Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment tat-taxxi interni

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16004, jista' il-Prim Ministru jgħid l-ammont dovut globali huwa dak Lm3,913,112 biss jew inkella jinkludi l-ammonti msemmija għas-snin rispettivament skond id-domanda in kwestjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-ammont ta’ Lm3,913,112 jikkorispondi għas-sena 2004 biss.

Dipartiment tat-taxxi interni

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16004, jista' il-Prim Ministru jgħid l-ammonti jkoprux il-pendenzi tal-kumpannijii wkoll? F'każ li le, jista' jinformana kemm fil-fatt huma l-pendenzi tal-kumpanniji għar-rigward tal-bolli ta' l-NI?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-ammonti murija f’tabella (a) tat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 16004 jinkludu wkoll l-ammonti dovuti mil-kumpaniji tas-sehem tagħhom tal-kontribuzzjonijiet ta’ l-Ewwel Klassi ta’ l-impjegati tagħhom.

Ministru għal Għawdex

Question

Billi bis-saħħa tas-setgħat mogħtija b'Artikolu 80 tal-Kostituzzjoni ta' Malta l-President ta' Malta, fuq il-parir tal-Prim Ministru, ħatar lis-Sinjura Giovanna Debono Ministru għal Għawdex; Billi bis-saħħa tas-setgħat mogħtija b'Artikolu 82 tal-Kostituzzjoni ta' Malta l-President ta' Malta, fuq il-parir tal-Prim Ministru, assenja lill-Ministru għal Għawdex responsabbilta' ta' l-"Affarijiet dwar Għawdex - Gozo Affairs"; Billi skond Ordni Permanenti Numru 26 ta' l-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra "jistgħu jsiru interpellanzi lil kull Ministru dwar ħwejjeġ (affairs) pubbliċi li għalihom dak il-Ministru jkun responsabbli"; Billi l-Ministru għal Għawdex qed tirriferini għall-Ministru konċernat minflok tagħtini tweġiba hi għall-interpellanzi li jirrigwardaw "affarijiet dwar Għawdex" li huma ta' rilevanza u importanza kbira, fost oħrajn, għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-gżira; Jista' il-Prim Ministru jispeċifika liema huma dawk l-affarijiet pubbliċi dwar Għawdex li l-Ministru għal Għawdex ngħatat responsabbilta' għalihom taħt il-Kostituzzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kif jaf tajjeb l-Onor Interprellant, Gvern Nazzjonalista fl-1987 waqqaf il-Ministeru għal Għawdex sabiex f’kull livell ta’ diskussjoni u f’kull deċizjoni li jieħu l-Gvern tkun kunsidrata l-perspettiva Għawdxija u jassigura l-aħjar interess ta’ Għawdex u l-Għawdxin. Ħlief għal perjodu qasir ta’ Gvern Soċjalista bejn 1996-1998, f’liema perjodu ma kienx hemm Ministeru għall-Għawdex, sa mit-twaqqif tiegħu, il-Ministeru għal Għawdex kien strumentali biex ittransforma lil Għawdex fl-oqsma kollha tal-ħajja u llum Għawdex igawdi minn kwalita’ ta’ ħajja ta’ l-oghla kwalita bhal bqijja ta’ Malta. Il-Ministeru għal Għawdex għandu l-ghan li jkompli jġib ‘il quddiem il-kwalita’ tal-ħajja f’Għawdex waqt li jipproteġi u jtejjeb il-karatteristici kulturali, soċjali u ambjentali tal-gzira Għawdxija. Biex jagħmel dan, il-Ministeru għandu kemm responsabiltajiet li jaqgħu taħtu direttament kif ukoll jipparteċipa fit-tfassil ta’ kull politika u proġett nazzjonali biex tkun assigurata d-dimensjoni Għawdxija. Huwa għalhekk li l-Ministeru għal Għawdex għandu żewġ għanijiet prinċipali: 1. Il-Ministeru għandu responsabbilta’ diretta għal dawk l-operazzjonijiet kollha li jaqgħu direttament taħtu. F’dawn l-oqsma, il-Ministeru għal Għawdex jamministra l-Vot tieghu direttament. B’mod partikolari, il-Ministeru għal Għawdex għandu r-responsabbilta’ diretta tal-qasam tas-saħħa, edukazzjoni, kultura, xogħolijiet pubbliċi, indafa pubblika u beach cleaning, agrikultura, l-għajnuna finanzjarja għall-istudenti Għawdxin, is-servizz tal-Home Help, l-għajnuna finanzjarja għall-għaqdiet u attivitajiet kulturali u organizazzjonijiet mhux Governattivi, l-Istitut għall-Istudji Turistiċi f’Għawdex, l-Iskola Sajf, is-servizz tal-Meals on Wheels u servizzi soċjali oħra, l-Iskola Sport, kif ukoll l-proġetti finanzjati mill-fondi ta’ l-Unjoni Ewropeja. 2. Il-Ministeru għandu wkoll responsibbilta’ oriżżontali fl-oqsma l-oħra kollha fejn hemm entita’ jew awtorita’/organizazzjoni nazzjonali li għandha r-responsabbilta’ operattiva biex jassigura li dak kollu li jaffattwa lil Għawdex jew isir f’Għawdex ikun fl-ahjar interess ta’ Għawdex u l-Għawdxin. Biex nagħti ezempju ta’ dan, nista’ nsemmi lill-EneMalta, il-Water Services Corporation, il-Heritage Malta, il-Malta Maratime Authority, l-Awtorita’ dwar l-Ipjanar, il-Wasteserv, u oħrajn. F’dawn il-kazi, il-Ministeru għal Għawdex jimpenja ruħu f’kull stadju ta’ konsultazzjoni, ippjanar, u ezekuzzjoni tal-proġetti u x-xogħol kollu li jsir f’Għawdex jew b’konnessjoni ma’ Għawdex. F’dawn il-kazijiet, il-Ministeru għal Għawdex ikollu l-informazzjoni kollha relevanti għalkemm ir-responsabbilta’ operattiva hija ta’ l-entita’ rispettiva u l-Ministeru li taħtu taqa’ l-entita’. Il-problema li semma l-Onor Interpellant dwar min għandu jwieġeb mistoqsija parlamentari dwar aspetti li jikkonċernaw lil Għawdex ma kienetx tinqala kieku kien hemm Gvern Laburista għax ma kienx ikun hemm Ministeru għal Għawdex jew Ministru għal Għawdex biex isirulu l-mistoqsijiet parlamentari. Tajjeb infakkar ukoll lil l-Onor Interpellant li grazzi għall-ħidma partikolari tal-Ministeru għal Għawdex flimkien mal-ħidma kollettiva tal-Gvern Nazzjonalista, Għawdex hu llum ukoll meqjus bħala reġjun fuq livell tal-politika Ewropeja.

Għawdex — Prodott gross domestiku

Question

Nirriferi lill-Prim Ministru għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 14728 dwar il-prodott gross domestiku għal Għawdex. Jista' jagħtina l-istess tagħrif għall-gżira ta' Malta weħidha u għall-gżejjer Maltin flimkien? Jista' jagħtina wkoll kemm kien il-prodott gross domestiku għal Għawdex fis-snin imsemmija bħala persentaġġ ta' dak ta' Malta u ta' dak nazzjonali? Meta hu mistenni li jinħadem il-prodott gross domestiku finali għall-2003 u għallinqas dak proviżorju għall-2004?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi t-tweġiba għadha ser tingabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Għawdex — Turisti

Question

Jaf il-Prim Ministru jgħidli x'kienet in-nefqa f'Għawdex tat-turisti Maltin u barranin separatament, kull sena u xahar xahar, mill-1999 sal-lum fi prezzijiet tas-suq u fi prezzijiet kostanti ta' l-1999 u ta' l-2000?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi t-tweġiba għadha ser tingabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Għawdex — Depożiti u self mill-banek

Question

Jista' jekk jogħġbu l-Prim Ministru jgħid kemm kienu d-depożiti fil-banek u s-self mill-banek f'Għawdex fl-aħħar ta' kull sena, mill-1998 'il hawn u fl-aħħar ta' Ġunju tas-sena l-oħra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi t-tweġiba għadha ser tingabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Konsum tal-gvern — Nefqa Ġenerali

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa ġenerali ta' konsum tal-gvern, sena sena mill-1999 'il hawn, fi prezzijiet tas-suq u fi prezzijiet kostanti ta' l-1999 u ta' l-2000?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi t-tweġiba għadha ser tingabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

OPM — Hospitality

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm tħallsu f'hospitality f'ristoranti/lukandi bejn Ottubru u Diċembru 2005?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma nistax nifhem x’utilita’ jista jkollha l-informazzjoni dettaljata li qed jitlob l-Onorevoli Membru. Għalhekk, kif ukoll għaliex il-ħin estensiv li jkun meħtieġ sabiex tinġabar din l-informazzjoni jista’ jintuża aħjar, ma nħossx li hemm il-ħtieġa li tingħata l-informazzjoni li qed tintalab.

EU — Dwana

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus li matul l-2005 pajjiżna ħallas lill-Unjoni Ewropea mid-dħul tad-dwana ta' Malta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li pajjiżna attwalment fl-2005 ħallas lill-Unjoni Ewropea mid-dħul tad-Dwana ta’ Malta (Traditional Own Resources) is-somma ta’ Lm4,261,347.50.

Dar Malta fi Brussels

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk inħarġux xi tenders jew talbiet għal xogħlijiet in relazzjoni ma' Dar Malta fi Brussels? Jekk inħarġu, x'kienu d-dettalji ta' dawn it-tenders jew talbiet u jekk dawn kenux miftuħa għal ditti jew individwi Maltin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi ma nħarġux tenders jew talbiet għal xogħlijiet in relazzjoni ma’ Dar Malta fi Brussel.

Għawdex — Industrija tal-manifattura

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien id-dħul medju fil-ġimgħa għal kull ħaddiem ras għar-ras fid-diversi setturi ta' l-industrija tal-manifattura f'Għawdex kull sena mill-1999 'il hawn fi prezzijiet tas-suq u fi prezzijiet kostanti ta' l-1999 u ta' l-2000?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

AFM — Detention Services Unit

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk is-suldati li jipprestaw servizzi lid-detention services unit, bħal mechanics, plumbers, electricians, eċċ. jeħdux l-istess allowance li jieħdu s-suldati li huma għassa ma' l-immigranti irregolari? Jekk le, jista' jgħid jekk jistax jirratifika din id-diskriminazzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

AFM — Journeyman's Certificate

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid għaliex mhux is-suldati kollha li għandhomn il-journeyman's certificate huma magħduda bħala li għandhom trade?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

AFM — Ċertifikati tas-sewqan

Question

Jista' il-Prim Ministru jikkonferma li ċ-ċertifikati tas-sewqan tat-trakkijiet u coaches mogħtija mill-Armata mhumiex rikonoxxuti mill-Awtorita' Dwar it-Trasport? Jekk le, jista' jgħid għaliex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Barracks ta' Ħal Safi — Guardroom

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid għaliex għadhom ma sarux ix-xogħlijiet ta' tiswija fis-saqaf tal-guardroom tal-barracks ta' Ħal Safi billi għadha tqattar l-ilma tax-xita?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Huwa pprogrammat li dan x-xogħol isir hekk kif it-temp jkun jippermetti.

EU — Dwana

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus li matul l-2004 pajjiżna ħallas lill-Unjoni Ewropea mid-dħul tad-dwana ta' Malta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li pajjiżna attwalment fl-2004 ħallas lill-Unjoni Ewropea mid-dħul tad-Dwana ta’ Malta (Traditional Own Resources) is-somma ta’ Lm2,186,022.

OPM — Enti pubbliċi

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid liema huma l-enti pubbliċi, awtoritajiet u/jew korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Kemm minn dawn l-enti eċċ, jagħmlu outsourcing ta' xogħol legali (legal advice and litigation) tagħhom? Fil-każ li jsir outsourcing ta' xogħol legali, min huma l-avukati mqabbda? Kemm jitħallsu kull sena jew perjodikament dawn l-avukati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Direttur Ġenerali għas-servizzi veterinarji

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15862 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid għaliex ma ġiex appuntat direttur ġenerali għas-servizzi veterinarji?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi l-pożizzjoni li qiegħed jirreferi għaliha l-Onorevoli Nterpellant issa tissejjah “Direttur Generali, Servizzi Veterinarji u Sajd”. Il-post ġie reklamat permezz ta’ Ċirkulari ta’ l-OPM Numru 34/2005 fis-17 ta’ Awwissu 2005, ġew intervistati numru ta’ kandidati, iżda l-proċess ta’ l-għazla għadu ma ġiex finalizzat.

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u Servizzi Rurali

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15863 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid għaliex għadu ma ġiex appuntat direttur ġenerali għall-agrikoltura u servizzi rurali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi l-pożizzjoni li qabel kienet tissejjaħ “Direttur Generali, Agrikoltura u Żvilupp Rurali” issa inbidlilha l-isem u l-funzjoni u tissejjah “Direttur Generali, Servizzi Rurali u Kap tal-Paying Agency”. Il-post ġie reklamat permezz ta’ Ċirkulari ta’ l-OPM Numru 21/2005 datata 17 ta’ Mejju 2005. Il-kandidati ġew intervistati u mgħarrfa fit-8 ta’ Novembru 2005 li ħadd ma nstab idoneu biex jimla dan il-post.