Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pembroke — Slipway

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani f'liema stadju wasal il-proġett ta' slipway f'Pembroke?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 25616, f’Seduta 519 fit-30 ta’ April 2007.

Marsa open centre — Xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jsiru x-xogħlijiet meħtieġa ta' kisi ta' art u ta' tiswija tas-sistema ta' ilma fl-ispazju miftuħ ta' l-open centrefil-Marsa fejn jgħixu iżjed minn 700 persuna, peress li l-ħmieġ u l-ilma li qiegħed fl-ispazju ta' barra jistgħu jikkaġunaw problemi għas-saħħa tal-persuni miġbura u wkoll jagħtu dehra ta' telqa u traskuraġni?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi huwa ppjanat li x-xogħol ta’ kisi ta’ art u tiswija tas-sistema ta’ l-ilma fl-ispazju miftuħ ta’ l-open centre fil-Marsa ser jinbeda fil-ġimgħat li ġejjin.

Xiri ta' appliances — Refunds

Question

Peress li l-gvern qed jagħti refund għal min jixtri/fridge freezer li taqa' fi klassi "A", issa fl-avviż legali li ħareġ, dan ir-refund qed jingħata lil dawk li jaqgħu fi klassi Tropical jew ST/A+, x'inhi r-raġuni wara din il-bidla, meta dawn iż-żewġ tipi huma ħafna ogħla fil-prezz u jaħlu aktar dawl u dan meta r-room temperature tagħhom tvarja bejn 18°C u 38°C u 43°C?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li qatt ma saret xi bidla fir-rekwiżiti għall-għotja. Wieħed jistenna li fridges ST u T huma aktar għolja fil-prezz minn dawn N jew SN. Dan għaliex fridges ST u T għandhom insulation aħjar u għandhom kumpressur akbar biex ilaħħqu jkessħu kif suppost meta t-temperatura togħla. Minkejja dan, skond id-database ta’ l-Awtorita ta’ Malta dwar ir-Riżorsi. Ma jirriżultax li appliances ST huma aktar għolja minn appliances SN. Ovvjament, hemm fatturi oħra li jiddeterminaw il-prezz barra il-climate class. Ma jirriżultax, l-anqas, li appliances SN jew N huma, bħala regola ġenerali, aktar effiċjenti minn dawk ST jew T.

Proġetti għall-iżvilupp ta' Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm irċeviet flus Malta matul l-2006 mill-Unjoni Ewropea għall-iżvilupp fuq proġetti sabiex tiġi riabilitata s-sistema idroloġika tal-gżejjer tagħna għal Malta u Għawdex separatament?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex ikun aktar speċifiku fid-domanda tiegħu

Apparat domestiku — Ħlas lura

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm s'issa kien hemm persuni li gawdew mill-miżura tal-budget li jingħataw 20% lura fuq il-prezz ta' apparat domestiku li jiffranka l-konsum ta' l-enerġija? Għaliex minn 20% din niżlet għal Lm25? Kif jistgħu japplikaw iċ-ċittadini għal dan il-ħlas jekk fl-istess ħin huma nkoraġġiti li jibgħatu l-irċevuta fiskali għal-lotterija tal-VAT?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li sat-30 ta’ April, 468 applikant ingħataw l-għotja ta’ 20% sa massimu kif stabbilit fl-Avviż Legali 1026 tal-2006. Id-dewmien li hemm biex jitħallsu l-applikanti sar prinċiparjament minħabba li l-maġġoranza ta’ l-importaturi damu ma rreġistraw il-prodotti tagħhom skond kif mitlub mill-Avviz u kif miftiehem mal-bejjiegħa permezz tar-rapprezentanti tagħhom. L-Avviz Legali stabilixxa massimu ta’ Lm 25 f’każ ta' magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ, tumble dryers, dishwashers u apparat għall-arja kkundizzjonata, u massimu ta’ Lm50 għal fridges u freezers A+ u A++ bi klassi ta’ klima Tropical jew Semi-tropical. L-għotja massima għal fridges u freezers A bi klassi ta’ klima Tropical hija ta’ Lm 50 u għal dawk bi klassi ta’ klima Semi-tropical hija ta’ Lm 25. Dawn ir-rati ġew stabbiliti fl-Avviż Legali u qatt ma’ nbidlu. Waħda mir-rekwiżiti ta' l-iskema hija li tingħata l-irċevuta fiskali originali mill-applikant, kif inhu mitlub f'kull skema oħra ta' refiżjoni mnedija mill-Gvern, għal skopijiet ta' kontrolli.

Personal files

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 24667 jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, għandux access għal personal files ta' l-impjegati?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li m'hemmx iżjed x'inżid mar-risposti diġa' mogħtija.

Apparat energy saving

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex qed ikun hemm dewmien fil-ħlas tar-refunds għal dawk il-persuni li applikaw fuq xiri ta' apparat energy saving tad-djar hekk kif imħabbar fil-budget ta' din is-sena?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi skond l-avviż legali numru 1026 tal-2006, waħda mir-rekwiżiti biex appliance tkun eleġibbli għal-għotja hija li l-prodott jiġi rreġistrat mill-importatur. Id-dewmien li kien hemm biex jitħallsu l-applikanti sar prinċiparjament minħabba li l-maġġoranza ta' l-importaturi damu ma rreġistraw il-prodotti tagħhom skond kif mitlub mill-avviż legali u kif miftiehem mal-bejjiegħa permezz tar-rappreżentanti tagħhom.

Ta' Xbiex promenade

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol kollu fuq il-promenade ta' Ta' Xbiex? X'xogħol baqa' xi jsir?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li x-xogħol fuq il-promenade ta’ Ta’ Xbiex għandu jitlesta kollu matul Mejju. Jonqos li jitwaħħlu l-arbli dekorattivi tad-dawl u numru żgħir ta’ bankijiet ta’ l-injam.

Ħatra ta' Assistent Direttur

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-proċess tal-ħatra ta' Assistant Director Human Resources skond iċ-ċirkolari 1/2006

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li l-ħatra ta’ Assistant Director Human Resources skond iċ-Ċirkolari Nru. 1/2006 saret b’effett mill-21 ta’ Marzu 2006.

Riżorsi u Infrastruttura — Telefonati minn linji fissi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq telefonati minn linji fissi fil-ministeru, dekasteru u enti tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 globalment?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li n-nefqa globali fil-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, d-dekasteru u l-enti li jaqgħu taħtu fuq telefonati minn linji fissi matul Jannar, Frar u Marzu 2007 kienet ta’ Lm 62,895.25.

Promozzjonijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23062 jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li joħorġu l-promozzjonijiet f'dan ir-rigward u jekk fl-affermattiv meta?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li fit-12 t’April 2007 ħarġet sejħa permezz taċ-Ċirkulari tal-MPO Nru. 49/2007 għall-postijiet ta’ Assistant Technical Officers (ATOs) fid-Dipartiment għall-Manifattura u s-Servizzi (MSD) kif indikat hawn taħt: A.T.O. (Lifts) A.T.O. (Stores) A.T.O. (Metal Trades) Din is-sejħa tagħlaq fl-4 ta’ Mejju 2007.

Qasam tal-mastrudaxxa — Promozzjonijiet

Question

In vista tal-fatt li ħarġu divesi sejħiet għal promozzjonijiet fil-varji snajja', jista' l-Ministru jgħid hux il-ħsieb li jingħataw promozzjonijiet fil-qasam tal-mastrudaxxa?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi l-Management and Personnel Office fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ħareġ dawn is-sejħiet għal ħaddiema fis-sena ta’ mastrudaxxa: Technical Officer (Carpenter) Tradesman / Senior Tradesman (Carpenter)

Pembroke — Proġett tal-Belvedere

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar il-proġett tal-Belvedere li għandu jiġi ppjanat ġewwa Pembroke?

Response (ZAMMIT, NINU)

Infurmat li ma hemmx pjanijiet lil fil-futur immedjat isir xi belvedere f'Pembroke.

Pembroke — Slipway

Question

Jista' l-Ministru jagħti xi tagħrif dwar meta se ssir is-slipway ġewwa Pembroke u x'qiegħed iżommha milli ssir?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi kien hemm żewġ siti proposti mill-Kunsill Lokali ta’ Pembroke għal din is-slipway. L-ewwel sit ħareġ permess fuqu, PA 4274/04 tad-29 ta’ Marzu 2004 iżda, il-Malta Resources Authority oġġezzjonat għalih peress li hu viċin wisq ta’ l-impjant tar-Reverse Osmosis ta’ Pembroke. Fuq it-tieni sit, saret applikazzjoni lill-MEPA PA 0754/06 fit-3 ta’ Frar 2006. Sussegwentement, tħejja rapport minn ġeoloġista. Dan ir-rapport ġie sottomess lill-MEPA. Sal-lum, il-MEPA għadha ma ħarġitx il-permessi sabiex isir dan ix-xogħol.

Birgu — Restawr ta' statwa

Question

Wara li x-xogħol ta' restawr li sar fuq l-istatwa ta' San Lawrenz fil-pjazza tal-Birgu issa tlesta, jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjanijiet sabiex isir xogħol simili ta' restawr fuq l-istatwa ta' San Duminku fl-istess belt tal-Birgu? Meta ser jibda dan ix-xogħol?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li r-restawr fuq l-istatwa ta’ San Duminku fil-Birgu huwa inkluż fil-programm ta’ xogħlijiet u ser jitwettaq hekk kif jitlestew diversi xogħolijiet oħra ta' restawr li huma diġa ppjanati.

Riżorsi u Infrastruttura — Mobile phones

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk inxtrawx mobile phones ġodda fil-ministeru, dekasteru u enti tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 u f'każ li fl-affermattiv, kemm-il mobile inxtara, b'liema prezz separatament u għal min kienu?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi matul il-perjodu Jannar sa Marzu 2007, inxtraw żewġ mobile phones. Skond kif stipulat fiċ-Ċirkulari Nru. 2/2006 maħruġa mill-Ministeru tal-Finanzi datata 28 ta’ Marzu 2006 dawn inxtraw għall-prezz ta’ Lm80–il wieħed. Dawn il-mobile phones inxtraw biex jagħmlu użu minnhom id-Direttur Ġenerali (Diviżjoni Servizzi) u d-Direttur (Servizzi ta’ l-Indafa), rispettivament.

Ministru għar-Riżorsi u Infrastruttura — Delegazzjonijiet ministerjali

Question

Mill-bidu tas-sena 2006 sal-lum, meta l-Ministru mexxa delegazzjonijiet ministerjali barra l-pajjiż f'pajjiżi oħra fejn ma ttirx dirett l-Air Malta, jista' jgħid minn fejn inqatgħu l-biljetti ta' l-ajru tiegħu, kif intgħażlet l-aġenzija ta' l-ivjaġġar konċernata u x'kien il-prezz tal-biljett ta' kull vjaġġ speċifiku?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi mis-sena 2006 sal-lum ma kien hemm ebda delegazzjoni ministerjali mmexxija minni li żaret pajjiżi fejn l-Air Malta m'għandiex titjiriet diretti.

Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura — Lista' ta' aġenziji u reklamar

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' aġenziji ta' reklamar użati mill-Ministeru u enti oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul is-snin 2005 u 2006 separatament? Jista' jgħid x'kienet l-ispiża f'kull każ?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li l-lista ta’ Aġenziji ta’ Reklamar użati mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura matul is-snin 2005 u 2006 hija kif jidher hawn taħt:- Sena Isem ta’ l-Aġenzija Ammont Lm Skop 2005 PBS 1,541.30 Kampanja edukattiva kontra r-rimi ta' skart illegali Media Link Communications 1,982.40 Kampanja edukattiva kontra r-rimi ta' skart illegali Bonaci Media Entertainment 944.00 Kampanja edukattiva kontra r-rimi ta' skart illegali Joseph Vella 1,767.64 Misraħ TV (Kampanja edukattiva kontra r-rimi ta' skart illegali) Sena Isem ta’ l-Aġenzija Ammont Lm Skop 2006 Cliché Media 400.00 Kampanja edukattiva kontra r-rimi ta' skart illegali Bonaci Media Entertainment 1,888.00 Kampanja edukattiva kontra r-rimi ta' skart illegali (Kollox Ma’ Kollox TV) Executive Services 472.00 Artiklu favur ir-restawr tal-wirt storiku ta' pajjizna - Flimkien Magazine Ability Publications 76.70 Kampanja edukattiva kontra r-rimi ta' skart illegali Ebda Dipartiment jew enti li jaqgħu taħt il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura ma għamel użu minn xi aġenzija ta’ reklamar matul is-snin 2005 u 2006.