tal-proġett tal-Kottonera, liema appartamenti qed jinbnew fin-naħa tat-Toqba tal-Birgu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-Onorevoli Interpellant huwa nfurmat illi n-numru ta' sulari ta' appartamenti fil-Proġett tal-Kottonera huma regolati mill-permess maħruġ mill-Awtorita' ta' l-Ambjent u l-Ippjanar. Għaldaqstant, l-Onorevoli Interpellant huwa ġentilment mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Ġibjun — Tender

Question

Jista' il-Ministru jgħarrafna x'sar mit-tender li kellu joħroġ biex isir ġibjun bejn Bwieraq Street u Holy Cross Street, B'Kara? Jista' jagħtina indikazzjoni x'hemm maħsub għall-area maqlugħa ta' fejn twaqqat il-kamra li kien hemm għaliex ir-residenti qegħdin jibżgħu mill-ħsara tax-xita?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li t-Taqsima tax-Xogħlijiet m'għandha l-ebda pjani għal xi xogħol fl-inħawi msemmija mill-Onorevoli Interpellant.

Tarxien — Tindif

Question

Jista' il-Ministru jara li titnaddaf l-open space li hemm quddiem l-iskola primarja ta' Ħal Tarxien minħabba l-ammont ta' żibel li jeżisti u minħabba li minn din l-area jgħaddu ħafna tfal għall-iskola?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35980 ta' din is-seduta.

Ilma tat-Tisqija

Question

Jista’ il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34706, jista' jgħid x'inhija r-raġuni li l-ilma għat-tisqija mill-impjant ta' Sant' Antnin qed jintrema minħabba li jkolu livell għoli ta' salinita'? X'jikkawża dan il-livell għoli ta' salinita' u kemm intrema volum ta' ilma u fejn intrema?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35136 (Seduta 789).

San Ġiljan — Promenade

Question

Jista' il-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra kemm intefqu: i) flus għar-riċeviment li sar għal ftuħ tal- promonade ta' San Ġiljan ii) għal leaflets, inviti u posta għal dan il-għan iii) min kien il-caterer li għamel ix-xogħol f'dan ir-riċeviment?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-attivita' li jista' qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant kienet laqgħa għar-residenti u għall-kommunita kummerċjali li saret il-Ħamis 26 ta' Settembru, fejn ġie spjegat ix-xogħol li fadal isir fl-inħawi ta' San Ġiljan. F'din l-attivita' tqassmu xi 'drinks' lil dawk preżenti, li swew Lm130.92, u ġew imqassma minn ħaddiema tal-Ministeru. Il-leaflets, inviti u l-posta swew Lm416.80

Drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jagħti lista ta' xogħlijiet li saru, qed isiru jew se jsiru sabiex il-problema tad-drenaġġ li hemm fl-area magħrufa bħala Saint Patricks, f'Pembroke tiġi megħluba permanentement?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li din il-komunikazzjoni tad-drenaġġ f'Pembroke għandha titwettaq f'qasir żmien.

Kuntratturi

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'sar mir-regolamenti tal-bini ġodda u l-iskema tar-reġistrar tal-kuntratturi li hu ħabbar xi xhur ilu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-Abbozz għal Att ġdid li sejjer ikun propost dwar ir-Reġistrazzjoni ta' kuntratturi fil-bini u Kontroll tal-Bini, qiegħed għand l-Avukat Ġenerali tar-Repubblika għall-iskrutinju. Sal-bidu tas-sena d-dieħla għandhom jiġu ppubblikati numru ta' dokumenti ta' linji gwida dwar ir-regolamenti l-ġodda tal-bini. Fir-rigward ta' l-iskema tar-reġistrazzjoni tal-kuntratturi, din qed titħaddem fuq bażi volontarja sakemm l-Att imsemmi jiġi approvat mill-Parlament. Kuntratturi li jkunu jixtiequ jirreġistraw jistgħu jagħmlu dan billi japplikaw lid-Dipartiment ta' l-Industrija tal-Bini permezz ta' formola li tinkiseb mid-Dipartiment jew mill-website tal-Ministeru.

Gżira — Rue D'Argens

Question

Jista' il-Ministru jara li l-bankina li hemm quddiem il-kamra tad-dawl in-naħa ta' fuq ta' Rue D'Argens quddiem is-Savoy hotel tiġi rranġata billi hija ta' periklu.

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu direttament lill-Kunsill Lokali konċernat.

Mobile Phones

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża globali tal-mobile phone tal-Ministeru u tas-segretarjat privat bejn Jannar u Awissu ta' din is-sena?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-ispiża globali tal-mobile phones tal-Ministeru bejn Jannar u Awissu ta' din is-sena kienet ta' Lm1124.37, filwaqt li dik tas-Segretarjat Privat kienet ta' Lm2072.91.

Rabat — Tiswija ta' arkata

Question

Jista' il-Ministru jara li l-arkata li hemm mal-ġenb tal-kappella fil-Kunċizzjoni, l/0 Rabat, tiġi rranġata minnufih għax din l-arkata, li għandha valur storiku, tinsab fi stat perikoluż, bir-riskju li taqa' u tikkawża ħsara lil terzi persuni?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-arkata msemmija ġiet spezzjonata minn uffiċjali tat-Taqsima tar-Restawr u qed tiġi stabbilita l-kawża tal-ħsara biex wara jkun jista' jsir ix-xogħol meħtieġ.

Separazzjoni ta' Skart

Question

Jista' il-Ministru jgħid għar-rigward ta' separazzjoni ta' skart, teżistix xi entita` lokali li tiġbor l-iskart tal-ħġieġ? Fejn għandha l-bażi tagħha din l-entita`? Kemm kienet l-esportazzjoni ta' dan il-materjal f'dawn l-aħħar tliet snin? Fejn għandu wieħed japplika biex ħġieġ separat minn skart ieħor jiġi miġbur?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-Istrateġija dwar l-Immaniġjar Sostenibli ta' l-Iskart tqiegħed 'target date' sabiex tiġi ntrodotta s-separazzjoni ta' l-iskart inkluż il-ħġieġ għall-aħħar ta' l-2004. F'xi lokalitajiet diġa' ġiet introdotta s-separazzjoni ta' materjal li jista' jiġi riċiklat u dan jinkludi l-ħġieġ. Hawn bosta entitajiet lokali li jinteressahom il-ġbir ta' skart tal-ħġieġ. Il-Gvern qed jipprovdi faċilita' għall-ħażna ta' dan il-materjal sakemm ammonti konsiderevoli jkunu separati għal aktar proċessar lokali jew barra minn Malta. Flimkien ma' Kunsilli Lokali u entrapriżi privati diġa' bdew jinfetħu numru ta' 'bring-in sites' fejn individwi jkunu jistgħu jiddisponu minn dan il-materjal faċilment mingħajr ma jiġi kkontaminat. Kull min għandu ħġieġ nadif separat għar-riċiklaġġ għandu jċempel lil "Proġett Skart" fuq freephone 8007200 u jingħata parir x'għandu jagħmel.

Cottonera Infrastructure Upgrading

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif intnefqu l-flus fil-vot Cottonera infrastructure upgrading (Vot 7057)?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li fuq il-Vot Cottonera Infrastructure Upgrading (Vot 7057) intefqu Lm9200 fuq "Investigation of Boreholes", filwaqt li s-sena l-oħra ntefqu Lm297,665.

Riżorsi u Infrastruttura — Senior Technical Officer

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallas għall-overtime s-senior technical officer li qiegħed fil-ministeru u li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament fid-dati msemmija fit-tabella li qed tintbagħat separatament? Min kien il-persuna li awtorizza l-ħlas ta' l-overtime f'kull każ?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Door Numering

Question

Jista' il-Ministru jgħid jistax isir renumbering ta' Triq Clarence Pieta' minħabba d-diffikultajiet li hemm minħabba duplikazzjoni ta' numri?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li Triq Clarence, Pieta', bħal ħafna triqat oħra f'lokalitajiet madwar Malta, ma nħadmitx meta sar l-eżerċizzju ta' 're-numbering' fil-lokal peress li din it-triq hija konfini bejn l-Imsida u l-Pieta', u toroq bħal dawn ma kenux qed jiġu kkunsidrati għal raġunijiet ovvji. Soluzzjoni għal problemi ta' toroq simili għal dik imsemmija tidher li nstabet iżda minħabba l-eżerċizzju massiv li sar, u li qed isir, ta' 'Mass Renewal' ta' l-I.D. Cards fil-lokalitajiet kollha ta' dawn il-gżejjer, ix-xogħol tan-numerazzjoni tal-bibien kien ristrett ħafna sabiex ma jsir l-ebda tfixkil lill-Kummissjoni Elettorali.

MIDI

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-kuntratturi kollha u l-proprjetarji li daħlu għall-proġett tal-MIDI għadhomx interessati? Jekk le, liema huma dawk li telqu għax m'għadhomx interessati fil-proġett?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi dan il-Ministeru m'għandu l-ebda nformazzjoni li hemm kuntratturi jew propjetarji li daħlu għall-proġett ta' Manoel Island u Tigne' li m'għadhomx interessati fil-proġett.

Valletta — Bieb il-Belt

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-iskop tax-xogħlijiet li ħarġet tender għalihom fil-gazzetta tal-gvern CI 277/2002 u li se jsiru f'Bieb il-Belt, Valletta? X'inhi l-istima ta' dawn ix-xogħlijiet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-iskop ta' din it-tender hu li jsir ix-xogħol imsemmi hawn taħt: qlugħ u tqegħid mill-ġdid ta' bankini li jisseparaw il-passaġġi minn fejn jgħaddu l-karozzi tal-linja. 're-surfacing' bit-tarmac ta' l-area kollha. qlugħ tal-wiċċ eżistenti tal-bankini fil-ġnub tat-terminus u jingħata wiċċ ġdid fl-istess inħawi. Peress illi din it-tender għadha miftuħa u ċioe' tagħlaq fil-31 ta' Ottubru 2002, ma jkunx prudenti f'dan l-istadju li nagħti l-valur ta' l-istess tender. Ser isir ukoll xogħol fuq l-'upgrading' tal-latrini pubbliċi u titjib fis-servizzi ta' l-inħawi kif ikun meħtieġ. Hu mistenni li permezz ta' dan ix-xogħol, l-inħawi tal-Bus Terminus jingħataw dehra aktar nadifa.

Tellar ta' Ċint

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35380, jista' jgħid meta hu maħsub li jerġa' jittella' ċ-ċint f'Sant Iermu biswit l-akkademja tal-pulizija fil-Belt?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li d-Diviżjoni tax-Xogħlijiet qed tistħarreġ l-entita' tax-xogħol meħtieġ.

Furjana — Proġetti ta' Restawr - Nefqa

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35488, jista' jgħid kemm intefqu f'din il-leġislatura għal dawn il-proġetti fil-Furjana, każ b'każ: i) ġonna Mall - a) sistema ta' irrigazzjoni ġdida b) restawr funtana tal-Ajkla (flus ivutati) ii) restawr ta' statwi fit-toroq iii) restawr pitturi ta' Mattia Preti tal-kappella ta' Sarria iv) tindif u tibjid tal-loġoġ minn ġewwa permezz ta' ħaddiema tal-Kalaxlokk?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni mitluba hija kif tidher hawn taħt: Ġonna Mall sistema ta' irrigazzjoni ġdida Lm 2,361. restawr funtana ta' l-Ajkla (flus ivvutati) Lm 2,995. Restawr ta' statwi fit-toroq Lm 3,688. Tindif u tibjid tal-loġoġ Lm14,913. Ninsab infurmat illi min-naħa ta' dan il-Ministeru, ma sar l-ebda restawr fuq il-pitturi ta' Mattia Preti tal-kappella ta' Sarria.

Baħrija — Raba'

Question

Jista' il-Ministru jivverifika rapporti li l-kuntrattur li suppost ibattal il-fosos KOMUNALI tal-Baħrija mhux qiegħed jagħmel xogħlu sew bil-konsegwenza li l-fosos qegħdin jitħallew ifuru fir-raba' u r-razzett fil-viċin u b'hekk jikkawżaw danni lil terzi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-kuntrattur ġie mwissi biex ibattal regolarment il-fossa tal-Baħrija u biex din ma tfurx.

Rabat Malta — Drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'ikkawża l-fawrar tad-drenaġġ fl-inħawi ta' Triq in-Nigret u partijiet minn Vajl il-Ħaddiem ir-Rabat Malta? Meta se jiġi irranġat u irrimedjat dan l-inkonvenjent li qed jikkawża irwejjaħ insopportabbli kważi matul il-jiem tal-ġimgħa kollha?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tad-Drenaġġ ma rriżultalux illi riċentement kien hemm xi fawran tad-drenaġġ fl-inħawi ta' Triq in-Nigret u Vjal il-Ħaddiem, Rabat. Minn spezzjonijiet li saru, ma rriżulta ebda inkonvenjent, kif allegat fil-mistoqsija.