Forzi Armati ta’ Malta — Operazzjoni ta’ salvataġġ fuq Baħar
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il operazzjoni ta’ salvataġġ saret fuq il-baħar minn membri tal-Forzi Armati ta' Malta fejn matulhom ġew salvati persuni matul l-2016? Kemm ġew salvati nies f’dawn l-operazzjonijiet?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li fil-perjodu msemmi, l-Forzi Armati ta’ Malta wetqet 57 operazzjoni ta’ salvataġġ fuq il-baħar u ġew salvati 1251 persuna.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il talba għall-għajnuna kien hemm lill-Protezzjoni Ċivili fl-2016? Jista’ jgħid x’kienu t-talbiet għall-għajnuna? Jista’ jgħid kemm ġew salvati nies, fejn applikabbli?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li kien hemm 4837 talba għall-għajnuna. It-talbiet kienu varji u fosthom insibu talbiet ta’ salvataġġ, nirien, assistenzi, inċidenti marittimi u għargħar. Fir-rigward ta’ kemm ġew salvati nies, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ma jżommx din it-tip ta’ statistika.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti fuq reati ta' pedofelija matul l-2016 u x'kienu s-sentenzi mogħtija? Jista’ jgħid kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu ta’ nazzjonalità Maltija u kemm ta’ nazzjonalità barranija?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li kien hemm 49 persuna li tressqu il-Qorti fuq każi ta’ reati ta' pedofelija. Waqt illi ħafna mill-każijiet għadhom sub judice, fejn ingħataw is-sentenzi dawn kienu jvarjaw u jinkludu ordnijiet ta’ probation, liberati b’kundizzjoni, priġunerija u ordni ta’ trattament u sentenzi ta’ ħabs sospiżi. Minn dawn 36 kienu rġiel Maltin u 6 irġiel barranin. Kien hemm ukoll 5 nisa Maltin u 2 nisa barranin.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jerġa' jkun hemm sejħa għall-ingaġġ ta' persuni fil-Korp tal-Pulizija? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk dan l-ingaġġ hux ser ikun fil-livell ta' pulizija jew f'ranks iktar għoljin fl-istess korp?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li fil-ġimgħat li ġejjin mistennija li toħroġ sejħa għall-applikazzjonijiet għall-ingaġġ ta’ Kuntistabbli tal-Pulizija.
Korp tal-Pulizija — Membri tal-korp li qed isegwu korsijiet fl-Università
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm membri tal-Korp li għandhom permess biex isegwu korsijiet fl-Università? Liema korsijiet qed isegwu (f'numru għal kull kors differenti), u jista' jagħti tagħrif dwar jekk dawn il-persuni humiex marbuta li jagħmlu xi żmien ta' servizz wara li jtemmu l-korsijiet tagħhom?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li membri tal-Korp li jridu jsegwu kors fl-Universita`, qegħdin jagħmlu dan fil-ħin liberu tagħhom. Bħalissa m’hemmx scholarships miftuħa għall-membri tal-Korp biex isegwu xi kors fl-Universita`.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti fuq reati ta' stupru matul l-2016 u x'kienu s-sentenzi mogħtija? Jista’ jgħid kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu ta’ nazzjonalità Maltija u kemm kienu ta’ nazzjonalità barranija?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti fuq reati ta' vjolenza fuq anzjani matul l-2016 u x'kienu s-sentenzi mogħtija? Jista’ jgħid kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu ta’ nazzjonalità Maltija u kemm kienu ta’ nazzjonalità barranija?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti fi kmamar tan-nar f'Malta u f'Għawdex fl-2016? Jista jgħid kemm mietu u ndarbu persuni f’dawn l-inċidenti xahar b’xahar?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li matul is-sena 2016, kien hemm żewġ inċidenti fi kmamar tan-nar u t-tnejn li huma ġraw f’Malta. F’kull inċident indarbet persuna waħda u ma kien hemm l-ebda persuna li tilfet ħajjitha. Dawn l-inċidenti ġraw f’Marzu u Ottubru.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati persuni li għerqu fl-ibħra Maltin fl-2016? Jista' jgħid in-nazzjonalità tagħhom? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu nisa u kemm minnhom kienu rġiel? Jista’ jagħti l-etajiet tagħhom?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li matul is-sena 2016, in-numru ta’ persuni li tilfu ħajjithom fl-ibħra Maltin kien jammonta għal tnax il-persuna.L-informazzjoni relatata ma’ kull inċident tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Persuni li tilfu ħajjithom minħabba aċċidenti tat-traffiku
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna tilfet ħajjitha minħabba aċċident tat-traffiku fl-2016? Jista' jgħid in-nazzjonalità tagħhom? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu nisa u kemm minnhom kienu irġiel? Jista’ jagħti l-etajiet tagħhom?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li, 23 persuna kienu vittmi li tilfu ħajjithom kawża ta’ inċidenti tat-traffiku matul is-sena 2016. Informazzjoni addizzjonali kif mitluba fil-mistoqsija tinsab fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 29478, jista’ l-Ministru jgħid kemm sigħat komplessivi u ma’ liema organizzazzjonijiet ġew servuti magħhom Community Service Orders tul is-sena li għaddiet?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li matul is-sena 2016 l-ammont ta’ siegħat li ssarrfu f’xogħol fil-komunita’ kien ta’ 6670 siegħa. L-organizzazzjonijiet illi ġew servuti jinkludu Kunsilli Lokali, għaqdiet volontarji li jieħdu ħsieb il-ħarsien tal-annimali, għaqdiet sportivi, fondazzjonijiet varji fosthom dawk li jieħdu ħsieb it-tfal u l-adoloxxenti, postijiet reliġjuzi fosthom Knejjes fejn sar xogħol ta’ restawr u xogħol li jitgawda mis-soċjeta’, djar tal-anzjani mmexxija mill-Knisja, djar illi jospitaw persuni b’diżabilita’, NGO’s li joffru servizzi kontra l-abbuż tad-droga w alkoħol u għaqdiet volontarji li jieħdu ħsieb restawr taċ-Ċimiterji.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni quddiem il-Qorti akkużati b’holdup fl-2016? Jista’ jgħid kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu ta’ nazzjonalità Maltija u kemm ta’ nazzjonalità barranija? Jista’ jagħti l-etajiet tagħhom?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li kien hemm 8 persuni li tressqu quddiem il-Qorti akkużati b’holdups li saru fis-sena 2016. Uħud minnhom tressqu fuq aktar minn holdup wieħed. Dawn kienu kollha rġiel u minnhom kien hemm 3 Maltin, Libjan, 2 Brittaniċi u 2 Bulgari. L-etajiet tagħhom ivarjaw minn għoxrin sa 48 sena hekk kif indikat fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni taħt it-18-il sena quddiem il-Qorti fl-2016 u dwar xiex?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li matul is-sena 2016 kien hemm 346 persuna taħt it-tmintax il-sena li tressqet il-Qorti. Dawn tressqu l-Qorti dwar diversi offiżi li fost l-oħrajn jinkludu vjolenza kontra persuni jew uffiċċjali pubbliċi, theddid u nsulti, ksur ta’ bon ordni u paċi pubblika, ikkaġunar ta’ feriti fuq persuni, ħsara volontarja, pussess ta’ droga, vjolenza domestika, offiżi kontra l-moral pubbliku, serq, riċettazzjoni u ksur tar-regolamenti tat-traffiku
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ suwiċidji fl-2016? Jista’ jgħid kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu ta’ nazzjonalità Maltija u kemm ta’ nazzjonalità barranija? Jista’ jagħti l-etajiet tal-persuni li kkommettew suwiċidju xahar b’xahar b’mod separat?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li matul is-sena 2016 kien hemm 21 każ ta’ suwiċidju irreġistrati mal-Pulizija. 18 il-persuna kienu ta’ sess maskili u 3 oħra tas-sess femminili. 17 minn dawn il-persuni kienu ta’ nazzjonalita’ Maltija filwaqt illi 4 kienu barranin. Aktar informazzjoni kif mitluba fil-mistoqsija tinsab fit tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ ta' traffikar ta' droga minn barra l-pajjiż kien hemm permezz tal-ajru matul l-2016 u li nqabad mill-Pulizija? Minn liema pajjiżi kienu ġejjin dawn it-titjiriet? X’tip ta’ droga nqabdet u kemm kien l-ammont? Kemm kien hemm persuni arrestati? Ta’ liema nazzjonalità kienu l-persuni arrestati? Kemm huwa maħsub li kien il-valur tat-triq tad-droga maqbuda, maqsuma skont it-tip tad-droga maqbuda?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li matul is-sena 2016, kien hemm 4 każi ta' traffikar ta' droga li oriġinaw minn barra l-pajjiż u li nstabu mal-wasla fl-ajruport ta’ Malta mill-Pulizija, assistiti minn Uffiċċjali tad-Dwana. Dawn oriġinaw mit-titjiriet elenkati fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, li tinkludi it-tip ta’ droga maqbuda u l-kwantita`. B’konnessjoni ma dawn il-każi, kien hemm 7 persuni li ġew arrestati li kienu ta’ nazzjonalita kif jidher fl-istess tabellla. Tnejn mill-każijiet li oriġinaw minn Zurich kienu persuni fuq l-istess titjira u kull persuna kellha l-ammont tad-droga indikata. Fil-kaz fejn instabu 730 gramma ta’ Kokaina, persuna kienet arrestata mas-sejba filwaqt li persuna oħra ġiet arrestata fuq l-istess każ wara din is-sejba, pero ma’ kelliex iktar droga fuqha u mhux fl-ajruport. Dwar il-valur tat-triq tad-droga maqbuda, dettalji tal-figuri huma nklużi fl-istess tabella fejn dawn huma magħrufa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti fuq reati ta' tlajjar għall-prostituzzjoni matul l-2016 u x'kienu s-sentenzi mogħtija? Jista’ jgħid kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu ta’ nazzjonalità Maltija u kemm kienu ta’ nazzjonalità barranija?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li 54 persuna tressqu l-Qorti fuq reati ta' tlajjar għal prostituzzjoni matul is-sena 2016. Dawn kienu 5 irġiel maltin, 44 mara maltija u 5 nisa barranin. Matul l-istess perjodu dawn inħarġulhom 174 il-taħrika relatati ma’ dawn ir-reati. Hemm diversi każijiet in kwistjoni għadhom pendenti (sub-judice) filwaqt li f’każijiet oħra kien hemm sentenzi sospiżi u multi, priġunerija u prigunerija u multi. Minn dawk deċiżi kien hemm każ ta’ liberazzjoni u żewġ każi preskritti.
Persuni mressqa l-Qorti fuq reati ta’ vjolenza domestika
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti fuq reati ta' vjolenza domestika matul l-2016 u x'kienu s-sentenzi mogħtija? Jista’ jgħid kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu ta’ nazzjonalità Maltija u kemm kienu ta’ nazzjonalità barranija?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li skont is-sistema elettronika tal-Pulizija kien hemm 1272 każ ta’ vjolenza domestika, li ġew irrapurtati lill-Pulizija matul is- sena 2016, kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ninsab infurmat ukoll, illi fil-każijiet fejn irriżulta ksur tal-liġijiet relatati ma’ dawn ir-reati, il-persuni responsabbli dejjem jitressqu l-Qorti. Peress illi ma tinżammx sistema ta’ data elettronika ta’ dawn ir-reati bid-dettalji mitluba fil-mistoqsija, mhux possibli li jingħataw l-ammonti ta’ nisa jew irġiel involuti, kif ukoll in-nazzjonalita` tagħhom u dettalji oħra mitluba.
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – xogħlijiet li saru minn Destination Management Companies
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa ta’ xogħlijiet li tqabbdu biex jagħmlu Destination Management Companies (jew operaturi simili) mill-Ministeru tiegħu u l-entitajiet li jifformaw parti mid-dekasteru tiegħu? Għal kull biċċa xogħol, jista’ jgħid meta tqabbdu, fiex kien jikkonsisti x-xogħol, kemm sewa u jekk tqabbdux wara proċess kompetittiv jew b’direct order?
Response (ABELA, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jikjarifika aktar il-mistoqsija tiegħu.