Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #31364 Sitting 695 2002-02-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Geoloġija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk qiegħed jaħseb biex jintroduċi il-Geoloġija ma' s-suġġetti xjentifiċi mgħalma fl-Universita' ta' Malta biex b'hekk ikun hemm diversifikazzjoni ta' ħiliet li jinkludu l-Inġenerija Ġeoloġika u l-Mineraloġija u l-applikazzjoni ta' dawn fit-tiftiex ta' riżorsi minerali, kwalita' ta' l-art u ċediment?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kull suġġett, u żgur mhux anqas il-Ġeoloġija, l-Inġenerija Ġeoloġika u l-Mineraloġija, huma importanti kif ukoll mhux eskluż li l-pajjiż jista' jkollu bżonn ta' esperti f'dan il-qasam. Iżda qabel l-Universita` ma' tiddeċiedi li ddaħħal suġġett ġdid ma' dawk offruti, trid tqis x'riżorsi umani huma meħtieġa u l-prioritajiet.
Leg 9 PQ #31365 Sitting 695 2002-02-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Faċċata ta' Casino Venezia

Question

Peress illi fir-restawr tal-faċċata ta' Casino Venezia u xogħol ieħor intużat ġebla ta' kwalita' inferjuri min dik oriġinali, il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u ċ-Ċentru Malti għar-Restawr qegħdin jaħsbu biex jużaw is-servizzi ta' espert geoloġista speċjalizzat fil-ġebla lokali biex ma jkunx hemm repetizzjoni ta' użu ta' ġebla inferjuri u biex jgħin fir-restawr u fit-taħriġ ta' restawraturi kif wkoll jagħtu kontribut fir-restawr ta' siti arkeoloġiċi fejn sar ħsara fil-ġebla?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ingaġġ ta' servizzi speċjalizzati bħal dawk imsemmija mill-Onor. Membru qed jiġi konsidrat soġġett għall-prioritajiet u r-riżorsi finanzjarji meħtieġa.
Leg 9 PQ #31385 Sitting 695 2002-02-11 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Ġonna tal-Argotti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet qed isiru mill-Universita' fil-ġonna tal-Argotti l-Floriana? Kemm swew jew huma stamti li jiswew?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħlijiet li qed isiru huma relatati ma' restawr biex jissewwew ħsarat li tħallew jakkumulaw tul iż-żmien. Fost ix-xogħlijiet li saru s'issa hemm tibjid ta' pilastri, tibdil ta' gates tal-ħadid u bibien imkissra, tibdil ta' tankijiet tal-konkrit b'ġebla maltija, tiswijiet estensivi ta' serrer ta' l-injam, tiswijiet ta' gastri antiki tal-ġebel, eċċ. Ma' dan ix-xogħol wieħed irid iżid it-tindif tal-kantina taħt il-Villa ta' de Argote, twaqqih ta' żebgħa u konkos biex tinkixef il-ġebla biex ikun hemm post fil-villa fejn jistgħu jintlaqgħu n-nies u jsiru xi esebizzjonijiet (Visitor's centre). Barra hekk, xogħol fuq it-tkabbar tal-kollezzjoni, katalogar u labelling. Dak kollu biex l-argotti jerġa' jieħu d-dinjita` li kellu fil-passat meta kien taħt l-Universita` u li jistħoqlu ġawhra ta' post bħal dan. Il-budget kollu tas-sezzjoni ġonna (gardens unit) huwa maqsum fuq tlett ġonna: l-Universita`, l-Argotti u l-Junior College. Fuq l-Argotti jintefqu madwar terz ta' dan il-budget li ma jeċċediex l-Lm10,000 globalment.
Leg 9 PQ #31410 Sitting 695 2002-02-11 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Bandli tal-Plastic

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li jsiru xi forma ta' bandli tal-plastic għat-tfal ż-żgħar f'parti mill-bitħa l-kbira tal-iskola primarja tal-Marsa ta' l-istat? Jista' jsir sforz mal-genituri li jiġbru xi flus bejniethom mill-awtoritajiet tal-iskola peress li hemm ġenituri li lesti jikkontribwixxu huma għal dan l-iskop?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-apparat imsemmi fil-mistoqsija diġa` jeżisti f'din l-iskola. Jinżamm ġo Games Room u jinħareġ waqt il-ħin ta' l-iskola meta jkun hemm it-tfal. Dan jiddaħħal ġewwa wara nofsinhar minħabba li meta kien jitħalla barra kien isofri ħsara. Jekk ikun hemm il-ħtieġa ta' xi apparat bħal dan, f'dan l-istadju jinxtara mill-fondi ta' l-iskola.
Leg 9 PQ #31411 Sitting 695 2002-02-11 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġi allokat għalliem tal-Maths fl-iskola sekondarja Profs Lorenzo Manche l-Furjana għall-Forms 4 u 5, peress illi dak li kien hemm ġie trasferit għal-Għawdex u qed tiġi kkawżata tbatija evitabbli għall-istudenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li qed isiru l-kuntatti kollha meħtieġa biex jintbagħat għalliem tal-matematika fl-iskola msemmija.
Leg 9 PQ #31459 Sitting 695 2002-02-11 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti mill-Kottonera fl-Universita' ta' Malta fl-1987, u kemm hemm din is-sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li mhuwiex possibli li tingħata l-informazzjoni mitluba għas-sena 1987 peress li f'dak iż-żmien l-informazzjoni ma kinetx kompjuterizzata. L-ewwel sena li jeżisti rekord kompjuterizzat hi s-sena 1991 u f'dik is-sena jirriżulta li kien hemm ħdax-il student minn Bormla, ħdax mill-Birgu u tmienja mill-Isla. Din is-sena, hemm erbgħin minn Bormla, ħamsa u tletin mill-Birgu u tlieta u għoxrin mill-Isla. Nirreferi wkoll għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 25011 imwieġba fl-1991 li minnha jirriżulat li bejn l-1980 u l-1990 iggradwaw b'kollox 33 minn Bormla, 8 mill-Birgu u 10 mill-Isla.
Leg 9 PQ #31297 Sitting 694 2002-02-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Program Leonardo

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-oqsma li se jingħataw priorita fis-sena 2002 fil-programm Leonardo kemm fil-qasam ta' l-istudenti kif wkoll ta' għalliema u trainers? Kif ġew stabbiliti dawn il-prijoritajiet u kif jidħlu fil-qafas ta' dak li hu meqjus li għandu bżonn il-pajjiż fl-iżvilupp tar-riżorsi umani tiegħu fis-snin li ġejjin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-oqsma li ser jingħataw prijorita` fis-sena 2002 huma: Teknoloġija u Informatika Enerġija Alternattiva Studji ta' restawr u rijabilitazzjoni Is-settur tat-turiżmu u ospitalita` Tagħlim tal-lingwi barranin Servizzi tas-saħħa Użu innovattiv fil-produzzjoni agrikola Akwakultura Servizzi Finanzjarji Inġinerija (Precision Tool Engineering) Impjiegi speċjalizzati fis-settur tal-kostruzzjoni Informat ukoll li l-prioritajiet ġew deċiżi bejn il-membri li jirrappreżentaw id-diversi interessi ta' l-imsieħba soċjali, edukazzjoni u xogħol, li jiffurmaw il-kumitat tat-tmexxija tal-Leonardo da Vinċi. Il-membri msemmija raw il-ħtiġijiet tas-settur li jirrappreżentaw. Dawn il-ħtiġijiet ġew diskussi fil-kumitat u saru l-prijoritajiet nazzjonali.
Leg 9 PQ #31275 Sitting 693 2002-02-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

MCAST

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2002 kemm hu maħsub li se jkun hemm studenti mill-istituti tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija li se jieħdu sehem fil-programm Leonardo?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għas-sena 2002 154 persuna talbet li tieħu sehem fil-programm Leonardo maqsumin kif ġej: a) studenti - 48 b) trainers - 94 c) ħaddiema - 112 Mill-MCAST kien hemm 4 applikazzjonijiet minn trainers biex jieħdu sehem fil-programm, filwaqt li qed isir xogħol biex numru ta' studenti mill-MCAST jieħdu sehem fi proġetti li qed jitfasslu din is-sena u ser jitwettqu fl-2003. Rappreżentant ta' kull Istitut ta' l-MCAST fl-aħħar tas-sena 2001 marru f'Toulon, Franza, propju biex jiġu stabbiliti l-kuntatti f'dan il-qasam. L-istudenti li ser jieħdu sehem din is-sena ġejjin minn dawn l-iskejjel:- Giovanni Curmi Higher Secondary School Kulleġġ tal-Biedja Institute for Health Care Salvatore Demech Mother Theresa College School of Hairdressing.
Leg 9 PQ #31276 Sitting 693 2002-02-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Programm Leonardo

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħadu sehem għalliema u trainers a) Maltin u b) Għawdxin fis-sena 2000 u 2001 fil-programm Leonardo? F'kull każ f'liema qasam marru?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għalliema u trainers Maltin u Għawdxin li ħadu sehem fil-programm Leonardo da Vinci huma kif se nsemmi: Malta 30 trainers ETC 20 trainers Malta Tourism Authority 6 trainers Mother Teresa College 2 trainers Emvin Cremona Art and Design 3 trainers Mikelanġ Sapiano 1 trainer Fellenberg 5 trainers Umberto Calosso Għawdex 3 trainers Mikelanġ Refalo Il-Maltin u l-Għawdxin marru għal taħriġ relatat max-xogħol tagħhom.
Leg 9 PQ #31277 Sitting 693 2002-02-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Programm Leonardo

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'fondi ntefqu fuq il-programm Leonardo fis-sena 2000, 2001? Minn dawn il-fondi kemm f'kull sena 1) kienu ġejjin mill-UE? 2) kienu ġejjin minn fondi pubbliċi lokali?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-fondi li ntużaw fil-programm Leonardo da Vinci fis-sena 2000 u 2001 kienu: Is-sena 2000 Il-kontribuzzjoni totali ta' Malta għal parteċipazzjoni fil-programm kienet ta' 441 000 Euro. Peress li l-Financing Memorandum li jirregola l-Fondi tal-Pre-adesjoni ġie ffirmat f'April 2001, il-Gvern Malti ħallas il-fondi meħtieġa biex l-opportunitajiet tal-Programm Leonardo u oħrajn ma jintilfux. Minn dawn intużaw 207 254 Euro għal proġetti tal-Mobilita` 40 598 Euro għall-amministrazzjoni Is-sena 2001 Il-kontribuzzjoni totali ta' Malta għal parteċipazzjoni kienet ta' 153 000 Euro. Il-kontribuzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea kienet ta' 300 000 Euro. Minn dawn intużaw 228 740 Euro għal proġetti ta' Mobilita`. L-ammont li ntuża għall-amministrazzjoni qegħdin jiġu awditjati u ċċertifikati Barra minn dawn, l-Unjoni Ewropea ikkontribwiet 334 863 Euro għal proġett pilota.
Leg 9 PQ #31264 Sitting 692 2002-02-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

PBS

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'hiex waslet l-investigazzjoni dwar allegati abbużi fit-taqsima ta' reklamar fil-PBS? Min qed imexxi l-investigazzjoni? X'xogħol fadal isir biex l-investigazzjoni tintemm?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li Bord ta' Inkjesta imwaqqaf apposta biex jinvestiga l-allegazzjonijiet dwar irregolaritajiet fid-Dipartiment tas-Sales & Marketing tal-PBS, huwa mmexxi minn Major F.X. Naudi FIA, CPAA u għandu bħala membri lis-Sinjuri Tonio Portughese u Lawrence Coleiro. Il-Bord eżamina d-dokumenti relatati mal-każ u ntervista lill-membri tal-Management u staff li setgħu jagħtu tagħrif dwar il-proċess involut, dwar l-allegazzjonijiet magħmula u dwar punti li kienu ħarġu mill-investigazzjoni preliminari. Minn informazzjoni li għandu l-Bord tad-Diretturi jidher li dak li għad fadal li jsir huwa li l-membri jiddeliberaw fuq ix-xhieda mogħtija mid-diversi persuni li dehru quddiem il-Bord u li jitħejja r-rapport.
Leg 9 PQ #31265 Sitting 692 2002-02-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

PBS

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-PBS ħaditx xi passi dwar akkużi serji li għamel ġurnalist tal-PBS f'Settembru 1999 fin-New Centre fi G'Manġia fil-konfront tal-kuntrat li l-PBS iffirmat mal-Where's Everybody?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-allegazzjonijiet imsemmija kienu ġew formalment irtirati bla ebda riserva mill-persuna stess li għamlithom.
Leg 9 PQ #31266 Sitting 692 2002-02-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ċentru tar-Restawr

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'nefqa saret dan l-aħħar miċ-Ċentru tar-Restawr biex jinxtraw pożati għall-ikel għal xi pranzu speċjali? Xi nxtara? Kemm intefaq?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ċ-Ċentru Malti għar-Restawr ma xtara ebda pożati għal xi pranzu speċjali. Peress li n-numru ta' nies - studenti, għalliema u ħaddiema - li jiffrekwentaw il-'canteen' taċ-Ċentru kuljum issa qabeż il-mija u ħamsin (150) kien hemm il-ħtieġa li jinxtraw biżżejjed pożati, platti, u cutlery oħra biex il-canteen ikun jista' jservi lil kulħadd. Informat li l-ispiża kienet Lm2282.64.
Leg 9 PQ #31203 Sitting 691 2002-02-05 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-ismijiet tal-konsulenti indikati f'PQ 31026 u cioe Jista' l-Ministru jgħid liema huma il-konsulenti mhux legali mal-Ministeru tiegħek?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Konsulent part-time mal-Ministeru huwa s-Sur Richard Muscat, filwaqt li l-konsulenti mas-Segretarjat Parlamentari huma s-Sur Paul Buhagiar - full time, u s-Sur Frans Catania - part-time.
Leg 9 PQ #31235 Sitting 691 2002-02-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kulleġġ tal-Biedja

Question

Jista` l-Ministru jgħid matul din is-sena skolastika s`issa kemm il darba kien hemm żbroff ta`drenaġġ madwar il-kuleġġ tal-biedja? X`kienu r-raġunijiet f`kull każ? X`passi ser jittiehdu biex jekk jista` jkun ma jkunx hemm ripetizzjoni ta` dan l-iżbroff?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul din is-sena skolastika d-drenaġġ li jgħaddi mill-Kulleġġ tal-Biedja żbroffa tlett darbiet. L-ewwel darba żbroffa wara ħafna xita. Ħaddiema tad-Diviżjoni għamlu passaġġ għall-'storm water' biex dan ma jfawwarx id-drenaġġ. It-tieni u t-tielet darba d-drenaġġ żbroffa għax instadd. Din il-problema nqalet kemm ilu li nbnew ħafna djar ġodda 'l fuq mill-iskola. Is-sezzjoni ta' drenaġġ tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed tistħarreġ x'rimedji possibbli jista' jkun hemm.
Leg 9 PQ #31239 Sitting 691 2002-02-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

MCAST

Question

Jista' l-Ministru jgħid x`passi se jittieħdu biex dawk li jgħallmu fl-MCAST ikollhom ir-riżorsi meħtieġa biex jedukaw lill-istudenti? X`mod għandu kull istitut tal-MCAST għar-riżorsi edukattivi għad-diżpożizzjoni tal-lectures? Tista` tagħti ċ-ċifra, istitut, istitut?

Response (GALEA, LOUIS)

Fl-Estimi għal din is-sena l-Gvern ivvota żewġ miljun lira u nofs għall-MCAST. Dawn huma kollha riżorsi dedikati għall-edukazzjoni u t-taħriġ ta' l-istudenti li għandhu l-MCAST s'issa. Filwaqt li sistema ta' tmexxija deċentralizzata ta' l-Istituti ta' l-MCAST għad trid tiġi finalizzata, il-Bord tal-Gvernaturi alloka Lm95,000 bħala nefqa rikorrenti għad-dispożizzjoni ta' l-Istituti. Qed isiru laqgħat mad-Diretturi ta' l-Istituti biex din iċ-ċifra tiġa allokata Istitut b'Istitut.
Leg 9 PQ #31241 Sitting 691 2002-02-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

MCAST

Question

Jista' l-Ministru jgħid x`inhuma r-raġunijiet li għalihom fl-istituti tal-MCAST l-istudenti se jagħmlu wkoll testijiet formali ta`nofs is-sena u annwali u b`hekk qed jiġi ffalsifikat il-proċess edukattiv vokazzjonali mibni fuq assignments mattiċi skond sillabi tal-Edexcel b`sistema ta` continous assessment?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kunsill ta' l-Istituti fi ħdan l-MCAST, magħmul fost oħrajn mill-Prinċipal tal-Kulleġġ u d-Diretturi ta' l-Istituti, iddeċidew li, indipendentament mit-tip ta' programm ta' studji / taħriġ li l-istudenti fil-Kulleġġ qed isegwu (e.g. City and Guilds, EDEXEL, MATSEC, MCAST), jorganizzaw Progress Week f'nofs is-sena bl-iskop li l-istudenti kollha jkollhom l-opportunita` jevalwaw il-progress li qed jagħmlu fl-istudju / taħriġ tagħhom. B'hekk il-Kulleġġ ikun jista' jwettaq 'monitoring' u jifhem aħjar x'għajnuna jista' jkollhom bżonn studenti partikolari. Kull Istitut jiddeċiedi hu l-aħjar forma ta' assessment li tkun tgħodd għax-xorta ta' studju / taħriġ li l-istudenti jkunu qed isegwu. M'hemm ebda ingredjent ta' selezzjoni f'dan l-eżerċizzju. Il-continuous assessment għal korsijiet ta' EDEXEL b'ebda mod ma jeskludu din il-forma ta' assessment tal-progress li l-istudenti jkunu qed jagħmlu. Ġejt assigurat li l-assessment li ser isir tul il-Progress Week b'ebda mod ma jiffalsifika l-proċess li jwassal għat-twettiq tal-programmi ta' l-EDEXEL.
Leg 9 PQ #30550 Sitting 690 2002-02-04 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Studenti FormIV

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar ta' din is-sena skolastika kemm huwa stmata li se jispiċċaw studenti mill-iksola għaliex jkunu temmew Form IV tas-sekondarja? Kemm minnhom jattendu skejjel tal-Istat? Kemm mit-total huma subien u kemm bniet?

Response (GALEA, LOUIS)

Ebda tifel jewl tifla ma jispiċċaw mill-iskola għaliex ikunu temmew Form IV ta' Skola Sekondarja. F'xi każi fejn studenti jagħlqu sittax-il sena waqt li qed jattendu Form IV (każi rari li jissuċċiedu aktarx minħabba repetizzjoni ta' darba jew aktar fil-karriera skolastika), l-istudenti għandhom id-dritt li jgħażlu li joħorġu mill-iskola.
Leg 9 PQ #30555 Sitting 690 2002-02-04 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Assistenti Diretturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid bħalissa hemm vakanzi fil-grad ta' assistent direttur tal-edukazzjoni? Jekk iva, f'liema taqsima? Kemm se jirtiraw assistenti diretturi sal-aħħar ta' din is-sena skolastika? F'liema taqsimiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hemm erba' vakanzi fil-grad ta' Assistent Direttur ta' l-Edukazzjoni. Is-sejħa għall-mili ta' l-erba' postijiet imsemmija ġiet ippublikata nhar it-18 ta' Diċembru 2001 u għalqet nhar it-18 ta' Jannar 2002. Il-postijiet konċernati huma dawn: Assistent Direttur (Skejjel Non-Statali) Assistent Direttur (Żvilupp Kurrikulari) Assistent Direttur (Edukazzjoni Inklussiva) Assistent Direttur (Żvilupp Infrastrutturali).