Legislature:
Category:
Reset
Active:

Riforma dwar il-Pensjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk wara r-riforma mħabbra dwar il-pensjonijiet hemmx il-ħsieb li l-istess grupp jissokta jaħdem għal aktar titjib f’dan il-qasam? Jekk iva, għandu xi pjanijiet għall-Grupp ta’ Strateġija dwar il-pensjonijiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Grupp għall-Istrateġija tal-Pensjonijiet mistenni jerġa’ jissokta x-xogħol tiegħu fit-tieni nofs ta’ din is-sena biex jibda jħejji ir-rapport strateġiku li jmiss, li skont l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, irid jitpoġġa fuq il-mejda ta’ din il-Kamra sal-aħħar tal-2020. Minkejja dan, il-Gvern xorta se jibqa’ mpenjat li jdaħħal miżuri ta’ fejda u titjib għall-pensjonanti kollha fil-Baġit li ġej u l-oħrajn ta’ warajh

Pensjoni mhux kontributorja — persuni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu n-numru ta’ persuni li qed jirċievu pensjoni mhux kontributorja?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, n-numru ta’ persuni li jirċievu Pensjoni mhux Kontributorja (Pensjoni tal-Età), sad-data li fiha qed tkun imwieġba din il-mistoqsija parlamentari huwa ta’ 4776

Pensjoni Minima Nazzjonali — pensjonanti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-pensjonanti li qed igawdu mir-riforma fil-pensjonijiet fir-rigward tal-Pensjoni Minima Nazzjonali? X’inhi l-medja ta’ żieda fil-ġimgħa li bdew igawdu dawn il-pensjonanti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Pensjoni tad-Diżabilità – persuni li kienu għadhom jaħdmu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sa tmiem l-2016, kemm hemm persuni jieħdu l-Pensjoni ta’ Diżabilità u jaħdmu, u allura mhux qed jitnaqqsilhom xejn mill-pensjoni tagħhom kif kien jiġri taħt l-amministrazzjoni preċedenti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, sal-aħħar tas-sena 2016, kien hemm 755 persuna li jirċievu l-Pensjoni tad-Diżabilità li kienu jaħdmu u madanakollu ma tnaqqsilhom xejn mill-pensjoni dovuta minkejja d-dħul mix-xogħol.

Ftehim ma’ pajjiżi terzi – familji — adozzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar matul din is-sena fir-rigward ta’ ftehim u komunikazzjoni ma’ pajjiżi terzi sabiex ngħinu lil dawk il-familji li jixtiequ jadottaw?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fir-rigward ta’ ftehim ma’ pajji¿i terzi sabiex jiġu mgħejuna dawk il-familji li jixtiequ jadottaw, l-Awtorita’ Ċentrali Maltija bħalissa tinsab f’diskussjonijiet maċ-Ċili u l-Polonja. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ komunikazzjoni ma’ pajji¿i terzi, dan l-aħħar bdejna b’diskussjonijiet preliminarji mal-Latvja u r-Repubblika Ċeka.

Tfal fl-Istitut — fostering

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandna tfal fostered ma’ familji u kemm għandna tfal fl-istituti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi, fil-preżent, in-numru ta’ tfal fostered huwa ta’ 217, u n-numru ta’ tfal ġewwa djar reżidenzjali huwa ta’ 206.

Ċentru għall-Anzjanità Attiva – trasport għall-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema ġurnata twaqqaf is-servizz tat-trasport għall-anzjani lejn iċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva ta’ tas-Sliema? Jista’ jgħid jekk huwiex qed jipprovdi trasport alternattiv fil-frattemp sakemm jiġi evalwat u mogħti t-tender li nħareġ għal dan is-servizz?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, it-tender għas-servizz ta’ trasport se jingħata fil-ġranet li ġejjin, u dan biex ikollna transport li jkun konformi mar-regoli u proċeduri applikabbli.

Persuna b’diżabilità –Problema bil-kera

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li hi persuna b’diżabilità u għandha problema bil-kera?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-kera hija maħduma skont il-policies tal-kera soċjali preżenti.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — kiri/xiri ta’ karozzi għall-użu uffiċjali

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar karozzi mixtrija jew mikrija u li qegħdin għall-użu tal-uffiċjali fil-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? Kemm kienet l-ispiża fuq dan ir-rigward mill-Ministeru u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu ta' kull sena għas-snin 2013, 2014, 2015 u 2016?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni miġbura s’issa mhix kompluta u lest li nagħti l-informazzjoni mitluba fil-jiem li ġejjin.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — Persons of trust - kariga

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-kariga jew xogħol li kull person of trust li hemm fil-Ministeru tiegħu, qiegħed jokkupa?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba minnu tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Benefiċċju soċjali – każ ta’ persuna

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li mhux qed tirċievi benefiċċju soċjali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, il-każ tal-persuna msemmija huwa maħdum u awtorizzat u l-ħlas se jsir fi ftit ġranet oħra.

Skema ta’ Housing – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward skema ta’ housing?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, skont l-Iskema Sir Sid Darek proprjeta’ tal-Uffiċċju Konġunt (Joint Office) ma tistax tinbiegħ taħt l-iskema. Għalhekk l-applikazzjoni ta’ din il-persuna ma setgħetx tiġi proċessa peress li r-residenza hija mikrija mill-Uffiċċju Konġunt.

Pensjonanti f’Malta u f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ pensjonanti f’Malta u f’Għawdex? Jista’ jgħid liema tip ta’ pensjoni qed jieħdu dawn il-pensjonanti? Jista’ jgħid kemm minn dawn il-pensjonanti jirrisjedu f’Għawdex?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, in-numru ta’ pensjonanti f’Malta u f’Għawdex skont it-tip ta’ pensjoni li jirċievu huwa kif jidher fit-tabella t’hawn taħt. Pensjonanti - Frar 2017 Malta Għawdex Total Pensjoni tal-Età mhux kontributorja 3,534 491 4,025 Pensjoni kontributorja tal-Irtirar 53,669 4,282 57,951 Pensjoni tar-Romol 14,415 1,125 15,540 Pensjoni tal-Invalidita' 2,970 617 3,587 Total ta' Pensjonanti 74,588 6,515 81,103

Tfal li jirrisjedu fi Djar tal-Knisja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru totali ta' tfal li qed jirrisjedu fi Djar tal-Knisja? Jista' jgħid liema huma dawn id-djar, minn min huma mmexxija u kemm hemm tfal f'kull dar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa hemm total ta’ 154 tifel u tifla, żgħażugħ u żgħażugħa li qed jirrisjedu fi Djar tal-Knisja. Il-lista ta’ hawn taħt tindika liema huma dawn id-djar, minn min huma mmexxija u t-total ta’ tfal f’kull dar. Isem tad-Dar tal-Knisja Min Imexxi d-Dar tal-Knisja Numru ta’ tfal Dar Sagra Familja, Zabbar Uffiċċju Ejjew Għandi 11 Fra Diegu Home, Hamrun Uffiċċju Ejjew Għandi 14 St Joseph Home, Zabbar Uffiċċju Ejjew Għandi 5 St Joseph Home,Sta Venera Assistant Director 14 Dar Don Bosc, Balzan Salesians 5 St Patrick’s Home, Sliema Salesians 27 Dar Arka, Għajnsielem, Għawdex 5 Dar Osanna Pia, Sliema Salesians 2 Dar tal-Providenza, Siggiewi Service Co-ordinator 1 Angela House, Gwardamangia Ursuline Sisters 25 Fatima Home, Sliema Ursuline Sisters 4 St Rita Home, Tarxien Ursuline Sisters 15 Ursuline Creche, Sliema Ursuline Sisters 21

Pensjoni tad-Diżabilità – applikazzjoni u vverifikar — tibdiliet

Question

Jista’ l-Ministru jispjega t-tibdiliet li saru fl-applikazzjoni, fl-ivverifikar, fl-ipproċessar u fl-għoti tal-pensjoni tad-diżabilità peress li jidher li hemm erba’ kategoriji ta’ din il-pensjoni u minflok tissemma’ l-kundizzjoni, it-tabib jew l-ispeċjalista jrid iniżżel il-Barthel Index u l-Mini-Mental State Exam?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, permezz tal-Baġit 2017 ġiet introdotta riforma fil-Penjoni għall-Diżabilità. Fl-ewwel lok ir-referenza għall-pensjoni ġiet eliminata u minflok issa qiegħda tissejjaħ assistenza. L-ewwel livell ta’ assistenza ġie introdott għall-ewwel darba b’effett minn Jannar 2017 u tissejjaħ Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa. Din l-assistenza mhijiex means tested u tingħata lil dawk il-persuni b’diżabilità li l-kundizzjoni tagħhom tifforma parti mill-proviżjonijiet elenkati fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali u jissodisfaw riżultat ta’ bejn 0 sa 4 tal-Barthel Index. It-tieni livell ta’ assistenza tissejjaħ Assistenza għal Diżabilità Severa u l-kundizzjonijiet huma dawk li kienu jeżistu sal-lum, jiġifieri persuna b’diżabilità trid tissodisfa l-kundizzjoni medika kif elenkata fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali u kif ukoll it-test tal-mezzi. Persuna li tikkwalifika għall-Assistenza għal Diżabilità Severa tista’ taħdem u d-dħul minn xogħol ma jiġix ikkunsidrat għall-finijiet tat-test tal-mezzi. Kategorija oħra hija l-Assistenza għal Persuni b’Vista Batuta u fuq l-istess parametri tal-Assistenza għal Diżabilità Severa , hija soġġetta għat-test tal-mezzi u d-dħul minn xogħol ma jiġix ikkunsidrat. Assistenza oħra li ġiet introdotta għall-ewwel darba b’effett minn Jannar 2017 hija l-Assistenza għal Diżabilità. Persuna tista’ tapplika għal din l-assistenza jekk tissodisfa l-kundizzjoni medika ta’ paraliżi totali permanenti jew malfunzjoni gravi totali permanenti jew marda totali permanenti, sew jekk inhi kkawżata b’amputazzjoni jew mod ieħor, ta’ driegħ jew riġel wieħed. L-Assistenza għal Diżabilità hija soġġetta għat-test tal-mezzi u d-dħul minn xogħol ma jiġix kkunsidrat.

Xogħlijiet f’shaft ta’ flat – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward xogħlijiet fix-shaft ta’ flat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma jirriżultax li l-Awtorità tad-Djar kienet irċeviet ilment mingħand l-inkwilin imsemmi. Madanakollu, sar kuntatt mal-inkwilin, fejn huwa stess ikkonferma li m’hemm l-ebda ħsarat fil-katusi. Huwa ġie mgħarraf li xogħlijiet ta’ manutenzjoni ordinajra bħal żebgħa, taqa’ taħt ir-responsabbilta’ tal-inkwilin.

Support line 179 — voluntiera

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' voluntiera li taw is-servizz tagħhom fis-Supportline 179 bejn Jannar 2012 u Jannar 2017 (xahar b'xahar)?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba minnu hija kif miġbura fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Residenza San Vincenz de Paule – teatru

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk it-teatru fir-Residenza ta' San Vinċenz de Paule għadux jinkera għall-attivitajiet imtella' minn entitajiet privati? Jekk le għal-liema raġuni ttieħdet din id-deċiżjoni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-attivitajiet ġewwa San Vinċenz de Paule, li jsiru u jiġu organizzati minn San Vinċenz de Paule stess fit-teatru, żdiedu konsiderevolment. Madanakollu, jekk ikun hemm xi entità li tixtieq tagħmel attivita ġewwa it-teatru, tkun tista’ tagħmel dan billi ssir talba lill-Amministrazzjoni tar-Residenza skont il-proċedura stabbilita.

FSWS – każijiet b’rabta ma’ negliġenza tat-tfal

Question

B'referenza għall-istorja li dehret fuq is-sit elettroniku tvm.com.mt fl-aħħar jiem intitolata "L-FSWS tinvestiga mad-950 każ fis-sena b'rabta ma' negliġenza tat-tfal" jista' l-Ministru jgħid kemm kienu preċiżament il-każijiet investigati fis-snin 2014, 2015 u 2016 (sena b’sena)? U fl-istess waqt jista' jgħid il-każijiet investigati fis-snin indikati mil-liema lokalitajiet kienu ġejjin dawn it-tfal?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni minnu hija kif miġbura fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

FSWS – każijiet b’rabta ma’ negliġenza tat-tfal

Question

B'referenza għall-istorja li dehret fuq is-sit elettroniku tvm.com.mt fl-aħħar jiem intitolata "L-FSWS tinvestiga mad-950 każ fis-sena b'rabta ma' negliġenza tat-tfal" jista' l-Ministru jgħid kemm kienu preċiżament il-każijiet investigati bejn Jannar 2014 u Jannar 2017 (sena b’sena) u li minnhom ħareġ li l-ilment kien wieħed ġustifikat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu hija skont kif inhi miġbura hawn taħt: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, l-istatistika tikkonċerna każijiet li għaddew minn diversi forom ta’ abbuż fuq minuri rrapurtati lis-Servizz għall-Ħarsien tat-Tfal (Child Protection Servce – CPS) In-numru ta’ kazijiet li ħadmu magħhom il-ħaddiema tas-Servizz għall-Ħarsien tat-Tfal, skont jekk l-abbuż ġiex ivverifikat jew le, huwa kif ġej: Abbu ż verifikat ? Jan-Diċ 2014 Jan-Diċ 2015 Jan- Ġunju 2016 Le 1007 1176 895 Iva 367 431 230 Total Globali 1374 1607 1125 Dawn il-każijiet setgħu kienu trasferiti minn sena għal oħra. Fejn tidħol statistika għal aħħar 6 xhur tas-sena 2016, jiġifieri bejn Lulju u Diċembru 2016, l-informazzjoni miġbura mhijiex waħda uffiċjali, hekk kif din l-informazzjoni għadha trid tkun analizata għal xi anomaliji, għaldaqstant tista’ tvarja mill-istatistika uffiċjali finali li għad trid tiġi ippublikata. Madanakollu l-informazzjoni għal dan il-perijodu xorta waħda qiegħda tinġieb għall-attenzjoni tal-Onor. Interpellant, kif jidher hawn taħt: Abbuż verifikat? Lul-Diċ 2016 Le 324 Iva 24 Total Globali 348