Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #6008 Sitting 81 1999-03-29 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru tal-Finanzi

Bord tat-Task Force

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex fil-bord il-ġdid tat-Task Force li se jipprepara programm għall-privatizzazzjoni f'Malta ma ġewx inklużi rappreżentanti tat-Trade Unions? Ma jaħsibx il-Ministru li t-Trade Unions jistħoqqilhom li jkunu konsultati dwar il-proċess ta' privatizzazzjoni ladarba l-privatizzazzjoni żgur li se tħalli impatt fuq il-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-membri tagħhom? Kif jista' l-gvern jikkontrolla abbużi fis-sens li jista' jkun hemm individwi li jkollhom aċċess għall-inside knowledge (għax qegħdin fuq il-board), liema informazzjoni tista' tiġi wżata biex tiffaċilita' li huma stess jew, permezz ta' intermedjarji jew kumpanniji jixtru x-shares għalihom infushom? Jista' l-Ministru jassigura lill-poplu Malti li dawk li se jagħtu l-parir lill-gvern permezz ta' dan it-task force mhux se jkunu l-istess nies li jixtru x-shares u forsi jispiċċaw biex bejniethom jikkontrollaw il-kumpanniji li se jiġu privatizzati? X'miżuri se jieħu l-gvern biex jiżgura li ma jkunx hemm konflitt ta' interess f'dan it-task force?

Response (DALLI, JOHN)

F`dan l-istadju ta` programmar, inħass li jkun biżżejjed li fuq it-Task Force ikun hemm persuna ntiża dwar ir-relazzjonijiet industrijali fil-qasam parastatali. Dwar il-mistoqsijiet `l oħra nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f`pajjiżna jeżistu liġijiet dwar `Insider Trading` u `Professional Secrecy` li japplikaw ukoll għall-membri tat-Task Force li għaliha qiegħed jirreferi l-Onorevoli Interpellant.
Leg 9 PQ #6014 Sitting 81 1999-03-29 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Recurrent expenditure control

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir min-naħa tal-gvern dwar dak li għandu x'jaqsam ma' recurrent expenditure control? X'inhi l-politika ta' dan il-gvern dwar supplimentary estimates?

Response (DALLI, JOHN)

Qiegħed isir monitoring kull xahar, fuq bażi ta` kull dipartiment, u tintalab spjegazzjoni (jekk ikun il-każ) fejn u meta jinħass li jista` jkun hemm varjazzjoni fl-infiq li tista` twassal biex l-allokazzjoni originali tkun maqbuża. Fondi supplementarji jiġu pprovduti biss jekk jinqalgħu kontinġenzi neċessarji u urġenti li ma kienux previsti waqt il-preparazzjoni ta` l-Estimi.
Leg 9 PQ #6015 Sitting 81 1999-03-29 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Revenue expenditure

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-projections tal-gvern għal rata li huwa dħul u ħruġ (revenue and expenditure) humiex on track meta mqabbla mal-figuri attwali għal Jannar u Frar?

Response (DALLI, JOHN)

Id-dħul u l-infiq attwali fl-ewwel xahrejn ta` din is-sena huma fil-fatt fuq l-istess livell ta` kemm kienu mistennija li ser ikunu.
Leg 9 PQ #6049 Sitting 81 1999-03-29 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru tal-Finanzi

Dipartiment tat-Taxxi Interni — Arretrati

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 1547?

Response (DALLI, JOHN)

Il-bilanċ ta` arretrati ta` Income Tax li jidher dovut lill-gvern fuq assessments magħruġa sall-11 ta` Novembru 1998 hu ta` Lm166 miljun. Din iċ-ċifra tinkludi l-ammont ta` taxxa maħruġa fuq bażi ta` ex officio u l-penalitajiet relattivi. Dawn l-ammonti qegħdin taħt oġġezzjoni u normalment jonqsu sew meta l-oġġezzjonijiet jiġu likwidati. Id-Dipartiment tat-Taxxi Interni jistma, anke fuq eżerċizzju ta` sampling li sar fuq dawn l-objections, li t-taxxa mitluba skond l-assessments li nħarġu tista tiġi mnaqqsa f`ħafna każijiet b`sittin fil-mija (60%) ta` l-ex officio assessment oriġinali. Għaldaqstant hu stmat li l-arretrati li jmiss jinġabru jammontaw għal Lm50 miljun.
Leg 9 PQ #6078 Sitting 81 1999-03-29 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Finanzi

Ministru tal-Finanzi — Safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid mit-8 ta' Settembru sal-lum kemm-il darba siefer fuq xogħol tal-Gvern, f'liema pajjiż mar, min kienu l-membri ta' kull delegazzjoni u x'kien il-għan prinċipali ta' kull safra?

Response (DALLI, JOHN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsijiet numru 3812 u 5764.
Leg 9 PQ #5375 Sitting 80 1999-03-24 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tal-Finanzi

Ħwienet — Bejgħ

Question

Peress li għadd ta' persuni ta' nazzjonalita' barranija qed ibiegħu fil-ħwienet minn ħwejjeġ sa play stations u l-prezzijiet li qed jitolbu lil tal-ħwienet huma redikoli, tant li mhux talli m'humiex iħallsu VAT talli żgur qed jaqbżu kull xorta ta' kontroll biex l-affarijiet jidħlu f'Malta b'effett ħażin fuq il-kaxxa ta' Malta u tan-negozjant onest, jista' jgħid jekk il-Gvern huwiex konxju ta' dan ir-racket li qed isir fid-dawl tax-xemx? X'qed jagħmel il-gvern biex iwaqqaf dan l-abbuż?

Response (DALLI, JOHN)

Id-Dipartiment tad-Dwana jieħu diversi passi biex jonqsu l-abbużi ta` kuntrabandu. Naturalment, wieħed dejjem ikun jixtieq li r-riżultati jkunu aħjar. Fl-istess ħin nixtieq nistieden lill-Onorevoli Membru li jekk għandha xi informazzjoni speċifika dwar dak li semmiet fil-mistoqsija tgħaddiha lid-Dwana biex jistgħu isiru aktar investigazzjonijiet.
Leg 9 PQ #5720 Sitting 80 1999-03-24 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Dħul ta' taxxa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt kien id-dħul ta' taxxa mill-VAT matul ix-xahar ta' Jannar u Frar, 1999? Kemm minn dawn l-ammonti jappartjenu għas-settur tal-Biedja u Sajd u meta se jsiru r-refunds lura lill-bdiewa, sajjieda u raħħala?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-dħul net mill-VAT fl-ewwel xahrejn ta` din is-sena kien ta` Lm7,989,059. Minn dan, Lm7,516,341 nġabar mid-Dwana peress li l-ewwel returns tal-VAT kellhom jaslu fid-Dipartiment tal-VAT sal-15 ta` Marzu 1999. L-ewwel returns bis-sistema l-ġdida tal-VAT ta` dawk il-bdiewa, sajjieda u raħħala li qiegħdin fuq perjodu ta` taxxa ta` tlett xhur għandhom jaslu fid-Dipartiment tal-VAT sal-15 ta` Mejju 1999. Għaldaqstant dawn il-kategoriji ta` taxpayers għadhom ma ħallsu ebda taxxa tal-VAT lid-Dipartiment taħt is-sistema l-ġdida.
Leg 9 PQ #5701 Sitting 79 1999-03-23 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Gazzetta tal-Gvern — Revenue & Expenditure

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Gvern jidher li waqa' lura fl-ippubblikar ta' tagħrif dwar dħul u ħruġ (Revenue & Expenditure) fil-gazzetta tal-gvern?

Response (DALLI, JOHN)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Membru li r-rendikonti kif jesiġi artiklu 65(I) ta` l-Att dwar l-Amministrazzjoni Finanzjarja u l-Verifika (Att ta` l-1962) qed jitħejjew biex jiġu mgħoddija lill-Awditur Ġenerali biex sussegwentement jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra kif titlob l-istess liġi. Tabella Numru 1 ta` dawn ir-rendikonti turi d-dħul u l-ħruġ (Revenue and Expenditure) tal-Fond Konsolidat sa l-aħħar ta` Diċembru 1998. Malli dan id-dokument jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra jkun ukoll ippubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern, flimkien ma` tabelli oħra li juri l-figuri għall-ewwel xhur ta` l-1999. Għall-informazzjoni tal-Kamra qed nagħti tagħrif dwar id-dati li fihom kienu ippubblikati rendikonti preċedenti fl-aħħar snin: Data tal-pubblikazzjoni Nru. tal-Gazzetti Xhur ippubblikati tal-Gvern 29 ta` April 1994 15935 Diċembru 1993 3 ta` Mejju 1994 15938 Jannar\Frar\Marzu 1994 5 ta` Mejju 1995 16106 Diċembru 1994 16 ta` Mejju 1995 16111 Jannar\Frar 1995 23 ta` Mejju 1995 16113 Marzu 1995 14 ta` Mejju 1996 16277 Diċembru 1995 14 ta` Mejju 1996 16277 Jannar\Frar\Marzu 1996 29 ta` April 1997 16448 Diċembru 1996 29 ta` April 1997 16448 Jannar\Frar\Marzu 1997 15 ta` Mejju 1998 16617 Diċembru 1997 15 ta` Mejju 1998 16617 Jannar\Frar\Marzu\ April 1998
Leg 9 PQ #5555 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tal-Finanzi

Proprjeta' — Xiri minn barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inxtrat proprjeta' mill-barranin is-sena l-oħra? Kemm kien in-numru ta' persuni li xtraw proprjeta', minn liema pajjiżi kienu u kemm xtraw proprjeta' x-xerrejja minn kull pajjiż involut?

Response (DALLI, JOHN)

In-numru ta` barranin li ngħataw il-permess taħt l-Att ta` 1974 Dwar Akkwist Ta` Proprjeta Immobbli Minn Persuni Mhux Residenti, biex jixtru proprjeta` immobbli f`Malta matul l-1998 kien ta` mija u ħamsin (150). Għar-rigward ta` liema pajjiż kienu dawk li ngħataw l-imsemmi permess għax-xiri matul l-1998, qed tingħata l-informazzjoni meħtieġa fl-annessa tabella markata Dokumenti `A`.
Leg 9 PQ #5682 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Ministeru tal-Finanzi — Vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intraw karozzi ġodda għal ministri minn Diċembru 1998 'il quddiem? Għal liema ministri kienu? Kemm swiet kull waħda?

Response (DALLI, JOHN)

Fil-perjodu msemmi nxtraw karozza għall-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi u oħra għall-Ministru ta` l-Agrikoltura u Sajd għall-prezz ta` Lm11,600 kull waħda.
Leg 9 PQ #5683 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Moody's Investors Service — Uffiċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid ma' min iltaqgħu l-uffiċjali ta' Moody's Investors Service? Jikkonferma l-Ministru li kien hawn ukoll delegazzjoni ta' Standard & Poors? Jekk iva, x'laqgħat kellhom?

Response (DALLI, JOHN)

1. L-uffiċċjali ta` Moody`s Investors services kellhom laqgħat fuq jumejn ta` taħdidiet ma` dawn li ġejjin: a. Il-Ministru tal-Finanzi b. Il-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi c. Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali d. L-Ambaxxatur għall-Unjoni Ewropeja f`Malta, Dr. G. Boggio e. Uffiċċjali għolja mill-Ministru tal-Finanzi u mill-Bank Ċentrali f. Iċ-Chairman tal-Mid-Med Bank g. Uffiċċjali għolja min-National Tourism Organisation of Malta h. Uffiċċjali għolja mill-General Workers i. Il-Professur Lino Briguglio tal-Fondazzjoni għall-iStudji Internazzjonali 2. Ma kien hawn l-ebda delegazzjoni f`Malta mill-aġenzija Standard and Poor`s.
Leg 9 PQ #5684 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Fond Monetarju Internazzjonali — Delegazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma d-dati li fihom se żżur Malta delegazzjoni tal-Fond Monetarju Internazzjonali?

Response (DALLI, JOHN)

Id-delegazzjoni tal-Fond Monetarju Internazzjonali qegħda f`Malta u bdiet il-programm ta` laqgħat tagħha nhar it-Tlieta 16 ta` Marzu. Dawn il-laqgħat jintemmu l-Ġimgħa 26 ta` Marzu.
Leg 9 PQ #5694 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tal-Finanzi

Income Tax — Returns

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibdew jintbagħtu r-returns ta' l-income tax liċ-ċittadini għas-sena bażi 1998?

Response (DALLI, JOHN)

Hu mistenni li l-ewwel returns tal-Income Tax għall-1998 joħorġu x-xahar id-dieħel. Bħalma jaf l-Onorevoli Interpellant din is-sena se jkun introdott il-kunċett tas-Self Assessment u għalhekk se jkun hemm bżonn xi emendi għall-liġi tat-taxxa fuq id-dħul.
Leg 9 PQ #5717 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru tal-Finanzi

Banek — Banek kummerċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn banek kummerċjali f'Malta u Għawdex u x'isimhom? Kemm-il fergħa jew aġenzija għandhom? Kemm-il ATM għandhom?

Response (DALLI, JOHN)

F`Malta u Għawdex b`kollox hawn ħmistax (15)-il bank jew fergħat ta` banek barranin awtoriżżati taħt l-Att ta` l-1994 dwar il-Kummerċ Bankarju, filwaqt li erba` banek oħra huma awtoriżżati taħt l-Att dwar iċ-Ċentru ta` Malta għal Servizzi Finanzjarji. Sitta (6) minn dawn il-banek joperaw bħala banek kummerċjali fis-suq lokali taħt l-Att ta` l-1994 dwar il-Kummerċ Bankarju. Dawn huma: Mid-Med Bank plc Bank of Valletta plc APS Bank Ltd Lombard Bank Malta plc Lohombus Bank Ltd (sussidjarju ta` Mid-Med Bank plc) Midland Bank plc (li hija fergħa tal-bank) Bejniethom dawn is-sitt (6) banek għandhom erbgħa u tmenin (84) fergħa, tlieta u erbgħin (43) aġenzija, mija u dsatax (119) ATM u ħdax (11) Uffiċċji Rappresentattivi barra minn Malta (Kanada, Awstralja, Ingilterra u Dubai).
Leg 9 PQ #3740 Sitting 77 1999-03-17 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Roħs ta' prodotti

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-lista ta' 40,000 (erbgħin elf) prodotti li rrifera għalihom il-Ministru fil-Programm Televiżiv Xarabank li suppost ma'l-introduzzjoni tal-VAT, jiġifieri mill-1 ta' Jannar, 1999 kellhom jorħsu?

Response (DALLI, JOHN)

M`għandi xejn x`inżid mar-risposta li tajt għall-mistoqsija numru 3496.
Leg 9 PQ #5300 Sitting 77 1999-03-17 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Riċevuti fiskali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'monitoring qiegħed jagħmel id-dipartiment tal-VAT biex jassigura li kull retail outlet, hawker u service provider jagħti riċevuta fiskali lill-konsumatur?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tal-VAT jagħmel diversi tipi ta` monitoring biex jassigura li kull retail outlet, hawker u service provider jagħti rċevuta fiskali lill-konsumatur. Dawn jinkludu: 1. analiżi kontinwa tan-numru ta` kotba ta` rċevuti fiskali maħruġa bl-idejn li jiġu mogħtija lill-persuni reġistrati u ta` dawk użati li jiġu mgħoddija lura lid-Dipartiment. 2. spezzjonijiet minn spetturi tad-Dipartiment lill-persuni reġistrati fejn jinstab li d-domanda għall-kotba ta`rċevuti fiskali maħruġa bl-idejn hija baxxa. 3. notifikazzjoni permezz ta` ittri lill-persuni reġistrati sabiex jgħaddu lura lid-Dipartiment kotba ta` rċevuti fiskali użati u sabiex jiġbru oħrajn ġodda flokhom. 4. spezzjonijiet għall-għarrieda minn spetturi tad-Dipartment fi stabbilimenti tan-negozju biex jeżaminaw fost affarijiet oħra l-cash registers u l-irċevuti fiskali maħruġa minnhom jekk dawn ikunu konformi mal-liġi, kif ukoll l-journals li jkun hemm fil-cash registers biex jaraw x`irċevuti jkunu nħarġu f`dak il-perjodu. 5. żjarat ta` sorveljanza minn spetturi tad-Dipartiment lill-stabilimenti tan-negozju, speċjalment dawk li jipprovdu servizz, fejn l-istess spetturi għal ħin twil u f`diversi okkażjonijiet josservaw fost oħrajn il-livell ta` bejgħ li jkun għaddej u jżommu record tiegħu bil-għan li l-informazzjoni miġbura tintuża fi ħruġ ta` tax assessments skond il-ħtieġa. 6. stħarriġ dwar rapporti li d-Dipartiment jirċievi direttament mingħand konsumaturi u mingħand id-Dipartment għall-Konsumaturi. Fejn jinstab lijkun qed isir xi abbuż, il-każ jiġi riferut biex jittieħdu passikriminali kontra l-persuni nvoluti. Fejn ma jkunx hemm bażi biżżejjed biex wieħed jieħu passi kriminali, l-każ jiġi riferut għal aktar investigazzjoni aktar `il quddiem. Wieħed għandu japprezza li l-ispetturi tad-Dipartiment ma jistgħux ikunu f`kull stabbiliment il-ħin kollu u għalhekk wieħed jistenna li l-konsumaturi jagħmlu d-dmir tagħhom u jinsistu biex jingħataw l-irċevuta fiskali mingħand min jixtru.
Leg 9 PQ #4885 Sitting 76 1999-03-16 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tal-Finanzi

Taxxi Interni

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex id-Dipartiment tat-Taxxi Interni mhux jaċċetta separazzjoni bonarja għal finijiet tat-taxxa fuq id-dħul, fil-każ ta' separati fejn jiġu mitluba jagħtu prova tal-manteniment li jkunu qed iħallsu? Id-dipartiment qed jinsisti li jkun digriet tal-qorti li jafferma li veru qed jitħallas manteniment lill-parti l-oħra? Jista' l-Ministru jgħid jekk id-dipartiment hux jikkonsidra li jbiddel din il-policy? Jekk le, għaliex?

Response (DALLI, JOHN)

It-tnaqqis għal ħlas ta` manteniment f`każ ta` persuni separati għal skop tat-taxxa fuq l-income hu regolat bl-artikolu 14A ta` l-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income (Kap. 123) li jispeċifika li l-ammont, irid ikun determinat mill-Qrati ta` Malta u li l-ħlas isir skond din l-ordni. Għalhekk it-tnaqqis li jista` jsir għandu jkun konformi ma` dawn il-provvedimenti. Wieħed irid japprezza li t-tnaqqis li qed tipprovdi l-liġi skond il-provvedimenti eżistenti huwa sostanzjali ħafna għax jista` jkun ta` eluf ta` liri fis-sena, meta fil-passat kien kemm kien l-ammont ta` ħlas għall-manteniment, it-tnaqqis li seta` jsir ma kellu qatt jeċċedi l-Lm165 fis-sena f`termini ta` taxxa (jew bejn Lm470 u Lm1100 bħala manteniment skond ir-rata tat-taxxa ta` l-individwu). Għalkemm dejjem jista` jkun hemm lok għal tibdil u titjib hu dover ta` kull aministrazzjoni li tieħu l-miżuri u s-salvagwardji neċessarji kontra kull possibilita` ta` abbużi.
Leg 9 PQ #5390 Sitting 76 1999-03-16 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Ministeru tal-Finanzi — Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-konsulent, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, għadux iservi mal-Ministeru tal-Finanzi?

Response (DALLI, JOHN)

It-tweġiba hija fl-affermattiv.
Leg 9 PQ #5391 Sitting 76 1999-03-16 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

VAT/Income tax — Dħul

Question

Jista' l-Ministru jippublika il-figuri tad-dħul mill-VAT u mill-Income Tax għall-ewwel xahrejn ta' din is-sena? Id-dħul mill-income tax kif jipparaguna ma' dak ta' l-istess żmien tas-sena l-oħra?

Response (DALLI, JOHN)

Fl-ewwel xahrejn ta` din is-sena, id-dħul mill-VAT (taħt l-Att ta` 1998), kien ta` Lm7.99 miljuni li minnhom Lm7.5 miljuni daħlu bħala VAT fuq importazzjoni, mid-Dwana). Dan jista` jitqabbel ma Lm4.4 miljuni li kien daħal mill-istess għejjun fl-1998. Minn dan l-ammont, Lm1.6 miljuni tpoġġa fit-Treasury Clearance Fund bħala parti mir-riserva li minnha jridu jitħallsu ir-refunds fuq l-istocks. Ta` min jgħid li l-ewwel returns li juru d-dħul ta` tlett xhur ta` VAT jaslu fid-Dipartiment fil-15 ta` Mejju 1999. Rigward l-Income Tax, għall-istess perijodu fl-1998 u l-1999, id-dħul kien hekk: 1998 1999 Lm Lm PAYE 5.8m 6.4m Provisional Tax 2.0m 1.9m Settlement Tax (Arrears) 2.2m 1.4m Capital Gains Tax 0.8m 0.8m 15% Final Withholding Tax 2.1m 0.9m 12.9m 11.4m Ta` minn jinnota li miljun lira ta` Final Withholding Tax (15 fil-mija ta` l-imgħaxijiet fuq depożiti fil-banek), li soltu jidħol f`Jannar abbażi ta` Diċembru, din id-darba wasal għand il-Gvern u ġie kkuntjat f`Diċembru 1998.
Leg 9 PQ #5400 Sitting 76 1999-03-16 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Ħasil ta' flus

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar it-taħdidiet li Malta flimkien ma' Cayman Islands u Gibilita' qed ikollha dwar miżuri kontra l-ħasil ta' flus maħmuġin ma' l-U.N. Global Programme Against Money Laundering? Kien hemm żviluppi ma' OECD dwar l-istess suġġett?

Response (DALLI, JOHN)

Kif jidher f`artikolu fil-Financial Times tal-5 ta` Marzu 1999 il-U.N. Global programme Against Money Laundering nieda inizjattiva sabiex jistabbilixxi dawk iċ-ċentri finanzjari li huma kredibbli fil-ġlieda tagħhom kontra il-ħasil ta` flus. Permezz ta` kuntatti li l-Bank Ċentrali għandu f`din l-Organizzazzjoni qabel ma tnidiet din l-inizjattiva tkompli tissaħħaħ il-kredibilita` ta` Malta bħala ċentru finanzjarju, il-Bank qabel ma` din l-inizjattiva. Naturalment ix-xogħol f`dan ir-rigward jitlob il-parteċipazzjoni ko-ordinata ta` kwartieri oħra fil-qasam regolatorju u leġislattiv lokali. Għad ma kienx hemm aktar diskussjonijiet u l-ebda laqgħat. Din it-tip ta` parteċipazzjoni diġa rajniha fl-evalwazzjoni ta` Malta li għamel il-Kunsill ta` l-Ewropa f`Settembru li għadda dwar il-miżuri lokali kontra il-ħasil tal-flus. Fir-rigward ta` Cayman Islands u Ġibilta`, wieħed jassumi li dawn kellhom l-istess tip ta` diskussjonijiet mal-U.N. Ma kien hemm l-ebda diskussjonijiet simili ma` l-OECD.