Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sigurta Soċjali

Question

Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ tas-sigurta soċjali tal-isem li persuna li l-partikolaritajiet tagħha jinstabu separatament min din il-mistoqsija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li waħda mill-persuni ndikati minnu ġiet infurmata bil-każ tagħha. Dwar il-persuna l-oħra li tidher li hi anzjana, ninforma lill-Onor Interpellant li ma tidhirx li qed tirċievi jew talbet xi benefiċċju soċjali.

Awtorita' tad-Djar

Question

Jista' l-Ministru jara li anzjana li l-partikularijiet tagħha jidhru separatament ma din il-mistoqsija tinħarġila id-disabled card peress li qiegħda tinżam milli tingħata wheelchair u sussidju mal-Awtorita' tad-Djar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fl-10 ta' Diċembru 2001, il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’ talbet bil-miktub lill-persuna ndikata mill-Onor Interpellant biex tissottometti żewġ ritratti daqs ta' dawk għall-passaport biex tkun tista' tkompli tipproċessa t-talba għall-karta ta' l-Identita Speċjali.

ETC

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi d-definizzjoni tal-Korporazzjoni Impjiegi u Taħriġ meta tiddeskrivi l-livell ta' dawk li jfittxu x-xogħol bħala 1) working knowledge operator 2) competent/skilled operator 3) o level/ city & guilds Kif jistabilixxi l-livell ta' kompetenza fid-definizzjoni tagħha l-ETC?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-definizzjonijiet li tuża l-Korporazzjoni meta tiddeskrivi l-livell ta' dawk li jfittxu x-xogħol huma kif ġejjin: 1. Working Knowledge Operator: Il-persuna setgħet ħadmet għal ftit żmien f'qasam partikolari iżda mhux biżżejjed biex titqies li hi kompetenti; 2. Competent/Skilled Operator: Il-persuna jkollha esperjenza tax-xogħol f'qasam partikulari iżda ma jkollhiex ċertifikati x'turi; 3. O'level/City & Guilds: Jekk hux fil-pussess ta' kwalifiki relattivi. Fl-assenza ta' livelli u standards ta' kompetenza, l-ETC qiegħda tuża dawn id-definizzjonijiet wiesa' bil-ħsieb li ma tillimitax iżżejjed l-opportunitajiet li persuna qiegħda tikkwalifika għalihom.

Għawdex — Qgħad

Question

B'referenza għat-tagħrif mogħti bħala tweġiba għall-mistoqsija parlamentari nru. 29760, jista' l-Ministru jagħti l-istess tagħrif għar-reġjun: 1) inner harbour 2) outer harbour 3) south eastern 4) western 5) northern lokalita b'lokalita, reġjun b'reġjun

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mehmuz issib l-informazzjoni mitluba għal dawk il-persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol f’Malta fl-aħħar ta’ Settembru 2001 fuq l-ewwel parti tar-reġistru (Part 1).

Health and Safety Officers

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' health & safety officers impjegati mal-gvern? Kemm minnhom huma stazzjonati Għawdex? Jitfasslu programmi ta' għajnuna dwar saħħa u sigurta fuq il-post tax-xogħol fejn jidħlu l-iskejjel? Kemm saru minn dawn matul din is-sena fl-iskejjel tal-Istat, indipendenti u tal-knisja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Hemm disa' health and safety inspectors impjegati mad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjieg li huma stazzjonati f'Malta. Dawn l-ispettiru jagħmlu xogħol ta' rutina f'Għawdex skond il-ħtieġa. Saru wkoll numru ta' lectures għal ħaddiema mpjegati mad-diversi Dipartimenti Governattivi f'Għawdex. Dalwaqt għandu jibda l-proċess biex ikunu reklutati iktar Uffiċjali għas-Saħħa u s-Sigurta' fuq ix-Xogħol. Sallum, il-prijorita' kienet li Spetturi mid-Dipartiment ikunu nvoluti fil-preparazzjoni ta' taħditiet u lectures lil diversi ażjendi li juru x-xewqa li jesponu lill-ħaddiema jew apprentisti tagħhom għal suġġetti relatati mas-saħħa u sigurta fuq il-post tax-xogħol. Fost dawn saru korsijiet b'koperazzjoni ma' l-iStaff Development Organsation li għalih attendew numru ta' għalliema mpjegati fi skejjel tal-Gvern. Ingħataw ukoll żewġ lectures fi skola governattiva u fi skola privata matul din is-sena. Qegħdin isiru diskussjonijiet mad-diriġenti ta' skola privata biex ikun imħejji programm edukattiv għat-tfal, li jinkludi l-produzzjoni ta' videos promozzjonali u activity book. Dan il-programm ser ikun introdott għall-ewwel darba s-sena d-dieħla fi proġett pilota, li wara li jkun evalwat, jista' jkun użat ukoll fl-iskejjel kollha, inklużi tal-Gvern, tal-Knisja u privati.

Xogħol — Inċidenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrapurtati inċidenti fuq il-post tax-xogħol matul din is-sena? Kemm kien hemm imwiet? Mir-rapporti li saru wara l-inċidenti fatali kemm hemm it-tort tas-sidien jew tal-impjegat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li n-numru ta' talbiet għall-Benefiċċju għall-Korriment matul din is-sena, sa l-aħħar ta' Ottubru, kien ta' 4,208 filwaqt li nċidenti fatali fuq il-post tax-xogħol kien ta' sitta. Infurmat ukoll li fil-każijiet kollha li rriżultaw f'imwiet, l-inkjesta Maġisterjali relattivi għadhom mhux konklużi.

Liġi tal-Familja — Memorandum

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm movimenti u liema movimenti taw xi suġġerimenti, jew resqu xi memorandum fuq il-liġi tal-familja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-White Paper rigward il-liġi proposta dwar il-Qorti tal-Familja, nitolbu jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

ETC

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru korsijiet tal-biċċiera tal-laħam mill-ETC matul din is-sena? Kemm kien in-numru ta' parteċipanti u x'ċertifikati ngħataw?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Matul din is-sena l-ETC organiżżat kors wieħed għall-biċċiera tal-laħam li jikkonsisti kemm f'taħriġ teoretiku kif ukoll taħriġ prattiku. Dan il-kors beda fis-16 ta' Jannar 2001 u huwa twil tnejn u ħamsin ġimgħa. In-numru ta' parteċipanti li bdew jattendu għall-kors kien ta' sbatax-il persuna imma sa l-aħħar ta' Novembru 2001 dan niżel għal tnax-il persuna. Fl-aħħar tal-kors il-parteċipanti jingħataw ċertifikat ta' kompetenza.

Għajnuna Supplimentari

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhija r-raġuni li l-għajnuna supplimentari qed titneħħa b'60% meta l-anzjani jiriżulta li jkunu residenti f'Dar ta l-Anzjani ta' l-Istat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Skond il-provvedimenti ta' Avviż Legali numru 60 ta' l-2000, kull resident f'istituzzjoni statali għandu jikkontribwixxi għaż-żamma tiegħu f'dik l-istituzzjoni 60% tad-dħul net li għandu lill-Kumitat tal-Welfare, maħtur skond l-Artikolu 130 ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali. Skond Taqsima 3 ta' l-imsemmi Avviż, residenti f'istituzzjoni statali jkun intitolat li jirċievi 40% tal-pensjoni, benefiċċju jew allowance imħallsa taħt l-imsemmi Att.

Reġistrar għax-Xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li kienu jirreġistraw għax-xogħol f'Novembru li għadda f'Malta u Għawdex separatament? Jista' jwieġeb din il-mistoqsija għax-xahar ta' Novembru sena b'sena għas-snin 1997, 1998, 1999 u 2000?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel parti tar-reġistru f'Novembru ta' l-1997, 1998, 1999, 2000 u f'Settembru 2001, maqsuma għal Malta u Għawdex huma kif jidhru fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

B'Kara — Kuntratt

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-ispejjeż li ħareġ il-gvern biex irranġat ruħha d-dar ta' Frate Francesco f'B'Kara? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-kamra, kopja tal-kuntratt li sar bejn il-gvern u l-patrijiet Franġiskani rigward l-imsemmija dar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba ser tingħata f'xi seduta oħra.

Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif il-koppja anzjana li d-dettalji tagħha qed jidhru kunfidenzjalment u li ilha is-snin kbar li applikat mad-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali li t-tnejn għandhom kundizzjonijiet anke mediċi tant li l-mara għamlet 2 operazzjonijiet barra min Malta, jgħixu f'unit bi tliet sulari taraġ, i.e. 63 tarġa, kontra l-pariri tat-tobba u ta' l-ispeċjalisti mediċi u kif intqal lilhom mid-Dipartiment għandhom 83 punt, għadhom sal-lum ma ngħatawx post alternattiv?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-każ tal-koppja ndikata qed ikun ikkunsidrat fid-dawl li jridu post terran f'Bormla biss, fejn id-Dipartiment għandu 221 talba oħra li minnhom 27 huma minħabba t-taraġ.

Pensjoni — Tħaffif ta' Proċedura

Question

Jista' l-Ministru jara li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jidhru kunfidenzjalment titħaffiflu l-proċedura biex jibda jieħu l-pensjoni ta' l-invalidita', li issa ilu ġimgħat jistenna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi 'l-persuna minnu ndikata ġiet imħallsa pensjoni għall-Invalidita' skond l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali 1987 (Kap 318). Inżid ngħid li l-istess persuna ġiet infurmata bil-miktub dwar dan.

Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fuq liema kriterji u x'punti kellha l-koppja li ngħatat fond bl-indirzz li qed jintbagħat separatament mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-fond ġie allokat a bażi tal-policy li min joqgħod fi blokk flats ikun intitolat jibdel il-flat tiegħu ma ' wieħed f'sular isfel fl-istess blokk.

Inspection

Question

Jista' l-Ministru jagħmel inspection fuq il-fond bl-indirizz li qed jintbagħat separatament peress li hemm informazzjoni li dawn qiegħdin bħala squatters ? Jekk jirriżulta fil-pożittiv x'se jagħmel id-dipartiment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt il-każ lid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali biex jinvestiga.

Benefiċċji Soċjali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb PQ 30263?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bħalma kelli l-okkażjoni ngħid fi drabi oħra il-ħidma kontra l-abbuż kienet waħda estensiva u rrikjediet ħafna xogħol minn membri tad-dipartiment sabiex kien possibbli jiġu identifikati n-numru kbir ta' persuni li kienu qed jabbużaw mill-għoti ta' diversi benefiċċji. Għal dak li jirrigwarda l-Assistenza Soċjali, l-Assistenza tal-Mard u l-Pensjoni mhux kontributorja, id-dipartiment kien għamel eżerċizzju speċjali fuq dan u kienet inżammet statistika apposta tal-każi li kienu ġew individwati li qed jabbużaw. Meta spiċċa l-eżerċizzju, il-ħidma tkompliet max-xogħol normali tal-ġurnata u għalhekk ma baqghatx tinżamm statistika speċifika ta' dawn il-każijiet. Bħalissa, qed tiġi aġġornata s-sistema komputeriżżata tad-dipartiment biex fil-futur id-dipartiment ikollu f'idejh din ix-xorta ta' statistika u jkun f'pożizzjoni li jagħti tagħrif dwar dan.

Mosta — Landscaping

Question

Issa li l-Gvern ħabbar fil-Budget li se jsir landscaping aħjar tal-paesaġġ, jista' l-Ministru jara li parti mill-flus ivvutati għal dan il-għan jmorru sabiex isir l-embellishment meħtieġ tal-qasam tad-djar ta' Zokkrija il-Mosta? Fid-dawl li matul dawn l-aħħar 8 snin il-kunsill lokali tal-Mosta ħalla l-embelishment f'dawn l-inħawi abbandunat u hekk se jkompli jagħmel minħabba li għandu djun kbar, jista' l-Ministru ġentilment jawtorizza dawn ix-xogħolijiet ta' l-embellishment fil-Qasam tad-djar ta' Zokkrija il-Mosta immedjatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'hemmx ħsieb li jsir dan ix-xogħol fis-sena 2002.

Mosta — Landscaping

Question

Issa li l-Gvern ħabbar fil-Budget li se jsir landscaping aħjar tal-paesaġġ, jista' l-Ministru jara li parti mill-flus ivvutati għal dan il-għan jmorru sabiex isir l-embellishment meħtieġ tal-qasam tad-djar ta' Mlit il-Mosta? Fid-dawl li matul dawn l-aħħar 8 snin il-kunsill lokali tal-Mosta ħalla l-embelishment f'dawn l-inħawi abbandunat u hekk se jkompli jagħmel minħabba li għandu djun kbar, jista' l-Ministru ġentilment jawtorizza dawn ix-xogħolijiet ta' l-embellishment fil-Qasam tad-djar ta' Mlit il-Mosta immedjatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'hemmx ħsieb li jsir dan ix-xogħol fis-sena 2002.

Landscaping

Question

Issa li l-Gvern ħabbar fil-budget li se jsir landscaping aħjar tal-paesaġġ, jista' l-Ministru jara li mill-flus ivvutati jsir il-ġnien fil-Qasam tad-Djar ta' Għajn Qajjed ir-Rabat li l-gvern preċedenti kien se jikkordina bejn id-Dipartiment tal-Urban and Rural Landscaping, Dipartiment tal-Housing u l-kunsill lokali tar-Rabat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'hemmx ħsieb li jsir dan ix-xogħol fis-sena 2002.