Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn fishfarms joperaw f'pajjiżna? Xi kwalita' ta' ħut ikabbru? Kemm hi kkalkulata l-produzzjoni kull sena? Kemm, bejn wieħed u ieħor qed iħallu flus f'pajjiżna dawn il-fishfarms?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li bħalissa hawn sitt kumpaniji li bejniethom qed joperaw tmien fish farms. Il-ħut li jiġi mkabbar f’dawn il-fish farms huwa tonn, awrat u spnott. Skond figuri rrapurtati fl-aħħar ta’ l-2006, il-produzzjoni laħqet madwar 6,200 tunellata b’valur ta’ Lm24.8 miljun (€57.8 miljun).
Jista' l-Ministru jikkonferma li f'Tas-Sliema l-iskema tal-galleriji tkun valida għar-residenzi li hemm f'Tas-Sliema kollha? Meta se tibda u jekk min għamel ix-xogħol fuq dawn il-galleriji matul 2007, ikunx intitulat għal għajnuna?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn din l-iskema se jibbenifikaw residenzi li jinsabu f'żoni ta' Konservazzjoni Urbana (CA, Urban Conservation Areas) u bini skedat fil-lokalitajiet kollha ta' Malta u Għawdex. Mhux eskluż li eventwalment din il-miżura tkun estiża f'żoni oħra. L-applikazzjonijiet ikunu jistgħu jinġabru mill-kunsilli lokali kollha ukoll mill-15 ta' Ottubru 2007. Nimmaġina li l-Onorevoli Interpellant japrezza li t-talba għax-xogħol trid tiġi eżaminata qabel ma tiġi awtorizzata. Xogħlijiet diġà lesti ma jiġux finanzjati.
Rigward id-dar fil-Għargħur li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jista' l-Ministru jinvestiga r-rapporti li wasluli u jgħarraf lill-Kamra jekk hux minnu li għal snin sħaħ din inbniet 'lil hinn mil-limiti li kienu jippermettu l-permessi tal-bini ta' dak iż-żmien u jekk hux qed isir xi attentat biex tiġi regolarizzata din il-pożizzjoni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li d-dar imsemmija tinsab barra mill-konfini ta' l-iżvilupp. L-applikazzjoni PA 3276/04 qed tipproponi li jitwaqqgħu partijiet li m'humiex koperti b'permess u jiġu sanzjonati partijiet oħrajn. L-applikazzjoni tinsab għar-rikonsiderazzjoni u preżentament qegħda tkun trattata mill-Kummissjoni għall-Kontroll ta' l-Iżvilupp.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-produzzjoni ta' ortikultura matul l-ewwel sitt xhur tas-sena f'Malta u f'Għawdex? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għal dawn l-aħħar snin sena b'sena separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liema prodotti u snin qiegħed jirreferi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-produzzjoni ta' l-għeneb matul l-ewwel sitt xhur tas-sena f'Malta u f'Għawdex? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għal dawn l-aħħar snin sena b'sena separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nittama li l-Onorevoli Interpellant, kelliem ta' l-Oppozizzjoni għall-agrikultura, jaf li fl-ewwel sitt xhur tas-sena ma jkun hemm ebda produzzjoni ta' għeneb f'Malta u f'Għawdex.
B'referenza għar-regolament li permezz tiegħu plots vakanti fl-iskemi tal-bini jrid jinbnielhom ħajt ta' tmien filati faċċata mat-triq, f'każ li s-sidien tal-plot ma jkunux magħrufa, il-kunsill lokali għandu r-responsabbilta' li jibni dan il-ħajt a spejjeż tiegħu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li f'każ li s-sidien ma jkunux magħrufa u jinħareġ avviz ta' infurzar u jingħata żmien tliet xhur skond l-iskema u ma jsirx ix-xogħol, l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tinforma lill-Kunsill Lokali rispettiv li ix-xogħol fuq is-sit partikolari ma sarx u għaldaqstant jista’ jsir min-naħa tal-Kunsill.
Il-Kunsill jissottometti lista ta’ l-ispejjeż involuti biex jittella’ dan il-ħajt lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Wara li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tivverifika dawn l-ispejjeż, tikkonferma li x-xogħol jista’ jsir. Il-Kunsill joħroġ l-ispejjeż involuti u wara jibgħat il-kont lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u din tirrifondi l-ispejjeż lill-Kunsill. Din il-proċedura kienet ġiet maqbula ma' l-Assoċjazzjoni tal-Kunsill Lokali.
Jista' l-Ministru jinfurmani liema proġetti/żviluppi huma maħsuba li jibdew matul dan ix-xahar fil-qasam ta' l-apikultura f"Malta u Għawdex separatament? Kemm se jiswew u meta se jitlestew?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liema proġetti/żviluppi qiegħed jirreferi, jekk hux dawk governattivi jew .privati/kummerċjali, u jindika tajjeb għal liema perjodu qiegħed jirreferi.
Jista' l-Ministru jinfurmani liema proġetti/żviluppi huma maħsuba li jibdew matul dan ix-xahar fil-qasam ta' l-vitikultura f"Malta u Għawdex separatament? Kemm se jiswew u meta se jitlestew?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru 27732.
Jista' l-Ministru jinfurmani liema proġetti/żviluppi huma maħsuba li jibdew matul dan ix-xahar fl-industrija ta' l-ipproċessar f"Malta u Għawdex separatament? Kemm se jiswew u meta se jitlestew?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru 27732.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27228 li saret fl-10 ta' Lulju, 2007 u li kellha tiġi mwieġba f'seduta oħra, peress li bħalissa f'Għawdex hemm chaos kbir għaliex il-kuntratturi u dawk kollha nvoluti fis-settur tal-bini m'għandhomx fejn jarmu l-iskart tagħhom, jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jieħu l-Gvern biex din is-sitwazzjoni tissolva?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma wasalli ebda rapport li jeżisti xi forma ta' chaos minħabba li l-kuntratturi f’Għawdex m’għandomx fejn ipoġġgu l-iskart tal-kostruzzjoni. Jista’ jagħti l-każ li l-Interpellant qiegħed jirreferi għas-sitwazzjoni li kienet tippersisti għal xi żmien wara li l-faċilità privata li offriet dan is-servizz għal dawn l-aħħar erba’ snin waqfet topera. Ta' min jinnota ukoll li l-miżbla tal-Qortin issa qegħda fil-fażi li titgħatta b’saff ta’ materjal inert li ma jkunx ikkontaminat bi skart ieħor (tad-djar u ta' industriji oħrajn) biex dan is-sit jibda jiġi żviluppat għall-użu pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-produzzjoni tal-majjal frisk matul l-ewwel sitt xhur tas-sena f'Malta u f'Għawdex? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għal dawn l-aħħar snin sena b'sena separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liema snin qiegħed jirreferi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-produzzjoni taċ-ċanga friska matul l-ewwel sitt xhur tas-sena f'Malta u f'Għawdex? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għal dawn l-aħħar snin sena b'sena separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liema snin qiegħed jirreferi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-produzzjoni tal-fniek matul l-ewwel sitt xhur tas-sena f'Malta u f'Għawdex? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għal dawn l-aħħar snin sena b'sena separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li din l-informazzjoni ma tinġabarx.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-produzzjoni tas-summien matul l-ewwel sitt xhur tas-sena f'Malta u f'Għawdex? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għal dawn l-aħħar snin sena b'sena separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li din l-informazzjoni ma tinġabarx.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-produzzjoni tat-tadam matul l-ewwel sitt xhur tas-sena f'Malta u f'Għawdex? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għal dawn l-aħħar snin sena b'sena separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li matul l-ewwel sitt xhur tas-sena 2007 minn Malta u Għawdex fil-pitkalija ddaħħlu 2.71 miljun kilo ta' tadam. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija tiegħu, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liema snin qiegħed jirreferi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-produzzjoni tad-dulliegħ, bettieħ u frott matul l-ewwel sitt xhur tas-sena f'Malta u f'Għawdex? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għal dawn l-aħħar snin sena b'sena separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-produzzjoni tad-dulliegħ u bettieħ matul l-ewwel sitt xhur tas-sena 2007 kienet hekk:
Dulliegħ 1.19 miljun kilo
Bettieħ 1.08 miljun kilo
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika sew għal liema frott ieħor u għal liema aħħar snin qiegħed jirreferi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt huwa n-numru ta' pompi ġodda tal-petrol li ġew approvati minn wara l-1 ta' Mejju 2004 'l quddiem? F'liema lokalitajiet ta' Malta u Għawdex ġew approvati? Kemm fil-fatt ġew rifjutati applikazzjonijiet fl-istess perjodu?