Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni separati — Relief

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni separati li qegħdin fuq ir-relief illum? Kemm huma nisa u kemm irġiel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-kriterju għad-dritt tal-Għajnuna Soċjali hu marbut mal-mezzi u mhux marbut mal-istat jew is-sess ta' min jagħmel it-talba, li jistgħu fost oħrajn, ikunu ommijiet mhux miżżewġa, ġenituri li jgħixu waħdehom jew persuni separati li jgħixu waħdehom. Meta d-dritt jiġi stabbilit, in-numru ta' persuni fil-familja jkun rifless fir-rata applikabbli skond kif jidher f'Taqsima I tas-VI Skeda ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap 318). Għalhekk ma tinħassx il-ħtieġa li tinżamm statistika separata li turi jekk dawk li japplikaw għall-Għajnuna Soċjali humiex persuni separati, nisa jew irġiel. 16.3.99

Raħal Ġdid — Dar il-Wens

Question

Jista' l-Ministru jara jekk hemmx il-ħsieb li jiżdiedu l-flus għal Dar il-Wens f'Raħal Ġdid?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-għotjiet ta' fondi pubbliċi lill-organiżżazzjonijiet mhux Governattivi mill-allokazzjoni finanzjara li tingħata lil dan il-Ministeru għal dan l-iskop, isiru fuq bażi ta' rakkomandazzjonijiet li jagħmel lill-Ministru responsabbli Bord maħtur apposta, jiġifieri l-'NGO Project Selection Committee'. Naturalment, dan il-Bord irid isib bilanċ bejn ir-riżorsi allokati fl-Estimi u n-numru sostanzjali ta' talbiet li jkunu saru mill-ħafna organiżżazzjonijiet mhux Governattivi li qed joperaw f'pajjiżna b'sens qawwi ta' dedikazzjoni. 15.3.99

Ministeru għall-Politika Soċjali — Photocopy machines

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu photocopy machines kemm fil-ministeru kif ukoll fid-dipartimenti kollha li jaqgħu fir-responsabbilta' tad-dekasteru tiegħu dipartiment b'dipartiment? Jista' l-Ministru jgħid x'ditta huma? Meta nxtraw? Kemm swew fi spejjeż?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument li jipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru. Nerġa ntenni li din it-tip ta' nformazzjoni ma tidher li hi ta' ebda nteress pubbliku u fil-futur ma nħossx li għandi noqgħod naħli l-ħin ta' numru ta' uffiċjali f'diversi Dipartimenti jiġbru din it-tip ta' nformazzjoni. 15.3.99

Servizz Pubbliku — Impressed drivers

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4184, jista' l-Ministru jwieġeb il-parti tal-mistoqsija relevanti għall-Ministeru tiegħu kif indikat mill-Prim Ministru u cioe' f'liema dipartimenti jew korporazzjonijiet hemm impressed drivers u x'vetturi għandhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

It-Tweġiba li pprovda l-Prim Ministru għall-Mistoqsija Nru. 4184 fil-fatt tipprovdi wkoll informazzjoni dwar liema Dipartimenti u Korporazzjonijiet qed jaħdmu fihom l-"impressed drivers". Li ma tipprovdix hija nformazzjoni dwar it-tip ta' vettura li qed tinkera. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tipprovdi din l-informazzjoni f'dak li għandhom x'jaqsmu d-Dipartimenti u l-organiżżazzjonijiet l-oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi. Irrid niċċara li fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Nru. 4184, in-numru (8) ta' "impressed drivers" li jidhru taħt "Social Security" issa qed nurihom taħt żewġ Dipartimenti (Servizzi Korporattivi u Sigurta' Soċjali) waqt li dawk (6) li jidhru taħt "Social and Family Affairs" issa wkoll qed nurihom taħt żewġ Dipartimenti (Kura ta' l-Anzjanii u Ħarsien tal-Familja). 15.3.99

Djar — Bejgħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru kuntratti ta' bejgħ ta' residenzi mill-Awtorita' tad-Djar lill-inkwilini bejn l-1 ta' Ġunju, 1987 u l-31 ta' Ottubru, 1996?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bejn l-1 ta' Ġunju 1987 u l-31 ta' Ottubru 1996, l-Awtorita' tad-Djar għamlet 691 l-att ta' bejgħ favur inkwilini li joqgħodu f'residenzi tal-Gvern. 15.3.99

Djar — Xogħlijiet f'ġonna pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jgħidilna jekk ingħatawx kuntratti għax-xogħol ta' ġonna pubbliċi fil-Housing Estates? Jekk iva, jista' l-Ministru jelenka liema huma l-ġonna pubbliċi u lil min ingħataw il-kuntratti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. 15.3.99

Impjiegi — Self-employed

Question

Jista' l-Ministru jgħid xahar b'xahar minn Settembru 'l hawn kemm kien hemm nies li kienu jaħdmu għal rashom u bdew jirreġistraw għax-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Dawn taħt huma n-nies li kienu jaħdmu għal rashom u bdew jirreġistraw għax-xogħol, minn Settembru 1998 sa Jannar 1999 xahar b'xahar: Settembru 1998 - 78 Ottubru 1998 - 68 Novembru 1998 - 63 Diċembru 1998 - 67 Jannar 1999 - 63 15.3.99

Impjiegi — Self-employed

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni 'l fuq minn 61 li kienu għadhom jaħdmu fl-aħħar ta' Jannar 1999; kemm minn dawn kienu self-employed; u kemm minnhom kienu fuq bażi part-time jew fulltime?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fl-aħħar ta' Jannar 1999 kien hemm 4,780 persuna (Full time u part time) li kellhom 'il fuq minn 61 sena u li kienu għadhom jaħdmu. Minn dawn kien hemm: * 1,276 persuna li kienu "self-employed" ("full-time") * 2,227 fuq bażi "part-time" (jinkludu wkoll is-"self-employed") u * 2,553 fuq bażi "full-time" (jinkludu wkoll is-"self-employed"). 15.3.99

Ministeru għall-Politika Soċjali — Tender

Question

Għall-perijodu mill-5 ta' Settembru sal-lum, jista' l-Ministru jgħid kemm-il tender ta' valur akbar minn Lm10,000 ġie approvat mill-ministeru tiegħek; il-valur ta' kull tender; lil min ġie awarded; u n-natura (provvista, xogħol, servizz) ta' kull tender?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. 15.3.99

Impjiegi — Redundancy

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm nies tilfu x-xogħol minħabba redundancy tul Frar 1999? Jista' l-Ministru jgħid x'kienet l-eta' tagħhom? Jista' l-Ministru jindika x-xogħol preċedenti tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. 15.3.99

Pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' Maltin u Għawdxin li jirċievu pensjoni mill-Awstralja fil-mument? Kemm hu n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti? Kemm hu n-numru ta' talbiet li ġew rifjutati matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li billi l-pensjonijiet Awstraljani jinħadmu u jitħallsu direttament mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali Awstraljana l-istatistika mitluba minnu ma tinżammx mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali ta' Malta. 15.3.99

San Gwann — 32D, Block 8, Oak Street

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-fond 32D, Block 8, Oak Street, San Ġwann huwiex preżentement okkupat mill-inkwilin? Jista' jinvestiga rapporti li wasluli li dan m'huwiex il-każ u li l-fond jista' jkun qed jintuża għal skopijiet oħra apparti minn dawk residenzjali? Dan qed isir fuq diversi ilmenti li wasluli minn residenti ta' l-istess block.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-fond indikat hu mikri lill-persuna li bħalissa tinsab miżmuma b'arrest. Id-Dipartiment għandu nformazzjoni bil-miktub mid-Direttur tal-Ħabs li l-kerrej jaf bil-membri tal-familja li qed jidħlu fil-post u dan qed jagħmluh bil-permess tiegħu. 15.3.99

Birgu — Fuq tal-Hawli - Allokazzjoni ta' post

Question

Jista' l-Ministru jgħid il-post Flat 2 Blk 7 Triq Tal-Ħawli, Birgu li ġie battal minn żewġ anzjani li mietu snin ilu, minn min ġie okkupat? Kif jista' jispjega l-Ministru li dan l-aħħar kien hemm xi persuni oħra jabitaw f'dan il-flat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi fl-estate tal-Ħawli, l-Birgu ma hemm l-ebda Blokk bin-numru 7. 15.3.99

ETC — Inspectors

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li wieħed mill-inspectors ta' l-ETC li kienu qed jiġu nvestigati dwar abbużi fi dmirijiethom riċentement ingħata promotion? Fuq liema kriterji ngħatat din il-promotion?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena nfurmat illi l-ETC għamlet sejha interna għall-postijiet vakanti ta' Senior Clerk li għaliha applikaw diversi ħaddiema tal-Korporazzjoni stess. Ninsab infurmat ukoll illi twaqqaf Bord ta' l-Għażla li kien kompost minn Mario Xuereb, General Services Division; Felix Borg, Training Services Division; u Charles Cassar, Human Resources and Administration li intervistaw lil kull min applika, liema Bord għamel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu b'mod unanimu. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġew aċċettati miċ-Chief Executive u jinkludu persuna li qabel kienet Spettur. 15.3.99

ETC — Korsijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'korsijiet qed isiru mill-ETC biex jgħinu negozjanti żgħar imexxu aħjar in-negozju tagħhom? Liema huma? Kemm qed jattendu għal kull kors? Dawn il-korsijiet isiru f'ħinijiet addattati għal dawn in-nies? Meta ġie introdott kull kors mill-ETC?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ s'issa torganizza sitt korsijiet fil-qasam tat-tmexxija ta' negozji żgħar. Dawn huma: Kif tibda negozju Servizzi t'għajnuna għan-negozju Kif tmexxi l-finanzi Kif tmexxi l-ħaddiema Kif tmexxi s-swieq Kif torganizza x-xogħol Fi Frar li għadda kien hemm kors wieħed għaddej dwar 'Kif tibda negozju' li għalih attendew seba' persuni. Il-Korsijiet isiru wara nofsinhar jew fil-għaxija biex ikun faċli għall-applikanti biex jattendu. Dawn il-korsijiet issa ilhom isiru għal diversi snin. Bil-għan li l-Korporazzjoni tħajjar aktar negozjanti jattendu, saru arranġamenti ma' diversi Kunsilli Lokali biex il-korsijiet isiru fuq bażi lokali kemm il-darba jkun hemm biżżejjed applikanti li jiġġustifikaw dan. 15.3.99

ETC — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jirreġistraw għax-xogħol bħalissa li qegħdin jieħdu korsijiet immedjati mill-ETC f'xogħol ta' mastrudaxxa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fi Frar kien hemm sbatax il-persuna li qed jirreġistraw għax-xogħol li parti mit-taħriġ tagħhom kien jinkludi xogħol ta' l-injam. 15.3.99

ETC — Local wardens

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li biex wieħed japplika għal course ta' local wardens organizzat mill-ETC intalab il-ħlas ta' Lm50?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ qed titlob ħlas ta' Lm50 mingħand l-applikanti għall-kors ta' local wardens biex tkun tista' tiffinanzja parti mill-ispejjeż li daħlet għalihom biex torganiżża dan il-kors. Meta wieħed iqis il-kontenut tal-kors, il-kapaċitajiet ta' l-għalliema u s-sigħat involuti, wieħed jirrealizza li l-ħlas huwa baxx. Persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol ma ntalbux iħallsu l-Lm50. 15.3.99

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-possibbilitajiet li l-familja li għandha file mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali bin-numru H 15467, tkun tista' tingħata post alternattiv għax qed tgħix f'żewġt ikmamar żgħar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-applikazzjoni indikata qed tiġi kkunsidrata flimkien mal-oħrajn kollha li hemm pendenti, u fid-dawl tan-numru limitat ta' postijiet li jkollu d-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali. 15.3.99

Djar — Appartamenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorita' tad-Djar għadhiex interessata li tixtri l-blokk appartamenti li d-dettalji tagħhom qed nibgħathom separatament? Jaf il-Ministru li kien ilhom għaddejjin diskussjonijiet għal żmien twil u kien ġie miftiehem it-tip ta' kumpens li se jingħata lir-residenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

F'qasir żmien, l-Awtorita' tad-Djar ser toħroġ skema biex tinkoraġixxi sidien ta' proprjeta' immobbli tal-privat biex ibigħuha lill-Awtorita' tad-Djar taħt ir-regolarmenti u kundizzjonijiet li jiggarantixxu trasparenza u biex jiġi użat l-istock ta' djar li sal-lum mhux okkupat. Kull applikazzjoni tiġi ġġudikata fuq il-meritu tagħha. 15.3.99