Legislature:
Category:
Reset
Active:

Universita' — Mature students

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x'kien in-numru ta' mature students li daħlu l-Universita’ ta' Malta f'dawn l-aħħar tliet snin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' mature students li daħlu l-Universita' ta' Malta f'dawn l-aħħar tlett snin kien kif ġej: Sena Numru ta' Mature Students 2003/4 358 2004/5 381 2005/6 284

ETC — Vetturi

Question

Jista’ il-Ministru jgħid il-vetturi li jintużaw mill-ETC, skond it-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 15635, min jużahom? Wara li għola l-prezz tal-petrol u tad-diesel ittieħdu xi miżuri biex jitnaqqas l-użu ta' dawn il-vetturi? Jista’ jgħid ukoll jekk dawk li jsuqu dawn il-vetturi għandhomx il-fakulta` li jużawhom ukoll fi tmiem il-ġimgħa u fi btajjel pubbliċi?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasalx fl-uffiċju, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Kampanja kontra t-tipjip u l-alkoħol fl-iskejjel

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk jaqbilx li għandha ssir kampanja qawwija fost it-tfal ta’ l-iskejjel kollha, jiġifieri kemm ta’ l-Istat, dawk indipendenti u tal-knisja, kontra t-tipjip u l-alkaħol? Minbarra l-posters li jitqassmu, m'għandux ikun hemm laqgħat regolari kemm ma’ l-istudenti mill-iżgħar sa l-għola klassijiet kif ukoll mal-ġenituri biex jintwerew l-effetti ħżiena tat-tnejn? F'din is-sena skolastika, jista’ jgħid x' sar f'dan il-qasam fl-iskejjel ta' l-Istat? Intalbet xi għajnuna mill-iskejjel indipendenti u tal-knisja dwar it-tipjip u l-alkaħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Kampanja kontra kull vizzju dejjem hija mportanti, speċjalment fil-qasam edukattiv. Informat li l-lezzjonijiet regolari dwar it-tipjip u l-alkoħol isiru regolarment mill-għalliema tal-P.S.D. It-taqsima "Anti-Substance Abuse" fis-Safe Schools Programme, jagħmlu programmi regolari fl-iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisja u Indipendenti, fuq talba tal-Kapijiet ta' l-Iskola u/jew Guidance Teachers, dwar is-sustanzi u t-teħid tagħhom. Il-laqgħat huma sew għall-istudenti, għall-istaff kif ukoll għall-ġenituri. Barra minn hekk, isiru wkoll l-INT Seminars (Irrid Nagħżel Tajjeb) għal-Form IV's, li jdumu tlett ijiem. L-iskejjel jaħdmu qrib ma' SEDQA dwar il-prevenzjoni mhux biss dwar drogi imma wkoll dwar alkoħol u tipjip. Il-Guidance and Counsellors Services, permezz tal-Guidance Teachers u Councellors, jorganizzaw wkoll "referrals" fejn meħtieġ. Il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni fl-2001 ippublika ukoll proċeduri u politika dwar l-abbuż ta' sustanzi. Dan il-proċess japplika għal kull tip ta' skola, kemm ta' l-Istat kif ukoll tal-Knisja u Indipendenti.

Skola Giovanni Curmi

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-inventarju tal-furniture and equipment ta' kull dipartiment u l-lista ta' affarijiet li huma earmarked biex jitneħħew u eventwalment jintremew fl-iskola ogħla Giovanni Curmi?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qiegħed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Junior college

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-inventarju tal-furniture and equipment ta' kull dipartiment u l-lista ta' affarijiet li huma earmarked biex jitneħħew u eventwalment jintremew tal-junior college?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qiegħed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Edukazzjoni — Vetturi

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15634, jista’ il-Ministru jelenka min juża dawn il-vetturi fil-ministeru u fid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni? Jista' jgħid x'għamel u x'qed jagħmel biex jiġi mnaqqas il-kiri u l-użu tal-vetturi, speċjalment li f'din l-aħħar sena għola kemm–il darba l-prezz tal-petrol u tad-diesel? Il-vetturi jistgħu kollha jittieħdu minn dawk li jużawhom fi tmiem il-ġimgħa u fi btajjel pubbliċi?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Impjiegi barra l-pajjiż

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm Maltin li marru jaħdmu fil-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea minn Mejju 2004 u f'liema kategorija ta' impjieg? Jista' jgħid kemm kienu dawk il-barranin minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea li ngħataw permess biex jiġu jaħdmu f'pajjiżna u f'liema kategorija ta' impjieg?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qiegħed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Programm ERASMUS

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ studenti Maltin li qed jieħdu sehem fil-progrmm ERASMUS? F’liema pajjiżi? Kemm hemm studenti barranin li bħalissa qed jistudjaw f’Malta taħt l-istess programm?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti reġistrati ma' l-Universita' ta' Malta li matul dan is-semestru qed jieħdu sehem fil-programm Erasmus huwa 89. Dawn qed jistudjaw Universitajiet : l-Italja, l-Ingilterra, l-Irlanda, Franza, il-Ġermanja, il-Belġju, Spanja, id-Danimarka u l-Finlandja. Informat ukoll li n-numru ta' studenti barranin li bħalissa qed jistudjaw fl-Universita' ta' Malta permezz tal-programm Erasmus huwa 187.

Studenti barranin ta' l-Ingliż

Question

Jista’ il-Ministru jgħid fl-ewwel disa' xhur ta’din is-sena kemm–il student barrani ġie f’pajjiżna biex jitgħallem l-Ingliż? Minn liema pajjiżi l-aktar li ġew?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-ewwel disa' xhur ta' din is-sena 2005, f'Malta u Għawdex ġew 51,689 student barrani sabiex jitgħallem l-Ingliż bħala Lingwa Barranija. L-aktar li ġew studenti mill-Ġermanja, Franza, Awsrija, Svizzera, Spanja u Ċina.

Studenti barranin

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm hemm studenti barranin li qed jattendu skejjel f’Malta? Jista’ jgħid kemm, separatament, imorru fl-iskejjel ta' l-Istat, tal-knisja u dawk indipendenti? Ta’ liema nazzjonalita` huma?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti barranin li jattendu fi skejjel statali huwa 422. Informat li n-numru ta' studenti barranin li jattendu fl-iskejjel tal-Knisja huwa ta' 25 u f'dawk Indipendenti huwa ta' 456. Tagħrif dwar mill-liema nazzjonalita' ġejjin ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MCAST

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu r-rwol tal-persuna li dettalji dwarha qed jingħataw separatament, fil-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija, filwaqt li jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-contract of servicetiegħu? Jista' jgħid fejn wasal il-proċess biex jinħatar administration manager fil-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija, x'wassal biex tali nomenklatura tiġi maħluqa fil-faxxa amministrattiva ta' l-istess kulleġġ u li jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt marbut ma' din il-ħatra?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-persuna msemmija jkopri l-kariga ta' Direttur Amministrattiv fl-MCAST. F'dawn l-aħħar xhur kien qed jaħdem ukoll fuq it-twaqqif tal-Kunsill Malti tal-Kwalifiki. Ma jidhirlix li għandi ndaħħal il-prattika li npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kuntratti ta' servizz ta' persuni li jagħtu servizz lil MCAST. Il-proċess biex jinħatar Manager Amministrattiv qiegħed fil-viċin biex jiġi konkluż.

Seminar ta' l-ECML fi Graz

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ma ġiex magħżul biex jattendi seminar tal-ECML fi Graz f'Marzu tas-sena d-dieħla, meta jien informat li hi kienet l-aktar bniedem ikkwalifikat akkademikament u professjonalment kif ukoll l-aktar wieħed bl-esperjenza fost it-tliet persuni li ġew intervistati mill-interviewing board ta' l-Education Division? Xi kwalifiki kellha biex tagħmel din l-għażla l-persuna responsabbli mis-selection board? Dawn kienu superjuri għal dawk ta' l-applikant?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-persuna imsemmija diġa attendiet workshops oħra ta' dan it-tip u l-policy tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tinkludi l-element li toffri opportunitajiet simili lil min ma jkunx attenda korsijiet oħra.

ETC — Courses ta' taħriġ

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' courses ta' taħriġ li l-ETC qed torganizza u toffri fil-preżent?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' korsijiet ta' tahrig li l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ qed torganizza u toffri fil-prezent hu ta' 131.

Pixxina nazzjonali

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-pixxina nazzjonali tingħalaq għal xi żmien fil-ġimgħat li ġejjin biex isir xi xogħol ta’ kostruzzjoni u/jew manutenzjoni? Jista’ jgħid liema hu dan ix-xogħol? Minn min se jsir u kemm se jiġi jiswa? Kemm ser iddum magħluqa l-pixxina?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-perjodu ta' Jannar u Marzu 2006 għandu jitkompla x-xogħol ta' manutenzjoni fil-Kumpless. Informat ukoll li x-xogħol ser jikkonsisti f' :- a) Xogħol fuq il-pilastri - Lm18,217.27 b) Xogħol fuq il-ħajt ta' taħt il-parking area ċ) Xogħol fuq il-Fitness Centre d) Xogħol fuq l-apparat tal-Plant Room - stmat Lm20,000 Qed jinkitbu t-tenders fuq b) u ċ) filwaqt li qed isir evalwazzjoni fuq l-ewwel parti ta' d).

Pixxina nazzjonali

Question

Jista’ il-Ministru jgħid s’issa matul din is-sena, sa l-aħħar ta’ Ottubru, kemm intnefqu flus fuq fuel biex tissaħħan il-pixxina nazzjonali? Kemm minn din is-somma diġa` tħallset? X’tip ta’ fuel qed jintuża? Min qed jissupplixxi l-fuel? Taħt liema ftehim?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-KMS nefaq is-somma ta' Lm 55998.04 f'diesel biex tisssaħħan il-Pixxina Nazzjonali fl-ewwel għaxar xhur ta' din is-sena. Wieħed irid isemmi illi l-Pixxina Nazzjonali kienet għaddejja bi program ta' manutenzjoni fix-xhur Jannar - Marzu u b'hekk ma kienetx qed tkun imsaħħna. Informat ukoll li x-xiri tal-fuel kien mingħand EneMalta Corporation - Lm 35255.04 sakemm ħareg tender li ġie mirbuh minn Cassar Fuels Suppliers (Lm 20743).

Ħal-Lija — Residenza ta' l-universita'

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm tħallas l-universita` biex tikri r-residenza ta' l-universita’ f’Hal-Lija? Meta sar l-ewwel kuntratt u meta ġie ffirmat l-aħħar wieħed u meta jintemm? L-istudenti, lecturers u forsi persuni oħra li joqogħdu hemm, kemm iħallsu fil-ġimgħa? L-universita` għandha xi bini ieħor fejn jinżammu l-istudenti li jkunu qed jattendu xi kors fl-universita` jew xi kors ta' l-Ingliż fl-International School? Kemm tħallas għal dan?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

International School ta' l-Universita'

Question

Jista’ il-Ministru jgħid min imexxi l-International School ta' l-Universita’ bħala direttur ta' l-istudji? Din hija pożizzjoni permanenti? Kemm jitħallas min għandu dan l-inkarigu? Minbarra t-tagħlim tal-lingwa Ingliża jsiru korsijiet oħra f’din l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Direttur tal-istudji tal-International School of English huwa Dr.Charles Mifsud Ph.D.(Lond.) li jinħatar minn sena għal sena b'onorarju ta' Lm1,000. Minbarra t-tagħlim ta' l-Ingliż, l-International School of English tagħti tagħlim fil-Malti għall-barranin, fl-Għarbi, fit-Taljan u fl-Ispanjol.