Legislature:
Category:
Reset
Active:

Selmun/Imġiebaħ — proġetti

Question

Jista' l-Ministru jindika x’inhuma l-proġetti li l-Gvern qed jippjana li jagħmel fiż-żona ta' Selmun/Imġiebaħ, anke għall-fatt li parti minn din iż-żona hija waħda protetta u li tifforma parti minn siti Natura 2000?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Fil-Pjan ta’ Tmexxija maħruġ mill-ERA għas-sit tal-Imġiebaħ u tal-Miġnuna bħala parti min-Natura 2000 network ġew identifikati sett ta’ miżuri intenzjonati li jħarsu l-ambjent naturali filwaqt li jtejbu l-esperjenza ta’ min iżur il-post. Fost dawn il-miżuri insibu dawn li ġejjin: · Ir- restawr tal-ambjenti naturali; · It- tneħħijja ta’ pjanti u siġar aljeni; · It-tħawwil ta’ sigar indigeni; · Kampanja ta’ edukazzjoni u informazzjoni, li tinkludi wkoll signposting u materjal promozzjonali. Dan il-Pjan ikopri l-ewwel ħames snin ta’ tmexxija tas-sit.

San Pawl il-Baħar – Il-Menqa – Ħajt mwaqqa’

Question

Peress li minħabba l-maltempata tal-jiem li għaddew il-ħajt tal-Menqa f'San Pawl il-Baħar spiċċa mwaqqa’, u minkejja mistoqsija parlamentari preċedenti u r-risposta għaliha, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jinbena mill-ġdid l-istess ħajt, u dan qabel ma' sseħħ iktar ħsara fl-istess bini?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif kont diġa’ nfurmajtu, l-infrastruttura portwali ma taqax taħt r-responsabbilta’ ta’ dan il-Ministeru. Għaldaqstant nitlob lill-Onor Interpellant jaghmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Bdiewa li jaħdmu organic — inċentivi

Question

Jista' l-Ministru jinforma x'xogħol qiegħed isir sabiex il-bdiewa jkollhom inċentiv li jaħdmu organic u jekk hemmx xi ħsieb li jsiru inċentivi jew policy f'dan ir-rigward?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Ministeru, mill-lat leġislattiv, jieħu ħsieb l-interessi tas-settur organiku lokali waqt it-tfassil ta’liġijiet fl-ambitu ta’ taħditiet li qegħdin iseħħu fil-livell Ewropew u jara li l-liġijiet li jittrattaw dan is-settur jiġu osservati. Dan isir permezz ta’ kontrolli fis-suq li jikkumplimentaw is-sistema ta' ċertifikazzjoni eżistenti fil-waqt li jara li kull min għandu interess li jidħol f’dan is-settur ikollu punt ta’ riferiment fejn jirrikorri sabiex jikseb kull informazzjoni utli sabiex jopera f dan is-settur. Dwar inċentivi finanzjarji nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Is-Siġġiewi – Sqaq in-Nadur — aċċessibilità

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsiru x-xogħlijiet meħtieġa fuq Sqaq tan-Nadur fis-Siġġiewi li pjanta tiegħu qed tingħata separatament sabiex jitwessa’ u jkun aktar aċċessibbli għan-nies li għandhom l-għelieqi f’dan l-isqaq?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 28186.

Selmun/Imġiebaħ – xogħlijiet fuq żona indikata bħala Żona Natura 2000

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi li hemm approvati (minn April 2013 sa Settembru 2016) u oħrajn pendenti dwar xogħlijiet ta' kostruzzjoni li qed siru fiż-żona ta' Selmun/Imġiebaħ fil-parti li hija indikata bħala Żona Natura 2000?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Awtorità dwar l-Ambjent (ERA) tiġi biss ikkonsultata fil-proċess ta’ applikazzjonijiet ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni u għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Selmun/Imġiebaħ – xogħlijiet ta’ kostruzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk ix-xogħlijiet ta' kostruzzjoni li għaddejjin fuq inizjattivi personali bħalissa fiż-żona Selmun/Mġiebaħ humiex kollha konformi mal-permessi approvati u li fuq l-istess siti mhu jsir l-ebda sfreġju ambjentali f'żona daqshekk sensittiva magħrufa aħjar bħala Natura 2000?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.

Selmun/Imġiebaħ — spezzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jindika kemm saru spezzjonijiet fl-aħħar 12-il xahar fiż-żona Ta' Selmun u Mġiebaħ, dan sabiex ikun aċċertat li mhux isir l-ebda sfreġju ambjentali jew żvilupp li mhux skont il-permessi approvati f'din iż-żona li parti kbira minnha hija waħda protetta u li hija indikata bħala waħda mis-siti Natura 2000?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-4 t’April tal-2016 (minn meta bdiet topera l-Awtorità għall-Ambjent u r-Rizorsi, l-ERA) sat-2 ta’ Novembru l-ERA spezzjonat iż-żona ta' Selmun u Mġiebaħ darbtejn bħala parti minn spezzjonijiet ta’ moniteraġġ li jsiru fuq siti ta’ Natura 2000 u għal raġunijiet oħrajn ta’ compliance ambjentali. Il-parti tal-mistoqsija fuq żvilupp li mhux skont il-permessi approvati għandha tiġi referuta lill-Ministeru ikkonċernat.

Iż-Żejtun — sparar fuq ħammiem

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27986 dwar qtil ta' ħamiem li sparawlhom, peress li ta min jgħid fit-tweġiba li ġejt irreferut għaliha (mistoqsija parlamentari 24335) kienet fuq ħamiem fil-Port il-Kbir (meta l-mistoqsija li għamilt kienet fuq qtil ta' ħamiem fiż-Żejtun) u fl-ebda mument fil-mistoqsija parlamentari 24335 ma ssuġerrixxa li dan il-ħamiem għandu jiġi maqtul billi jisparawlu, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27956 u jispjega għaliex biex tiġi kkontrollata l-popolazzjoni tal-ħamiem fiż-Żejtun, sparaw għalih fl-abitat taż-Żejtun bil-konsegwenza li ħamiem mejjet u ferut waqa anke fuq propretajiet tan-nies u dan sar anke quddiem it-tfal? Jista' l-Ministru, li taħtu taqa' r-reponsabilità tal-Animal Welfare fil-futur jara u jeżiġi li jintużaw mezzi aktar umani biex jiġi kkontrollat popolazzjonijiet tal-ħamiem u dan billi fost l-oħrajn dan il-ħamiem jiġi mgħallef għalf apposta u li fih imħallat miegħu kontraċettivi?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond L-Att dwar it-Trattament Xieraq tal-annimali (Kapitlu 439) il-kontroll tal-pesti mhumiex regolati taħt d-Direttorati fi ħdan il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima. Għalhekk nitlob lill-Onor Interpellant jirefferi l-Mistoqsija Parlamentari lil Ministru kkonċernat.

Awtorità dwar l-Ambjent – Deċiżjonijiet tal-ippjanar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il appell sar jew ġie ppreżentat mill-Awtorità dwar l-Ambjent minn deċiżjonijiet ta' ippjanar minn kemm ilha mwaqqfa din l-Awtorità?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant li minn kemm ilha mwaqqfa din l-Awtorità sa l-10 ta’ Ottubru 2016, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi fetħet każ wieħed ta’ Appell minn deċiżjonijiet ta' ppjanar.

Awtorità dwar l-Ambjent – uffiċjali tal-infurzar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il uffiċjal tal-infurzar għandha l-Awtorità dwar l-Ambjent fil-jum li fih qed issir din l-interpellanza?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lilll-Onor. Interpellant illi sal-10 ta’ Ottubru 2016 hawn 8 uffiċċjali li qed jaħdmu fuq compliance u nfurzar mal-Awtorità dwar l-Ambjent (ERA). Huwa ppjanat ukoll li jiżdied in-numbru ta’ dawn l-uffiċjali.

Kalkara – bajja tal-klieb — aċċess

Question

Jista’ l-Ministru jara għala u jieħu l-passi biex l-aċċess għall-bajja tal-klieb fil-Kalkara ma jibqax kif inhu ta' periklu wara iktar minn sena biċ-chicken wire issa nofsu maqtugħ?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirefferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Dipartiment tal-Animal Welfare — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet iż-żieda tal-impjegati mad-Dipartiment tal-Animal Welfare mill-elezzjoni ‘l hawn u għal kull wieħed minn dawn l-impjegati jgħid minn fejn ġie? X'kien ix-xogħol li kien jagħmel qabel kull impjegat qabel ma ġie trasferiet jew impjegat mad-Dipartiment tal-Animal Welfare?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant li mill-11 ta' Marzu 2013 sal-5 ta' Ottubru 2016 fid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali kien hemm żieda ta’ 10 ħaddiema. Il-kumplament tal-informazzoni mtluba qed titpoġġa f’tabella fuq il-mejda tal-kamra.

Imsaġar ġodda f’Malta u f’Għawdex – masġar ta’ Kennedy Grove

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 27470, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-masġar li suppost kellu jsir fl-inħawi ta’ Burmarrad, issa fil-fatt inqatax mill-programm peress li mhux imsemmi? Jista’ jagħti wkoll tagħrif dwar jekk il-masġar ta’ Kennedy, fejn numru sostanzjali ta’ siġar spiċċaw mejtin, għal xi raġuni jew oħra, hux ser jiġi rranġat, u fih jitħawlu siġar oħra? X’inhu x-xogħol li mistenni jsir f’dan l-istess post, matul din is-sena u s-sena d-dieħla?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lil Onor. Interpellant li fil-fatt l-Wied ta’ Santa Katerina (fil-limiti tan-Naxxar u Burmarrad) jaghmel parti minn Burmarrad li fih qed jiġi ppjanat li jsir restawr u afforestazzjoni kif diġa’ ntqal fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 27470. Għaldaqstant Burmarrad ma nqatax mill-programm ta’ żoni li jrid isir tħawwil fihom. Dan ser isir wara li jinfetħu l-applikazzjonijiet għall-fondi tal-Unjoni Ewropeja taħt il-Mizura 8 tal-Programm Agrikolu (EAFRD). Għar-rigward ta’ Kennedy Grove s-siġar li kienu mietu huma tat-tip Cypressus leylandi li risposta għall–interventi li qegħdin isiru ngħatat fi tweġiba Nru 20459 u Nru 16658. Siġar ġodda indiġeni tal-ispeċi Cypress semprevines qed ikunu mħawla flok dawk li mietu.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – Uffiċċju tal-Ombudsman — talbiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru talbiet lill-Uffiċċju tal-Ombudsman mill-1 ta’ Ottubru 2015 sal-lum rigward l-operat tal-Ministeru, tal-korporazzjonijiet, u tad-dekasteru li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima? Jista’ jindika l-eżitu ta’ dawn it-talbiet?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Ottubru 2015 sat-30 ta’ Settembru 2016 ma saru l-ebda talbiet mill-Uffiċċju tal-Ombudsman.

Il-Magħtab – miżbla — irwejjaħ

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema passi qed jittieħdu mill-Ministeru, jew xi entità li taqa’ taħtu biex l-irwejjaħ insapportabbli li ħerġin mill-miżbla (jew engineered landfill) tal-Magħtab jiġu kkontrollati bis-serjetà?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-miżuri li ttieħdu, kif diġa’ ntqal fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 26567, huma żieda fid-daily cover u użu ta’ sistema ta’ odour neutraliser.

Federazzjoni tad-Dilettanti tal-Ħamiem — diskussjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħtu tagħrif dwar jekk il-Ministeru kellux diskussjonijiet mal-Federazzjoni tad-Dilettanti tal-Ħamiem dwar id-diffikultajiet li dawn qed jiffaċċjaw biex ikunu jistgħu jkomplu bid-delizzju tagħhom, partikularment minħabba l-lofts li huma għandhom? Jekk iva, meta saru l-laqgħat u x'irriżulta minn dawn l-istess laqgħa? X'passi ħa l-Ministeru favur dawn id-dilettanti?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja huwa kontinwament f’kuntatt mal-Federazzjoni tad-Dilettanti tal-Ħamiem fuq suġġetti li jikkonċernaw lil dan il-Ministeru. Dawn ma jinkludux ir-regolariżazzjoni fuq loftstal-ħamiem minħabba li dan ma jaqax taħt dan il-Ministeru. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirefferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Kwota tal-pixxispad – sajjieda Maltin

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’pożizzjoni ħa l-Ministeru għal dak li jikkonċerna l-kwota tal-pixxispad li tista’ tinqabad mis-sajjieda Maltin? X’kienu r-riżultati li akkwistajtu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet fi ħdan l-istrutturi tal-Unjoni Ewropea dwar dan, fejn Malta ħadet pożizzjoni kontra id-dħul ta’ sistema tal-kwoti tal-pixxispad. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja ta’ ittra mibgħutha lill-Kummissarju għall-Ambjent, is-Sajd u l-Affarijiet Marittimi, bil-pożizzjoni uffiċjali ta’ Malta, liema pożizzjoni meħudha ttieħdet bi ftehim mall-Koperattivi tas-Sajd. Huwa mistenni li wara li jiġi fformulat mandat għall-Kummissjoni Ewropea, mill-Kunsill tal-Ministri, biex skont dan il-mandat isiru n-negozjati fi ħdan l-ICCAT. Dawn in-negozjati huma mistennija li jsiru matul il-laqgħa annwali tal-ICCAT li ser tinżamm fil-Portugal bejn l-14 u l-21 ta’ Novembru 2016. Għal din il-laqgħa, barra minn uffiċjali mid-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura, għandhom jattendu wkoll rappreżentanti mill-Koperattivi tas-Sajd.

San Pawl il-Baħar – menqa — spezzjoni

Question

Billi s-sajjieda li jużaw il-menqa ta' San Pawl il-Baħar huma inkwetati li l-istess menqa tista' tispiċċa bla lqugħ wara xi maltempata, għaliex qed isostnu li hemm ħsarat fuq il-ħajt li jifred il-menqa mill-baħar, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk spetturi tas-sajd għamlux xi spezzjoni fuq din l-istess menqa? Jekk le, jista' jieħu l-passi neċessarji biex din l-ispezzjoni ssir?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li nkarigajt lid-Dipartiment tas-Sajd u Akwakultura sabiex dwar il-kwistjoni li qed iqajjem tikkordina ma’ Transport Malta li hija responsabbli mill-infrastruttura marittima.

Rziezet għat-trobbija ta’ baqar

Question

B’referenza għar-risposta għad-domanda parlamentari 26681, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra meta huwa previst li r-razzett li hemm il-Birgu jiġi definittivament rilokat is-Siġġiewi?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 27201.