Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #28903 Sitting 622 2001-10-22 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru għall-Ambjent

Ilmenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid fid-dawl ta' l-ilmenti kontinwi tar-residenti ta' Triq l-Għollieq, Mosta u Triq l-Assembleja Nazzjonali u madwar ta' storbju u ħsejjes ġejjin mis-supermarket li d-dettalji tiegħu qegħdin jintbagħtu separatament , x'passi ttieħdu mill-Awtorita' ta' l-Ambjent billi l-inkonvenjent għadu jippersisti?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Wara li l-Ministeru għall-Ambjent investiga l-każ mill-aspett tal-punti ambjentali, irriżulta li l-post li qiegħed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant ma jaqax taħt ir-responsabbilta' tal-Gvern Ċentrali. Dwar l-issues l-oħra, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #28936 Sitting 622 2001-10-22 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Moll — Ta' Pinto

Question

Jista' l-Ministru jara li jitnaddfu s-swar li jħarsu fuq il-moll ta' Pinto mil-ħafna ħaxix ħażin li jikber magħha peress li dawn is-swar kienu l-ewwel li jaraw it-turisti li jżuruna permess tal-cruise liners?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li f'dawn l-aħħar snin is-swar li jħarsu fuq il-moll ta' Pinto diġa' tnaddfu darbtejn mill-ħaxix. Huwa programmat li xogħol ta' tindif jerġa' jsir fil-futur qarib.
Leg 9 PQ #28619 Sitting 621 2001-10-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jaġġornani dwar PQ 28250?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li wara li saret CCTV survey fil-main imsemmi, ġiet stabbilita fejn hi l-ħsara. Qegħdin isiru d-dokumenti neċessarji biex tkun tista' tinħareġ tender urġenti għal dan ix-xogħol.
Leg 9 PQ #28774 Sitting 620 2001-10-17 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Ambjent

Pembroke — Slipway

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'hiex waslet it-talba tal-kunsill lokali ta' Pembroke biex il-Gvern ċentrali joħloq slipway għad-dilettanti tad-dgħajjes fl-akwati?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li qed jiġu studjati proposti mid-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent biex tkun sottomessa applikazzjoni lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar rigward din is-slipway.
Leg 9 PQ #28807 Sitting 620 2001-10-17 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru għall-Ambjent

Vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm nefaq l-Ministeru u dipartimenti li jaqgħu taħtu, fuq hiring, u leasing u xiri ta' vetturi matul s-snin 1999, 2000, 2001 sal-llum?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li n-nefqa fuq hiring, leasing u xiri ta' vetturi huwa kif jidher hawn taħt: 1999 Kiri ta' vetturi Lm126,150. Xiri ta' vetturi Lm 45,816. 2000 Kiri ta' vetturi Lm195,659. Xiri ta' vetturi Lm 20,985. 2001 Kiri ta' vetturi Lm108,862. Xiri ta' vetturi Lm 26,520.
Leg 9 PQ #28657 Sitting 619 2001-10-16 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru għall-Ambjent

Emissions

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 26077, jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-riżultati ta' l-investigazzjoni li għamlu l-ispetturi tad-dipartiment għal Ħarsien ta' l-Ambjent dwar l-emissions li qed jaffettwaw l-arja fil-madwar ta' Alexandra Square - Ħal Qormi b'detriment għal saħħet ir-residenti? X'passi ttieħdu? Jaf l-Ministru li s-sitwazzjoni għadha l-istess?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li saru diversi spezzjonijiet minn spetturi tad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent fiz-zona ta' Alexandra Square f'Ħal Qormi, kif ukoll kien hemm konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi. Irriżulta li fil-viċinanzi ta' din il-pjazza hemm forn li għal xi żmien kellu problema fiċ-ċumnija. Din kienet qed tkun kaġun ta' emissjonijiet eċċessivi u kien hemm ilmenti mir-residenti ta' l-inħawi. Din il-problema issa kienet riżolta u ma jirriżultax li għad hemm emissions eċċessivi fl-inħawi. Il-każ se jkompli jkun segwit.
Leg 9 PQ #28746 Sitting 619 2001-10-16 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Ambjent

Skartar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi impjegati li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li nqabdu skartati mix-xogħol jew li kienu assenti mingħajr raġunijiet validi? Jekk fl-affermattiv, x'passi ittieħdu jew ser jittieħdu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Mill-1 ta' Jannar 2001 sa llum, in-numru ta' impjegati li nqabdu skartati mix-xogħol jew li kienu assenti mingħajr raġunijiet validi, u l-passi dixxiplinarji li ttieħdu jew ser jittieħdu huma kif jidher hawn taħt: Numru ta' Impjegati Riżultat Passi Dixxiplinarji 16 Ħatja Ċanfira bil-miktub 5 Mhux ħatja 10 Preskritti 3 Irreżenjaw skond Regola 36 tal-Passi Dixxiplinarji (għax kienu assenti għal aktar minn għaxart'ijiem konsekuttivi). 112 Każi għadhom pendenti
Leg 9 PQ #28751 Sitting 619 2001-10-16 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Ambjent

Overtime

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħħlet flus f'overtime l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament kemm ilha taħdem fil-Ministeru tiegħu? X'inhu x-xogħol li qed tagħmel u minn liema dipartiment qed titħallas?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ma nħossx li għandi nagħti d-dettalji mitluba mill-Onorevoli Interpellant fl-ewwel parti tal-mistoqsija tiegħu peress li jirrigwardaw persuna individwali. Il-persuna jitħallas mid-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet, u x-xogħol tiegħu jikkonsisti f'ħidma kontinwa u dedikata, ta' koordinazzjoni mal-Kunsilli Lokali fuq ħtiġijiet li dawn ikollhom mill-Ministeru għall-Ambjent, apparti koordinazzjoni tax-xogħlijiet oħra skond ma jkun hemm il-bżonn.
Leg 9 PQ #28765 Sitting 619 2001-10-16 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Ambjent

Batterija ta' Pembroke

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'hiex wasal ix-xogħol ta' restawr fuq il-batterija ta' Pembroke? Meta mistenni jitlesta dan ix-xogħol?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħol ta' restawr fuq il-batterija ta' Pembroke huwa fi stat avvanzat. Ix-xogħol ta' landscaping, l-installar ta' ilma, dawl u drenaġġ, xogħol ieħor li jinkludi ħadid u playing field equipment qegħdin fil-proċess li jitlestew. Madankollu jinħtieġ li jinħareġ joint conservation u expropriation order sabiex ix-xogħol ikun jista' jiġi terminat.
Leg 9 PQ #28767 Sitting 619 2001-10-16 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Ambjent

Pembroke — Misraħ il-Fortizza

Question

Jista' l-Ministru jgħid fhiex wasal ix-xogħol fuq Misraħ il-Fortizza, Pembroke? X'ko-ordinazzjoni qed issir mal-entitajiet u korporazzjonijiet governattivi biex jiġi żgurat li dan ix-xogħol ma jintefgħax lura?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #28464 Sitting 618 2001-10-16 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Kaċċaturi u Nassaba

Question

Jista' l-Ministru jara li jitħaffef il-proċess ta' l-applikazzjonijiet il-ġodda tal-kaċċaturi u nassaba minħabba li jeżistu każijiet fejn kaċċaturi u nassaba qed jispiċċaw jistennew madwar sena sabiex tinħarġilhom il-liċenzja?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent ma joħroġx liċenzji għall-kaċċa u għall-insib. Dan id-Dipartiment jagħmel biss testijiet lil dawk kollha li japplikaw lill-Kummissarju tal-Pulizija għal-liċenzja. Għalhekk nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #28465 Sitting 618 2001-10-16 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Kaċċaturi u Nassaba

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani għaliex qed ikun hemm dewmien esaġerat sabiex il-kaċċaturi u nassaba jingħataw il-liċenzja?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-liċenzji għall-kaċċa u għall-insib jinħarġu mill-Kummissarju tal-Pulizija skond Avviż Legali 145 ta' l-1993 para 2(1), u 146 ta' l-1993 para 7(2). Għalhekk nitlob lill Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #28466 Sitting 618 2001-10-16 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Liċenzji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt huwa n-numru pendenti ta' talbiet għal liċenzji tal-kaċċaturi u nassaba li għandu d-Dipartiment kkonċernat fil-mument?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-Onorevoli Interpellant qieħed jibbaża l-mistoqsija tiegħu fuq il-fatt żbaljat li d-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent joħroġ il-liċenzji tal-kaċċa u ta' l-insib, li kif kelli l-opportunita' nispjega dan mhux il-fatt għaliex dawn jinħarġu minn Ministeru ieħor. Id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent jagħmel biss testijiet li jgħinu lil wieħed parzjalment biex ikun jista' jakkwista dawn il-liċenzji, li iżda ma jinħarġux mill-Ministeru għall-Ambjent. Li nista' ngħid lill-Onorevoli Interpellant huwa li minn mindu persuna ta' minn 18-il sena 'l fuq issa tista' toħroġ għall-kaċċa, n-numru ta' dawk li jridu jagħmlu t-test żdied.
Leg 9 PQ #28467 Sitting 618 2001-10-16 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Liċenzji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm il-talba għal-liċenzja tan-nassaba u kaċċaturi ġiet approvata bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena? Kemm kienu t-talbiet approvati għall-istess perjodu għas-snin 2000 u 1999 separatament?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nixtieq nerġa' ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment għall-Ħarisen ta' l-Ambjent ma joħroġx liċenzji la għall-kaċċa u lanqas għall-insib, u għalhekk ma kellu l-ebda talba biex joħroġ dawn il-liċenzji. Id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent, iżda jagħmel testijiet li r-riżultati tagħhom jiġu mgħoddija lill-Kummissarju tal-Pulizija. Jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq ikun jaf kemm saru testijiet bħal dawn, inkun nista' ngħaddilu din l-informazzjoni.
Leg 9 PQ #28468 Sitting 618 2001-10-16 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Liċenzji Ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' liċenzji ġodda tal-kaċċa u l-insib li ħarġu bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena u tul is-snin 2000 u 1999?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Kif kelli l-opportunita' ninforma lill-Onorevoli Interpellant drabi oħra, l-liċenzji tal-kaċċa u ta' l-insib ma jinħarġux mill-Ministeru għall-Ambjent. Għalhekk jiddispjaċini li mhinix f'pożizzjoni li nirrispondi għad-domandi li staqsa l-Onorevoli Interpellant. Veru li d-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent jagħmel testijiet dwar il-liġi biex dawn jittieħdu in konsiderazzjoni għall-ħruġ ta' liċenzji meta jiġu mgħoddija lill-Kummissarju tal-Pulizija, iżda din hija parti biss mill-ħtiġijiet għall-ħruġ ta' liċenzja għaliex ma' din wieħed irid jieħu in konsiderazzjoni l-kondotta u l-polza ta' assigurazzjoni, li d-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent ma għandu x'jaqsam xejn magħhom.
Leg 9 PQ #28586 Sitting 618 2001-10-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

Bowser — Baħar iċ-Ċagħaq

Question

Jista' l-Ministru jieħu passi meħtieġa biex il-bowser li juża l-pumping station ta' Baħar iċ-Ċagħaq joħloq inkonvenjent mill-inqas għar-residenti ta' Xatt il-Palm fl-inħawi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Tlabt lid-Dipartiment konċernat jinvestiga l-ilment imressaq mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 9 PQ #28613 Sitting 618 2001-10-16 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Ambjent

Time Scale — Mgħatab

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma t-time scale li fiha għanha tiġi solvuta l-problema tal-Magħtab?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Dik li l-Onorevoli Interpellant jirreferi għaliha bħala "l-problema tal-Magħtab" hi problema komplessa ħafna li għandha l-għeruq tagħha kif s'issa ħarisna lejn l-iskart. L-istrateġija għall-immaniġġjar ta' l-iskart li għadha kemm kienet approvata mill-Kabinett telenka bit-timeframes il-miżuri li għandhom jittieħdu biex isseħħ bidla radikali fil-kamp ta' l-immaniġġjar ta' l-iskart f'pajjiżna. Din l-istrateġija ssemmi fost ħwejjeġ oħra, li trid tinbena engineered landfill sa l-aħħar tas-sena 2003. Ikun biss wara din id-data meta l-miżbla eżistenti fil-Magħtab tkun tista' tingħalaq u jkun jista' jinbeda l-proċess ta' riabilitazzjoni tal-miżbla eżistenti.
Leg 9 PQ #28643 Sitting 618 2001-10-16 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru għall-Ambjent

Servizz Pubbliku

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 27774 jista' l-Ministru jwieġeb għad-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li mill-1 ta' Settembru 1998 sa llum daħlu 240 persuna mas-Servizz Pubbliku fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet. Il-gradi tagħhom u s-sena meta daħlu huma kif jidher hawn taħt: Sena Grad Numru ta' Impjegati 1998 Xejn 1999 Xejn 2000 Labourer 1 Labourer (ex AWTS) 4 Labourer (ex Impressed) 3 2001 Labourer (ex Impressed) 232
Leg 9 PQ #28737 Sitting 618 2001-10-16 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Ambjent

Fuel Bill

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm karozzi tal-kiri mikrija fid-dikasteru tiegħu, fejn qegħdin, kemm swew minn Jannar ta' din is-sena sallum? Kemm kien il-fuel bill tagħhom?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li n-numru ta' karozzi mikrija ma' dan il-Ministeru huwa ta' 69. Dawn qegħdin: Ministeru 9 Taqsima tax-Xogħlijiet 50 Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent 10 Minn Jannar 2001 sa llum dawn swew Lm73,660. Il-fuel bill tagħhom kien ta' Lm28,165.
Leg 9 PQ #28742 Sitting 618 2001-10-16 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Ambjent

Filters tal-Boilers

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri se jittieħdu biex jiġu rranġati l-filters tal-boilers li hemm fil-Power Station tal-Marsa biex il-poplu tal-Fgura u l-inħawi ta' madwar ma' jibgħux ikollhom trab iswed issa li f'daqqa waħda reġa tfaċċa?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.