Legislature:
Category:
Reset
Active:

Siti arkeoloġiċi

Question

Jista' il-Ministru jagħti informazzjoni dwar il-problema ta' aċċess minn dawk interessati għal siti arkeoloġiċi (bħal dolmens, eċċ) li filwaqt li dawn huma wirt nazzjonali jinsabu fuq proprjeta' privata u l-aċċess għalihom hija projbita mis-sidien?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Fortunatament jew sfortunatament il-wirt arkeoloġiku rikk li għandna jinsab mifrux mal-gżejjer Maltin kollha. Fil-każ tal-monumenti l-aktar importanti, matul daw l-aħħar mija w għoxrin sena amministrazzjonijiet suċċessivi ħadu miżuri sabiex dawn isiru propjeta' pubblika, u b'hekk ikunu imħarsa aħjar għall-ġejjieni, u l-aċċess għalihom ikun garantit. Kif qal tajjeb l-Onor. Interpellant kultant iqumu każi meta siti arkeoloġiċi li jinsabu fi propjeta' privata ma' jkunux jistgħu jintlaħqu mill-pubbliku. F'każijiet bħal dawn, l-entijiet responsabbli għall-ħarsien tal-wirt kulturali dejjem fittxew li jkun hemm kollaborazzjoni mas-sidien, sabiex flimkien inħarsu din il-parti tal-wirt tagħna. Meta sidien ikunu jenħtieġu parir dwar x'għandhom jagħmlu sabiex iħarsu dan il-wirt, jistgħu dejjem jirrikorru għand dawn l-entijiet. F'każi fejn ikun hemm abbuż u jkun hemm il-periklu li ssir xi ħsara lil din il-propjeta', il-liġi ta' l-iżvilupp kif ukoll il-liġi ġdida għall-Patrimonju Kulturali jipprovdu l-mezzi sabiex jittieħdu passi kontra dawk responsabbli. Rigward il-problema ta' l-aċċess, wieħed irid jifhem li fi propjeta' privata, wieħed irid jirrispetta l-jeddijiet tas-sidien li jgawdu l-privatezza tal-propjeta' tagħhom mingħajr indħil li mhuwiex xieraq. Naturalment, fejn hu possibli li jintlaħaq ftehim mas-sidien sabiex dawn jippermettu aċċess għall-kommunita' f'ċerti okkażjonijiet, l-entijiet responsabbli jagħmlu ħilithom sabiex dan iseħħ. Jekk l-Onorevoli Interpellant jaf b'xi każijiet speċifiċi fejn jixtieq li dan isir, nitolbu jiġbed l-attenzjoni għall-każ speċifiku sabiex ikun segwit mill-entijiet responsabbli.

Sponsorship — Kunċert ta' Elton John

Question

X'kien l-ammont ta' sponsorship tal-Ministeru għall-kunċert ta' Elton John?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 1122.

Kunċert ta' Elton John — Involviment tal-Ministeru

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kien u fiex kien jikkonsisti l-involviment tal-Miniteru fil-kunċert ta' Elton John?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru silef il-materjal biex jintrama parti mill-istand għall-ispettaturi. Xi ħaddiema li jaqgħu taħt il-Ministeru wettqu xogħol fiż-żarmar ta' l-istess stand. Il-ħlas tas-sahra ta' dawn il-ħaddiema se jitħallas mill-organizzaturi. Kienu mislufa wkoll madwar disa' mitt (900) siġġu għal dik il-parti magħrufa bħala Golden Circle. L-organizzaturi ntalbu biex jagħmlu assikurazzjoni għall-użu ta' dawn is-siġġijiet. Il-ħlas għall-ġarr tal-materjal għall-armar ta' l-istand u tas-siġġijiet sar mill-organizzaturi.

Kunċert ta' Elton John — Kontribut finanzjarju

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk ingħatax kontribut finanzjarju da parti tal-Ministru għall-kunċert ta' Elton John? Jekk iva, jista' il-Ministru jgħid kemm kien l-ammont u għal xiex intużaw il-flus?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 1122.

Ministeru għaż-Żgħażagħ u Kultura — Mobile phones

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' mobile phones li juża l-ministeru tiegħu u d-dekasteri kollha li jaqgħu taħtu? Kemm kienet l-ispiża tas-servizz u tat-telefonati fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena? Kemm tħallset minn din l-ispiża fil-mument?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Infurmat li l-Ministeru u d-dekasteru li jaqa' taħtu jagħmlu użu minn tlettax-il mobile phone. Mhux fuq dawn is-settijiet kollha għadhom waslu l-kontijiet sa' l-aħħar ta' Mejju. Il-kontijiet li waslu jammontaw għal Lm 2,591.19. Minn dan l-ammont s'issa tħallas Lm 1894.61. Irrid inżid li sa Marzu 2003, l-Ministeru kellu perit attached mad-Dipartiment ta' l-Isport. Dan il-perit kien ipprovdut b'mobile phone li sa Marzu, l-ispejjeż tiegħu laħqu għal Lm20.32. Minn dan l-ammont tħallset is-somma ta' Lm 6.68.

Logħob tal-pajjiżi żgħar ta' l-Ewropa

Question

Jista' il-Ministru jagħtini breakdown tan-nefqa totali għall-ministeru tal-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar ta' l-Ewropa li saru f'pajjiżna dan ix-xahar? Kemm minn din l-ispiża tħallset diġa'?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma l-Onor Interpellant illi għall-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar ta’ l-Ewropa li saru f’Malta, l-Ministeru alloka dawn il-fondi: · Lm 100,000 Allokazzjoni diretta ghall-Organizazzjoni tal-Logħob lill- Kumitat Olimpiku Malti. Din l-għotja ingħatat kollha fl-2003. · Lm 200,000 Allokazzjoni diretta għas-sena 2003 għall-Għajnuna Teknika ta’ l-Atleti lill-Kumitat Olimpiku Malti, li tinkludi l- Bonus lill-Atleti. Sa’ llum ingħataw Lm100,000 minn din l-għajnuna. · Lm 10,000 Laqgħa tat-tmien Ministri tal-Pajjizi parteċipanti, li tinkludi spejjeż ta’ l-akkomodazzjoni, trasport u l-konferenza. Għadna qegħdin nistennew il-kontijiet għal dawn l-ispejjeż. · Lm 80,000 Xiri ta’ tagħmir tekniku (sportiv) għad-dixxiplini parteċipanti. Dan tħallas kollu. · Lm 6,000 Xogħol ta’ armar, arbli, bnadar, uffiċini temporanji eċċ., imħallas kollu mill-Kunsill Malti għall-Kultura w l-Arti. · Lm 90,000 Tqegħid ta’ wiċċ ġdid tat- track ta’ l-Atletika tal- Matthew Micallef St.John Stadium tal-Marsa. Minn din l-ispiża fadal 25% x’jitħallas lill-kuntrattur. · Lm 4,500 Xogħol ta’ modernizzar fuq li s- scoreboard tal-Pixxina Nazzjonali. · Lm 1,900 Xogħol fuq il- pool-deck tal-Pixxina Nazzjonali. · Lm 2,400 Xiri ta’ bankijiet għaċ- changing rooms ġewwa l-Kumpless Sportiv tal-Kottonera. · Lm 1,311 Xogħol ta’ tiswija ta’ l- ispectators terrace tal- Marsa Sports and Country Club. Ingħata b’xejn, mill-Kunsill Malti għall-Isport, l-użu tal-faċilitajiet sportivi tal-Kottonera, Universita’, Marsa u Pixxina Nazzjonali qabel il-Logħob għal skopijiet ta’ taħriġ u għall-użu waqt il-Logħob stess. Ma’ kienux mitluba ħlasijiet għal tindif tal-faċilitijiet (ħin normali bil-ġurnata), dawl u ilma użati ġewwa l-istess faċilitajiet, u lanqas għal ħlas ta’ ħaddiema tal-Kunsill Malti ghall-Isport (inkluż sahra). Dawn jinkludu: · Kumpless tal-Kottonera - Minn ġimgħa qabel il-Logħob : Sagħtejn kuljum, il-ġimgħa kollha (inklużi s-Sibt u l-Ħadd), għat-taħriġ ta’ l-atleti, inkluż l-użu ta’ dressing rooms u kmamar għal storage ta’ tgħamir (għadu qed jintuża). - Waqt il-Logħob : użu ta’ tlett uffiċini u servizz ta’ tindif (bil-ġurnata) tul il-ġimgħa kollha tal-Logħob. · Sala Sportiva ta’ l-Universita’ - Minn Ottubru 2002 sa’ Diċembru 2002 – sessjoni ta’ erba’ siegħat u nofs (4 ½ ) fil-ġimgħa; - Minn Jannar 2003 sa’ April 2003 - sessjoni ta’ erba’ (4) siegħat u oħra ta’ sagħtejn (2) fil-ġimgħa - Mejju 2003 – sessjoni ta’ sagħtejn (2) kuljum u sessjoni ta’ siegħa u nofs (1 ½) mill-ħin ta’ l-Universita’ - Tlett manifestazzjonijiet tal-Kumitat Olimpiku Malti (għal atleti u voluntiera) Peress li l-preparamenti għall-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar bdew sa’ mill-1999, ta’ min isemmi nefqiet oħra li saru mis-Segretarjat Parlamentari fil-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni u Kultura u, wkoll, direttament mill-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni u Kultura li sa’ April 2003 kienu responsabbli mill-Isport. Dawn jinkludu : · Lm 40,000 Nefqa’ għal tapit (sportiv) ġdid għall-Padiljun Sportiv ġewwa Kordin sabiex ikun ta’ livell internazzjonali, flimkien ma’ xogħol ta’ waterproofing fuq is-saqaf ta’ l-istess Kumpless. Din l-ispiża tħallset kollha. · Lm 157,000 Għotja diretta għall-Għajnuna Teknika ta’ l-Atleti lill-Kumitat Olimpiku Malti. Din tħallset kollha fis-sena 2001. · Lm 137,000 Għotja diretta għall-Għajnuna Teknika ta’ l-Atleti lill-Kumitat Olimpiku Malti. Din thallset kollha fis-sena 2002. · Lm 41,500 Valur ta’ 60 personal computer (p.c.’s) misluf ghall- Organizazzjoni tal-Logħob mid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni. · Secondment ta’ tlett instructors full time mal-Kumitat Olimpiku Malti. Dawn kienu utilizzati fis-segretarjat ta’ l-istess K.O.M. sa mill-2001. L-Onorevoli Interpellant japprezza li din kienet għajnuna li n-natura u l-kobor tagħha huma uniċi fl-istorja sportiva ta’ pajjiżna. Aħna sodisfatti li l-għajnuna ssarfet f'riżultati eċċezzjonali. Ħafna mill-għajnuna saret ukoll f'investiment kemm f'tagħmir u titjib ta' faċilitajiet kif ukoll f'kultura ta' preparazzjoni, liema investiment se jibqa' jitgawda fis-snin li ġejjin.

Żgħażagħ u Kultura — Karozzi tal-gvern

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' karozzi tal-gvern li qegħdin jintużaw mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Kemm minn dawn huma government owned u kemm huma mikrija? Fil-każ ta' dawk mikrija, jista' jgħid kemm huma mikrija u jekk humiex leased on contract? Min qed jagħmel użu minn dawn il-karozzi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn karozzi mikrija u dawk proprjeta' tal-Gvern, il-Ministeru u d-dekasteru jagħmlu użu minn tlieta w għoxrin (23) karozza. Minn dawn, disa' (9) huma propjeta tal-Gvern li jintużaw kif ġej : Ministeru: Waħda għall-użu tal-Ministru. Waħda għall-użu ġenerali. Department of Corporate Services: Waħda għall-użu ġenerali. Waħda għall-użu tad-Direttur skond il-performance agreement. Ċentru għar-Restawr: Żewġ vannijiet għall-ġarr ta' materjal u attrezzatura fuq postijiet fejn ikun qed isr xogħol ta' restawr. Kunsill Malti tal-Kultura u l-Arti: Waħda li tintuża mid-Direttur Eżekuttiv. Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali: Waħda għall-użu tas-Sovrintendent skond il-kundizzjonijiet tal-kuntratt tax-xogħol. Van għall-użu ġenerali. L-erbatax (14) il-karozza mikrija jintużaw kif ġej : Ministeru: Waħda tintuża mill-Kap tal-Ministeru b'kuntratt bir-rata ta' Lm4.80 + V.A.T. kuljum. Waħda tintuża mis-Segretarju Privat bir-rata ta' Lm 4.80 + V.A.T. kuljum sakemm toħroġ l-offerta. Department of Corporate Services: Waħda għall-użu ġenerali mikrija b'kuntratt wara ħruġ ta' offerti bir-rata ta' Lm 4.00 kuljum. Il-prezz jinkludi l-V.A.T. Kunsill Malti għall-Isport: Waħda mikrija b'kuntratt għall-Lm4.00 kuljum inkluża l-V.A.T. għall-użu ta' Technical Officer li jagħmel xogħol mal-Kunsill fil-faċilitajiet sportivi differenti. Patrimonju Malti: Waħda mikrija miċ-Chairman u mikrija b'kuntratt għal tlett (3) snin bir-rata ta' Lm10.00 kuljum inkluża l-V.A.T. Waħda wżata miċ-Chief Executive b'kuntratt għall-tlett (3) snin bir-rata ta' Lm 6.76 kuljum inkluża l-V.A.T. Tnejn użati għal xogħol ġenerali bir-rata ta' Lm 6.90 u Lm 5.75 kuljum, inkluża l-V.A.T., fuq bażi ta' daily hire. Van għall-użu tat-taqsima ta' manutenzjoni bir-rata ta' Lm 9.20 inkluża l-V.A.T. fuq bażi ta' daily hire mit-Tnejn sal-Ġimgħa. Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti: Tlieta mikrija bir-rata ta' Lm 4.30 kuljum, inkluża l-V.A.T., għall-użu ta' l-impjegati tal-Kunsill għall-qadi ta' dmirijiethom. Van mikri bir-rata ta' Lm 6.90 kuljum, inkluża l-V.A.T., għall-użu tal-ħaddiema industrijali. Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali: Waħda mikrija bir-rata ta' Lm 5.75 kuljum, inkluża l-V.A.T., fuq bażi ta' daily hire għall-użu ġenerali.

Mużewijiet pubbliċi — Xogħol ta' rinovar

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi programm għandu l-gvern għall-xogħlijiet ta' rinovar ta' mużewijet pubbliċi ? Jista' jgħid liema huma dawn ix-xogħlijiet, meta se jsiru u kemm huwa mistenni li jiswew?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba fil-mistoqsija Numru 923.

Mużewijiet pubbliċi — Xogħol ta' rinovar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm saru xogħlijiet ta' rinovar ta' mużewijiet pubbliċi fis-snin 2000,2001, 2002 u 2003? Jista' jgħid liema huma dawn ix-xogħlijiet, meta saru u kemm swew?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba fil-mistoqsija Numru 925.

Seminar "The open method of co-ordination" — Laqgħa li saret fi Kreta

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk fis-seminar "The open method of co-ordination" li sar fi Kreta din is-sena kienx hemm rappreżentant Malti li attenda l-laqgħa bejn iż-żgħażagħ u d-diretturi ġenerali taż-żgħażagħ?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li għas-Seminar The Open method of co-ordination li sar fi Kreta din is-sena kien hemm preżenti żewġ rappreżentanti tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ u Rappreżentant tal-Labour Youth Forum.

Karozzi mixtrija/mikrija — Ministeru għaż-Żgħażagħ u Kultura

Question

Kemm inxtraw karozzi ġodda jew huma fil-proċess li jinxtraw u kemm, jew mikrija jew huma fil-proċess li jinkrew mit-12 ta' April ta' din is-sena sal-lum mill-Ministeru għaż-Żgħażagħ u Kultura u d-Dipartimenti, korporazzjonijiet, entitajiet, eċċ li jaqgħu taħt id-dikasteru tal-Ministeru għaż-Żgħażagħ u Kultura? Kemm fil-fatt huwa n-numru totali ta' karozzi mixtrija u mikrija mid-dikasteri li jaqgħu taħt il-Ministeru għaż-Żgħażagħ u Kultura?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mit-12 ta' April sal-lum inkrew jew inxtraw karozi kif ġej : Kunsill Malti għall-Kultura u Arti : karozza mixtrija; Sovrintendenza : karozza mikrija; Heritage Malta : zewġ (2) karozzi mikrija. Dan ifisser li n-numru ta' karozzi mikrija u mixtrija huma kif ġej : Ministeru : waħda mixtrija u tnejn mikrija; Dipartiment tal-Corporate Services (li jinkludi s-Sezzjoni taż-Żgħażagħ) : tnejn mixtrija u waħda mikrija; Kunsill Malti għall-Kultura u Arti : karozza mixtrija u erba' mikrija; Sovritendenza : żewġ karozzi (waħda minnhom van) mixtrija u waħda mikrija; Heritage Malta : ħames karozzi mikrijinħ Kunsill Malti għall-Isport : karozza mikrija.

Ministeru għaż-Żgħażagħ u Kultura — Impjegat

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'ħidma u xogħlijiet qed twettaq il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament? Jista' jgħid ukoll ix-xogħol u l-ħidma li qed iwettaq kif ġew mogħtija lilu? Kemm qed jitħallas ta' kull xogħol li qed iwettaq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fejn jirrigwarda 'l dan il-Ministeru, il-persuna ndikata kienet ikkommissjonata mit-Teatru Manoel biex iwettaq xogħol ta' restawr fit-teatru. Din il-kummissjoni ngħatat wara li ttieħdu pariri tekniċi u wara li membri tal-Bord spezzjonaw xogħol esegwit f'postijiet oħra. Il-kuntratt ingħata minn flus miġbura minn diversi entitajiet privati u għalhekk mhuwiex etiku li niżvela dettalji ta' natura kummerċjali.

Ministeru għaż-Żgħażagħ u Kultura — Ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid min huma l-persuni li qegħdin jaħdmu fil-Ministeru u x’inhu r-rwol tagħhom?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Il-persuni li qiegħdin jaħdmu fil-Ministeru u li l-kariga tagħhom ġiet konfermata huma dawn li ġejjin :- Is-Sur Victor Battistino, Assistent Personali Is-Sn. Rose Curmi, Segretarja Privata Is-Sur John Camilleri, Secretariat Officer Is-Sn. Monica Mizzi, Secretariat Officer Is-Sur Simon Cilia, Secretariat Pool Is-Sn. Mary Muscat, Secretariat Pool Is-Sur Alex Formosa, Personal Driver/Security Is-Sur Sandro Caruana, Personal Driver/Security

Heritage Malta — Impjegat

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'wassal biex il-persuna - isimha qed jintbagħat separatament - jitneħħa mill-kariga tiegħu f'Heritage Malta?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Il-persuna li rreferiet għaliha l-Onor. Membru ma' ġiet imneħħija mill-ebda kariga, minħabba l-fatt li wara l-elezzjoni l-istess persuna, kif f'ċirkostanzi normali, offriet ir-riżenja tagħha u jiena infurmajtha li aċċetajtha.

Dar il-Mediterran għall-Konferenzi — Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi passi maħsuba biex l-impjegati kollha ta' Dar il-Mediterran għall-Konferenzi jkollhom is-sitwazzjoni tax-xogħol regolari tagħhom mal-gvern regolarizzata?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Għall-preċiżjoni nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li kienu tlettax il-ħaddiema ta' Dar il-Mediterran għall-Konferenzi li ressqu l-każ tagħhom quddiem it-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji. Il-Gvern issa qiegħed fi proċess li bih, dawn il-ħaddiema jkollhom is-sitwazzjoni tagħhom regolarizzata kif deċiża mit-Tribunal skond il-liġi u skond il-parir mogħti mill-Management & Personnel Office ta' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Żgħażagħ — Abbuż ta' alkoħol

Question

Peress li qed ikun hemm diversi ittri fil-ġurnali anke minn nies prominenti dwar il-bżonn li ssir xi ħaġa biex jiġi kkontrollat l-abbuż ta' alkohol minn żgħażagħ u peress li inti direttament responsabbli miż-żgħażagħ, jista' jgħid x'beħsiebu jagħmel il-Ministeru tiegħek biex jiġġieled dan l-abbuż u x'ħidma qed issir mal-Ministru ta’ l-Intern u Ġustizzja biex, jekk ikun il-każ, tiġi ppreżentata liġi apposta f'dan il-Parlament?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Bħal kull pajjiż ieħor Ewropew, il-ġlieda kontra l-abbuż ta' l-alkoħol u sustanzi tossiċi oħra huma maqsuma bejn diversi Ministeri. Riċentament il-Gvern waqqaf Kumitat magħruf aħjar bħala Adolescents Health Coalition, fejn diversi esperti minn Sedqa, Caritas, Ministeri ta' l-Edukazzjoni, tas-Saħħa u dak taż-Żgħażagħ u Kultura, Health Promotion Unit u l-Kulleġġ tat-Tobba qed iħejju pjan biex jindirizzaw il-problemi tas-saħħa fost iż-żgħażagħ. Fost l-oqsma li se jiġu ndirizzati hemm abbużi ta' alkoħol, droga u malnutrition.

Heritage Malta — Kuntratti ta' konsulenza

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kuntratti ngħataw miċ-chairman ta' Heritage Malta lil Elizabeth Aylin; Patrick Abela u Architecture Project? Dawn il-kuntratti ta' konsulenza ngħataw wara sejħa għall-offerti? Kemm hu l-valur ta' dawn il-kuntratti? X'kuntratti ta' konsulenza oħrajn ingħataw minn Heritage Malta?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Il-kuntratti mogħtija lill-persuni li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant, ċioe, dawk lil Elizabeth Aylin, Patrick Abela u l-Architecture Project, ingħataw mingħajr sejħa għall-offerti. Il-kuntratt ta' Elizabeth Ayling bħala Communications Consultant jiswa' Lm 250 fix-xahar minn 1 ta' April sa l-31 ta' Diċembru, 2003. Il-kuntratt, iżda spiċċa fil-31 ta' Mejju wara r-riżenja ta' Elizabeth Ayling. Dak ta' Patrick Abela bħala I.T. Technical Consultant kien bejn l-1 ta' Diċembru 2002 sal-31 ta' Marzu 2003 u sewa Lm 150 fix-xahar. Il-kuntratt ma' Architectural Project se jkun jiswa Lm 2,950 għal xogħol relatat ma' l-uffiċċju ewlieni, Triq il-Merkanti, il-Belt. L-uniku kuntratt ieħor mogħti kien dak ma' l-Avukat Antonio Tufigno għall-perjodu ta' bejn l-1 ta' April 2003 u l-31 ta' Marzu 2004 għal servizzi legali u biex jagħmilha ta' Segretarju tal-Bord, u li għalih qed jitħallas Lm 250 fix-xahar. Ma kienx hemm sejħa għall-offerti.

Faċilita' korrettiva ta' Kordin — Programme Yours

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-arranġamenti tal-Programme Yours għal dawk iż-żgħażagħ li qed jiġu rijabilitati fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin mil lat biex jiġu rijabilitati fil-qasam tax-xogħol?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru ta' l-Intern, li taħtu jaqa' l-Programme Yours.

Għawdex — Flus - Sports

Question

Jista' il-Minstru jgħid kemm intefqu flus għall-isports f'Għawdex matul dawn l-aħħar ħames snin separatament għal kull sena? Jista' jgħid ukoll separatament għal kull sena tul dawn l-aħħar ħames snin, kemm kien hemm flus budgeted għall-isports f'Għawdex?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Il-budget għall-isports f'Għawdex huwa provdut taħt il-Vot tal-Ministeru għal Għawdex. Għalhekk l-Onor. Interpellant hija mitluba li tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru għall-Għawdex. Madankollu ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Segretarjat responsabbli mill-Isport għen billi għamel diversi għotjiet lil Assoċjazzjonijiet / Klabbs. Fost dawn ta' min isemmi għotja ta' Lm 9,000 lill-Gozo Football Association sabiex jiġu nstallati floodlights fis-Silver Jubilee Ground u għotja oħra ta' Lm 300 lil Xaghra Athletic Club. Il-Kunsill Lokali ta' San Lawrenz u s-St. Lawrence Spurs ibbenefikaw minn 8,825 u 8,831 Euros rispettivament mill-Programm Youth biex jipparteċipaw fi programmi sportivi.

Għawdex — Bini ta' pixxina

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx proġettata l-bini ta' pixxina f'Għawdex? Jekk le, ma jaħsibx il-Ministru li wasal iż-żmien sabiex ikun hemm pixxina ġewwa Għawdex?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru għall-Għawdex.