Legislature:
Category:
Reset
Active:

Vakanzi fil-Korp tal-Pulizija

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm vakanzi f’kull rank tal-Korp tal-Pulizija bħalissa? Meta hemm il-ħsieb li se jimtlew speċjalment dawk tas-Supretendenti u tal-Maġġuri?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent fil-Korp tal-Pulizija hemm vakanzi ta' 6 Supretendenti, 8 Spetturi, 18-il Surġent Maġġur u 100 Kuntistabbli. Kif diġa' kelli l-okkażżjoni ngħid, dawn il-vakanzi jimtlew skond il-ħtiġijiet tal-Korp u l-esiġenzi tas-servizz in ġenerali. Jekk wieħed jieħu l-ogħla livell bħala numru tal-"police strength" f'kull grad matul l-aħħar għaxar snin, l-informazzjoni hi li hemm vakanzi ta' 6. Naturalment li kieku wieħed kellu jnaqqas minn dawn l-ammonti, in-numru ta' pulizija li kienu f'dawn l-10 snin jagħmlu xogħol fit-tifi tan-nar u fil-kontroll tal-passporti, dmirijiet li llum m'għadhomx f'idejn il-Korp, iċ-ċifra għar-rigward il-kuntistabbli tinżel għal 100.

Pulizija — Ħruġ ta' permessi għal parties

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid mill-1 ta’ Diċembru 2005 sat-8 ta’ Jannar 2006 kemm inħarġu permessi għal parties organizzati mill-privat? Fejn saru dawn il-parties u minn min kienu organizzati? Kien hemm xi permessi li ma ngħatawx iżda nħarġu wara appell? Liema kienu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija kellha 7 applikazzjonijiet għall-parties bejn l-1 ta’ Diċembru 2005 u t-8 ta’ Jannar 2006, li għalihom inħarġu l-permessi, kif jidher hawn taħt: 24.12.05Civil Service Club, VallettaMario Genovese 31.12.05Valletta Water FrontGordon Naudi 31.12.05Mediterranean Conference Centre, VallettaAndrew Sapienza 31.12.05Il-Fortizza, SliemaIannis Bonnici 31.12.05Millenium Stand, Ta’ QaliMario Caruana 31.12.05Melita Bar & Restaurant, BalzanAdrian Gomez Bianco 31.12.05Trade Fair Grounds, NaxxarDaniel Chircop Infurmat ukoll li l-ebda waħda minn dawn l-applikazzjonijiet ma kienet rifjutata u ma kienx hemm każi fejn il-permess inħareġ wara appell.

Tribunal tat-talbiet żgħar

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jara li tispiċċa l-anomalija li fejn si tratta ta' kawżi quddiem it-tribunal tat-talbiet żgħar, persuna ma tistax tirkupra l-ispejjeż ġudizzjarji meta s-sorte jkun taħt il-Lm250?

Response (BORG, TONIO)

Fl-avviż legali Numru 380 tas-sena 2001 m'hemm ebda dispożizzjoni li żżomm persuna milli tagħmel talba sabiex tirkupra l-ispejjeż ġudizzjarji f'kawżi quddiem it-Tribunal għat-Talbiet Żgħar, meta s-sorte jkun taħt il-Lm250.

Pulizija — Qbid ta' droga

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jindika l-ammont ta' droga li nqabdet mill-pulizija fis-sena 2004 u 2005?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ammont u t-tip ta’ droga li nqabdet mill-Pulizija bejn Jannar u Novembru ta’ l-2005 huwa kif muri hawn taħt: TipAmmont Cocaine6kg 394g Heroin15kg 481.7g Cannabis grass1kg 884.6g Cannabis resin5kg 252.26g Cannabis plants3 plants Ecstacy15.309 tablets LSD3 micro-dot Methadone250ml DHC26 tablets Valium2 tablets Halcion4 tablets Tramal1 tablet Dwar l-ammont ta’ droga li nqabdet fl-2004, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 8709.

Każi ta' suwiċidji

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jindika n-numru ta' suwiċidji li kienu rrapportati din is-sena u s-sena l-oħra? Liema kienu l-iżgħar u l-ogħla etajiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2004 ġew irrapurtati lill-Pulizija 25 każ ta' suwiċidju, filwaqt li bejn Jannar u Novembru ta' l-2005 ġew irrapurtati 16-il każ. L-iżgħar eta' kienet 17-il sena, filwaqt li l-għola eta' kienet ta' 95 sena.

Tlajjar ta' prostituzzjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jitlajjaw għal skopijiet ta' prostituzzjoni f'Ta' Xbiex, Msida, Gżira u bnadi oħra matul din is-sena u fejn? Kemm minn dawn kienu rġiel, kemm nisa u x'eta' kellhom? Kemm kienu barranin u x'weħlu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2005 kien hemm 83 persuna li bejtniethom tressqu l-Qorti 379 darba fuq akkużi ta' tlajjar għal skop ta' prostituzzjoni fl-inħawi tal-Gżira, Msida, Ta' Xbiex u l-Marsa. Minn dawn 69 kienu nisa, 7 minnhom barranin, u 14 irġiel. L-eta' ta' dawn il-persuni kienet tvarja bejn it-18 u l-65 sena. Minn dawn il-każijiet 27 ġew deċiżi, fejn wara li nstabu ħatja ġew mogħtija sentenzi sospiżi, multa jew ċanfira u twiddiba. F'10 każi l-persuni akkużati ġew liberati, 4 każi ġew dikjarati proċess eżawirt stante il-mewt ta' l-imputat, filwaqt li l-kumplament tal-każijiet għadhom pendenti.

Dar il-Mediterran — Trakkijiet tal-ħatt

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li d-dipartiment tal-kunsilli lokali u l-pulizija jinvestigaw kif jiġu regolati aħjar it-trakkijiet kbar li qed jiġu jħottu l-apparat fit-teatru ta' Dar il-Mediterran kull meta jkun hemm xi attivita' billi t-trakkijiet kbar u twal in kwestjoni qed jikkawżaw tkissir tal-culverts ta' l-ilma li ġew irranġati riċentement; tkissir tal-bankini tal-madwar; jimblukkaw l-aċċess għall-pubbliku tant li lanqas omm bil-puschair ma tkun tista' tgħaddi u kaos fit-traffiku fl-inħawi, u dan anke jekk ikun hemm bżonn ta' emerġenza fil-każ li tissejjah ambulanza u skomdu kbir lir-residenti tal-madwar? Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li l-ilment ma jiġiex injorat?

Response (BORG, TONIO)

Ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 16060.

Talba quddiem id-dipartiment ta' l-artijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fejn waslet it-talba li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, taċ-ċittadini mill-Birgu quddiem id-dipartiment ta' l-artijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tal-Artijiet għadu qiegħed jistenna lill-Avukat taċ-ċittadin mill-Birgu jipprovdi d-dokumenti meħtieġa jew jagħmel dikjarazzjoni rigward minn huma l-eredi sabiex ikun jista' jiġi konkluż il-kuntratt tar-rilaxx tal-art.

Każ dwar fond

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, hux milqut mil-liġi possession and use? Jekk fin-negattiv, jista' jinxtara?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-fond li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Membru jinsab fuq proprjeta' li ġiet esproprjata bit-titolu ta' pussess u użu u għaldaqstant ma jistax jinxtara mill-inkwilin għalissa.

Siġġiewi — Inkonvenjent minn trakkijiet tal-ġebel

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-awtoritajiet tal-pulizija jafux bl-inkonvenjent li qed isofru ta' sikwit minnu residenti fi Triq Lapsi fis-Siġġiewi minħabba trakkijiet mgħobbija bil-ġebel u materjal ieħor li jgħaddu ta' sikwit u b'veloċita' minn din it-triq? L-awtoritajiet huma mgħarrfa b'każi fejn ġebel kbar waqgħu minn dawn it-trakkijiet b'periklu għal min ikun għaddej?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija ser tkompli tagħmel ronda fl-inħawi msemmija mill-Onorevoli Interpellant sabiex kemm jista' jkun dan l-abbuż ikun ikkontrollat.

CHOGM — Membri tal-korp

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fuq liema merti ntgħażlu l-membri tal-korp biex jaħdmu iċ-CHOGM jew jibqgħu fid-distretti/sezzjonijiet tagħhom? L-uffiċjali tal-pulizija mill-grad ta' spettur 'il fuq se jitħallsu ta' l-overtime jew se jitqiesu bħala disturbance allowance? Jekk se jsir xi forma ta' ħlas, dan se jkun forma ta' bonus jew overtime? Dawk l-ispetturi li baqgħu ileħqu s-sections/distretti sakemm spetturi kollegi tagħhom ħadmu ċ-CHOGM, se jitħallsu xi forma ta' kumpens?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Korp tal-Pulizija daħal għall-impenn tal-Laqgħa tal-Kapijiet tal-Gvernijiet tal-Commonwealth (CHOGM) bħala Korp wieħed, sħiħ u magħqud. Fil-jiem tac-CHOGM, kull membru tal-Korp tal-Pulizija, irrespettivament minn fejn kien assenjat, kellu sehem importanti sabiex inżamm l-ordni pubbliku fil-pajjiż. Filwaqt li l-Korp tal-Pulizija ried jipprovdi għas-sigurta' tad-dinjitarji li ġew fostna, fl-istess ħin ried ikompli għaddej bil-ħidma tiegħu normali. U kien għal dan is-sens ta' dover muri mill-iżgħar membru sa l-għola membru, li l-Korp tal-Pulizija irnexxielu jżomm livell għoli ta' servizz, ġew evitati milli jseħħu nċidenti mhux mixtieqa u fl-istess ħin identifika l-Korp tal-Pulizija bħala ambaxxatur denju ta' pajjiżna. Dan kollu ssarraf sabiex dan l-avventiment kien ta' suċċess u unur lill-pajjiżna. Għalhekk wieħed ma jistax jifhem għala qed issir din id-distinzzjoni, meta anke` fin-normal, il-Korp tal-Pulizija għandu membri stazzjonati fid-diversi sezzjonijiet u taqsimiet li jagħmlu xogħol differenti, pero' utli u importanti għaż-żamma ta' l-ordni pubbliku fil-ħajja ta' kuljum. Dan hu l-Korp tal-Pulizija - is-sehem ta' kull membru, żgħir jew kbir, huwa importanti daqs ta' l-ieħor, irrelevanti mill-post fejn qed jagħti s-servizz tiegħu f'isem il-Korp tal-Pulizija sabiex jintlaħaq l-għan aħħari. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi membri tal-Korp tal-Pulizija mill-grad ta' Spettur il-fuq m'humiex intitolati għall-ħlas ta' overtime, waqt li l-membri l-oħra tal-Korp u ċioe` is-Surġenti u l-Kuntistabbli se jingħataw il-ħlas bir-rata ta' l-overtime normali.

Pulizija — Testijiet dwar xorb eċċessiv

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk matul is-sena 2005 kienx hemm każi fejn il-pulizija ħadet passi kontra sewwieqa li wara li sar fuqhom it-test dovut instab li kienu xorbu eċċessivament? Kemm kien hemm minn dawn il-każi matul is-sena 2005? Matul is-sena 2005 kemm għamlet minn dawn it-testijiet fuq sewwieqa dwar xorb eċċessiv il-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2005 kien hemm 69 sewwieq/a li l-Pulizija għamlitilhom it-test tan-nifs wara li r-riżultat fl-ewwel test fit-triq kien pożittiv. Minn dawn kollha, 30 kellhom riżultat pożittiv, filwaqt li 39 irrifjutaw jew it-test ma kienx komplut. F'kull każ qed jittieħdu proċeduri kriminali quddiem il-Qorti skond il-liġi.

Pulizija — Reati b'konsegwenza ta' xorb

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid matul is-sena 2005 kemm kien hemm reati f'pajjiżna minn żgħażagħ dwar xorb eċċessiv u li dwarhom il-pulizija ħadet passi? Jista' jgħid x'kienet in-natura tar-reati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-dettal tat-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant ma jinsabx f'forma komputerizzata.

Pulizija — Dar il-Mediterran għall-Konferenzi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-għassa tal-Belt irrifjutatx li toħroġ il-permess għaż-żamma tal-party ta' l-aħħar/bidu tas-sena 2005/2006 f'Dar il-Mediterran għall-Konferenzi u x'kienu r-raġunijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija tad-Distrett tal-Belt qatt ma rrifjutat li toħroġ il-permess għall-attivita' li kellha ssir f'Dar il-Mediterran għall-Konferenzi nhar l-aħħar tas-sena. Peress li kien hemm numru ta' oġġezzjonijiet, il-Pulizija tad-Distrett tal-Belt bagħtet l-applikazzjoni lill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija bir-rakkomandazzjoni li l-applikazzjoni tiġi rreferita lill-Bord ta' Pariri dwar Liċenzji tal-Pulizija sabiex jintalab il-parir tagħhom skond kif rikjest fir-Regolamenti ta' l-1991 dwar Proċeduri rigward Liċenzji tal-Pulizija. Sussegwentement il-Bord ta' Pariri dwar Liċenzji tal-Pulizija rrakomanda li jinħareġ il-permess taħt il-kondizzjonijiet tas-soltu.

Ħaż-Żabbar — Każi ta' serq

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il serqa saret fir-raħal ta' Ħaż-Żabbar mill-1 ta' Jannar 2005 sal-lum? Kemm-il każ ġie solvut?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta' Jannar 2005 u d-9 ta' Jannar 2006, il-Pulizija kellha 250 rapport ta' serq fil-lokalita' ta' Ħaż Żabbar, li minnhom s'issa ġew solvuti 28 każ.

Tipjip fejn mhux permess

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imħarrka persuni li nqabdu jpejpu fi stabilimenti tad-divertiment minn kemm ilha li għaddiet il-liġi li tipprojbixxi tipjip f'bini pubbliku? Jista' jagħti rendikont tal-frekwenza u l-postijiet (irħula) li fihom ingħataw dawn iċ-ċitazzjonijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn meta ġew fis-seħħ ir-Regolamenti ta' l-2004 dwar it-Tipjip f'Postijiet Miftuħin għall-Pubbliku sa l-aħħar tas-sena 2005, il-Pulizija sabet u ħadet passi quddiem il-Qorti kontra 244 persuna ipejpu ġewwa bars/diskoteki/każini.

Tipjip fejn mhux permess

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm sidien li ġew imħarrka fuq ksur tal-liġi in konnessjoni ma' tipjip fi stabilimenti tad-divertiment?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2005 kien hemm 23 persuni responsabbli minn bars/diskoteki li l-Pulizija ħadet passi kontra tagħhom quddiem il-Qorti fuq ksur tar-Regolamenti dwar it-Tipjip.

Reklamar ta' prodotti tat-tabakk

Question

Peress li issa ħareġ avviż legali li jipprojbixxi reklamar ta' prodotti tat-tabakk, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kif dan ir-regolament qed jiġi inforzat? Jekk dan l-avviż legali li jipprojbixxi reklamar ta' prodotti tat-tabakk qed jiġi inforzat, jista' jgħid għaliex għadhom qed jitwaħħlu billboards li jirreklamaw dawn il-prodotti u għaliex reklami qodma ta' dawn il-prodotti għadhom ma tneħħewx?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Awtoritajiet tas-Saħħa qed jieħdu passi meħtieġa sabiex jitneħħew dawk ir-reklami li jmorru kontra dawn ir-regolamenti. F'każ li dawn ma jitneħħewx jittieħdu l-proċeduri skond il-liġi.