Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kont tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif jinħadem il-ħlas tad-dawl, fil-parti tal-kont li jikkonċerna l-konsum, meta l-kontijiet jintbagħtu wara numru kbir ta' xhur, minflok kull xahrejn kif suppost li jiġri? Kif qed jiġi garantit li t-traħħis dovut skont in-numru ta' persuni fil-familja jasal għand l-istess familja?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kontijiet jiġu riveduti skont il-qari li jiġi rreġistrat fil-meters meta dawn jinqraw.

L-Imtarfa – triq ta’ ħdejn iċ-Ċimiterju mitfija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jafx u jekk jaf hijhex deċiżjoni tiegħu li d-dawl f’parti sostanzjali fit-triq ta’ bejn iċ-ċimiterju tal-Imtarfa u r-roundabout tar-Rabat li tagħti għal Ħaż-Żebbuġ qiegħed ikun mitfi?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-triq li qed tirreferi għaliha taqa' taħt ir-responsabbiltà ta' Transport Malta.

Diskors tal-Baġit 2014 — roħs fil-Kontijiet tad-dawl u ilma

Question

Peress li fid-diskors tal-Baġit tal-2014 f'paġna 15 qal li f'Marzu 2014 se titwettaq il-wegħda elettorali li jitnaqqsu l-kontijiet tad-dawl u ilma b'medja ta' 25% u 5% rispettivament għall-familji, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan it-tnaqqis hux se jingħata fl-1 ta' Jannar 2014 jew l-1 ta' Marzu 2014 jew inkella l-1 ta' April 2014?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dan il-Gvern se jwettaq dak li wiegħed li f’Marzu 2014 se jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma għall-familji u f’Marzu 2015 għan-negozji.

enerġija elettrika – konsumaturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' konsumaturi domestiċi li jieħdu l-enerġija elettrika mill-Korporazzjoni Enemalta fl-aħħar tas-sena 2012 kif ukoll kemm minn dawn il-konsumaturi kienu fuq single phase u kemm kienu fuq three phase? Jista’ jgħid kemm kien il-valur tas-service charge kemm tas-single phase supply u tat-three phase supply fl-istess data indikata?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tiġi ppreżentata fuq il-Mejda tal-Kamra.

enerġija elettrika – konsum

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-valur totali tal-bejgħ tal-enerġija elettrika fis-settur domestiku għas-snin 2010 u 2012, sena b'sena?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tiġi ppreżentata fuq il-Mejda tal-Kamra.

Il-Ħamrun – Triq Joe Gasan — xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4218, jista’ l-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol li qed isir mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qabel ma jibda x-xogħol ta' bini mill-ġdid u resurfacing ta' Triq Joe Gasan, il-Ħamrun?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett tar-resurfacing huw ta’ Transport Malta. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha bżonn upgrade tan-network. Peress li Transport Malta iddeċidiet li mhux ser taqla t-triq, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ser tuża l-kuntrattur ta’ Transport Malta biex isir ix-xogħol. Il-Koporazzjoni se toħroġ Letter of Acceptance lill-kuntrattur ta’ Transport Malta fl-iqsar żmien possibbli.

Marsaxlokk – regeneration plan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti r-regeneration plan għal Marsaxlokk, x'xogħlijiet se jsiru u f'liema toroq? Jista’ jpoġġi kopja tal-pjanti proposti kif wkoll stimi tax-xogħol involut? Meta se jibda ix-xogħol u meta se jkun lest?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern ressaq numru ta’ proposti lill-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk bħala parti minn regeneration plan għal din il-lokalità. Bħala Gvern ħallejna f’idejn il-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk biex jara liema proposti l-aktar li jinteressawh. La darba l-pjanijiet ikunu konklużi, inkunu nistgħu nagħtu aktar dettalji.

Marsaxlokk – regeneration plan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min ipprepara il-pjanti u stimi għar-regeneration plan ta' Marsaxlokk? Kif ingħata x-xogħol ta' preparazzjoni ta' pjanti, stimi u applikazzjonijiet mal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, b'tender jew b'direct order?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 4887.

Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma — reklamar u public relations

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tiegħu, inkluż kull entità u dipartiment li hi jew hu fi ħdan dan il-Ministeru, fuq reklamar jew public relations mill-11 ta' Marzu 2013 'il hawn? F'liema media sar dan ir-reklamar u permezz ta' liema aġenzija jew kumpanija?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tiġi ppreżentata fuq il-Mejda tal-Kamra.

Rapporti dwar pompi tal-magni diesel

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Korporazzjoni Enemalta waslulhiex rapporti konsistenti dwar ħsarat li qed iseħħu fil-pompi tal-magni diesel, liema ħsarat, skont dawk li għandhom dan it-tip ta' vetturi huma riżultat ta' kwalità ta' diesel li mhux sodisfaċenti? Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm bidliet fit-tip ta' diesel li qed jiġi impurtat hawn Malta?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5376.

Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma – riżenja ta’ ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, kemm-il persuna maħtura mill-Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma f’kariga uffiċjali jew bord, offriet ir-riżenja tagħha? Min kienu dawn il-persuni? X’kienet ir-raġuni wara r-riżenja tagħhom? Min inħatar minflokhom?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-Sur Anthony Valvo rriżenja u nħatar is-Sur Tony Meilaq. Il-Bord tal-ARMS ra li jkun fl-interess tal-kumpanija li titpoġġa taħt ic-chairmanship tal-WSC.

Enemalta – kwalità ta’diesel

Question

B’referenza għall-ilmenti li qed jaslu dwar il-kwalità ta’ diesel li hawn bħalissa li qed jikkaġuna diversi ħsarat fil-pompi tal-karozzi li jaħdmu bid-diesel, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Korporazzjoni Enemalta wasluliex dawn l-ilmenti? Jekk iva, x’passi ħadet? Saru testijiet u, jekk fl-affermattiv, f’liema laboratorji saru u meta saru dawn it-testijiet?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Enemalta waslulha lmenti dwar il-kwalita’ tad-diesel. Saru testijiet fuq kampjuni ta’ diesel meħuda mill-bowsers qabel ma marru fil-petrol stations. Ir-riżultat ikkonferma li d-diesel kien skont l-ispeċifikazzjonijiet Ewropej. Dawn it-testijiet saru mill-kumpanija Inspectorate fil-11 t’Ottubru 2013.

Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma — persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx persuni li huma ngaġġati bħala persons of trust (POT) fi ħdan il-Ministeru tiegħu jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu li ngħataw permess biex jagħmlu xogħol bit-telework? Jekk iva min huma u kemm bħala persentaġġ jistgħu jagħmlu telework mill-ħin kollu?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Enemalta, l-MRA, l-ARMS u l-Ministeru għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma m’għandhom l-ebda person of trust li taħdem bit-telework, filwaqt li l-WSC għandha persuna waħda li tagħmel 15-il siegħa fil-ġimgħa xogħol bit-telework.

Dokument ta' ftehim fuq provvista ta' gass mal-privat

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 432, ġaladarba jeżistu numru ta' kuntratti b'kondizzjonijiet differenti, u allura iktar u iktar m'għandux ikun hemm diffikultà biex iqiegħed dokument wieħed ta' kuntratt bi ftehim ta' prezz fiss għal 10 snin, jista’ l-Ministru allura jkun daqstant indulġenti u fil-fatt jqiegħed tali dokument wieħed fuq il-Mejda tal-Kamra b'tali parametri?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tali kuntratti jeżistu f'kemm kundizzjonijiet u anki b'mekkaniżmi differenti.

Ġenerazzjoni tal-Enerġija mill-mewġ tal-baħar — studji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-riżultati ta’ studju li kien sar dwar il-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-mewġ tal-baħar? Hemm ħsieb li nsegwu dan il-kunċett bħala parti mill-energy mix tal-pajjiż?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni tingħata f'seduta oħra.

Problema bl-arloġġ tal-ilma – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsir kuntatt mal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li għandha problema fuq l-arloġġ tal-ilma?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-konsumatur ġie kkuntattjat fid-29 t'Ottubru 2013.

Dipartiment tad-Drenaġġ – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-ħaddiema tad-Dipartiment tad-Drenaġġ jaraw it-talba tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħarġet il-Letter of Acceptance lill-kuntrattur biex isir ix-xogħol meħtieġ.

Trattament tad-Drenaġġ – produzzjoni ta’ ilma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm jiġi prodott ilma kuljum mit-trattament tad-drenaġġ? Fejn jintuża (perċentwal)? Kemm tiswa din il-produzzjoni? Kemm swiet l-istess produzzjoni bir-reverse osmosis bejn l-2008 u l-2013?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Enemalta — sussidji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċeviet mingħand il-Gvern, sena b’sena f’dawn l-aħħar ħames snin, sussidju u/jew pagamenti oħra l-Korporazzjoni Enemalta biex tagħmel tajjeb għat-tariffi imposti mill-Gvern u għas-sussidji għall-każijiet soċjali?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Enemalta – gas terminal

Question

Minħabba li kien irrapurtat li hemm xi delays fil-proġett tal-gas terminal tal-Korporazzjoni Enemalta, jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li dan jibda jopera?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proġett miexi kif ippjanat.