Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi żviluppi ġodda għal dak li jikkonċerna l-iżvilupp ta’ bajja bir-ramel fix-Xemxija, San Pawl il-Baħar? Xi studji saru s’issa, u x’inhuma l-indikazzjonijiet dwar il-possibilità li l-istess xogħol isir? Fil-każ meta hu mistenni li jinbeda?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu ilha għal dawn l-aħħar snin taħdem fuq studji sabiex aċċertat jekk proġett ta’ replenishment tar-ramel fix-Xemxija huwiex possibli li jsir mingħajr problemi. S’issa ġew konklużi studji ta’ mmudellar matematiku tal-bajja, studju fuq l-impatt tat-traffiku, studju ġeo-ambjentali, studju fuq il-benthos (ħajja taħt il-baħar), studju fuq il-popolazzjoni u studji fuq il-kontenut ta’ kimici tossiċi fis-sub-strata tar-ramel eżistenti.
Bħalissa, il-perit tal-proġett qed jiffinalizza d-disinji sabiex ikunu jistgħu jiġu sottomessi lill- MEPA u għaldaqstant ikun jista’ jagħlaq l-istudji ta’ Impatt Ambjentali.
Id- diffikulta’ ta’ dan il-proġett hija aktar fuq l-art milli minn ġewwa l-baħar speċjalment minħabba l-ammont ta’ traffiku u parkeġġ fiż-żona. L-indikazzjonijiet ta’ meta ser jinbeda dan il-proġett ikunu jistgħu jingħataw meta jkunu lesti dawn il-proċessi.
Jista’ l-Ministru jgħid x’remunerazzjoni, inklużi l-perkaċċi kollha, għandha l-persuna li tokkupa l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt għar-rigward tal-istess persuna? Jista’ jinforma lill-Kamra jekk kienx hemm sejħa għall-kariga li tokkupa din il-persuna?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-Sur Paul Bugeja inħatar Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu mingħajr sejħa għall-kariġa. Il-pakkett finanzjarju tiegħu huwa bejn wieħed u ieħor l-istess bħal dak ta’ qablu li kien ġie maħtur mill-Amministrazzjoni preċedenti. Kwalunkwe informazzjoni oħra hija meqjusa bħala waħda ta’ natura kunfidenzjali.
Malta Film Commission – Kap Eżekuttiv/Film Commissioner – remunerazzjoni u perkaċċi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’remunerazzjoni, inklużi l-perkaċċi kollha, għandha l-persuna li tokkupa l-kariga ta’ Film Commissioner/Kap Eżekuttiv tal-Malta Film Commission? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt għar-rigward tal-istess persuna? Jista’ jinforma lill-Kamra jekk kienx hemm sejħa għall-kariga li tokkupa din il-persuna?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-pakkett tas-Sur Engelbert Grech, li huwa l-Kummissarju tal-Films presenti huwa ba¿ikament l-istess bħal dak li kellu Peter Busuttil li kien il-Kumissarju maħtur mill-amministrazzjoni preċedenti. L-uniku differenza hija li bix-xogħol imwettaq minn Peter Busuttil u li ħalla l-frott fis-sena 2013, kien hemm is-somma ta’ EUR5,000,000 injettati direttament fl-ekonomija ta’ pajji¿na, filwaqt li fis-sena 2014 is-somma ¿diedet għal EUR29,000,000. Għall-industrija tal-films għas-sena 2015 – il-kbir għadu ġej. Ma kien hemm l-ebda sejħa għal din il-kariga u aktar dettalji dwar il-kuntratt tiegħu huma kummerċjalment sensittivi.
Air Malta – Kap Eżekuttiv – remunerazzjoni u perkaċċi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’remunerazzjoni, inklużi l-perkaċċi kollha, għandha l-persuna li tokkupa l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Air Malta? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt għar-rigward tal-istess persuna? Jista’ jinforma lill-Kamra jekk kienx hemm sejħa għall-kariga li tokkupa din il-persuna?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Illi ninsab ferm sorpiż b’tali mistoqsija parlamentari meta dan kollu kien ġja’ fid-dominju pubbliku u ġie rrapportat fil-gazzetti fis-sena 2014. Madanakollu, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kap Eżekuttiv attwali tal-Air Malta għandu pakkett li jiġi madwar kwart dak li jaqla’ Peter Davies li kien ġie maħtur mill-amministrazzjoni preċedenti li fiha l-Interpellant kien Segretarju Parlamentari u sussegwentement Ministru. Peter Davies, fost oħrajn, ġie ingaġġjat mill-Amministrazzjoni preċedenti għall-perjodu ta’ tlett snin meta kien hemm proċess ta’ ristrutturar ta’ ħames snin li suppost Davies kellu jieħu ħsieb, iżda minflok għazel li jitlaq wara tlett snin.
ITS – Kap Eżekuttiv/Executive Director – Remunerazzjoni u perkaċċi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’remunerazzjoni, inklużi l-perkaċċi kollha, għandha l-persuna li tokkupa l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv /Executive Director tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS)? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt għar-rigward tal-istess persuna? Jista’ jinforma lill-Kamra jekk kienx hemm sejħa għall-kariga li tokkupa din il-persuna?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-remunerazzjoni, inklużi l-perkaċċi kollha li għandha l-persuna li tokkupa l-kariga ta’ Executive Director tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS), huwa bażikament l-istess bħal min kien jokkupa l-istess kariga fl’amministrazzjoni preċedenti. Ir-remunerazzjoni hi ekwivalenti għal skala 3 taċ-ċivil. Ma dawn, jirċievi bonuses stabbiliti ta’ nofs u l-aħħar tas-sena u dak supplimentari, kif ukoll performance bonus sa’ 10% tas-salarju bażiku.
Għal din il-kariga ta’
Executive Director
tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi, kienet saret sejħa b’avviż fil-Gazzetti
Sunday Times
, il-Mument u t-Torċa fl-10 t’Awwissu 2014 u fil-Gazzetta tal-Gvern fit-12 t’Awwissu 2014.
Bajja San Ġorġ u Buġibba — sorsi tar-ramel impurtat
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kien is-sors li minnu ġie impurtat ir-ramel li qed jintuża għar-riplenishment tal-bajjiet ta' San Ġorġ u Buġibba rispettivament? Kemm kien l-ammont ta' ramel li ntuża f'kull waħda minn dawn il-bajjiet? X'wassal biex ir-ramel jasal tard iktar milli kien mistenni?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-ramel għaż-żewg bajjiet ġie mpurtat mill-istess sors ta’ ramel li nġieb fl-2004, fl-2006 u fl-2007, jiġifieri mill-Ġordan. Dan minħabba l-fatt illi l-materjal irid ikollu l-istess karatteristiċi. B’kollox inġabu 5,300 tunnellata ramel maqsum bejn 3,500 tunnellata għal bajja ta’ San Ġorg u l-kumplament ta’ 1,800 tunnellata għal bajja ta’ Buġibba.
Minħabba raġunijiet loġistici fil-port tal-oriġini, il-vapur telaq mill-port ta’ Aqaba fil-Ġordan, jumejn iktar tard milli kien pjanat u b’hekk il-vapur wasal jumejn tard Malta. Dan ġara wkoll
del resto
fis-sena 2007 fejn minflok ir-ramel ġie f’Mejju ġie fix-xahar ta’ Lulju.
Minħabba li l-vapur wasal Malta il-Ġimgħa filgħodu, l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu ħadet id-deċizjoni li sabiex ma jkunx kemm inkonvenjent fil-
weekend
f’Buġibba, ix-xogħol jibda’ mill-ewwel it-Tnejn ġewwa San Ġorg, kif kien pjanat, u mbagħad jitkompla ġewwa Buġibba l-Hamis u l-Ġimgħa. Ix-xogħol baqa’ sejjer anke tul il-lejl u għaldaqstant kien lest f’ħamest ijiem.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk wasallux ir-rapport tal-investigazzjoni li saret dwar allegazzjonijiet dwar l-ex direttur eżekuttiv tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jekk iva, jista’ jpoġġi kopja ta’ dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-rapport tal-Internal Audit and Investigations Department (IAID) ġie konkluż, liema rapport li għalkemm il-Ministeru xtaq li jiġi ppubblikat, ma jistax iwettaq dan a kawza ta’ projbizzjoni legali.
L-ex Direttur Eżekuttiv irriżenja b’mod definittiv mill-kariga li kellu fi ħdan l-Istitut għall-Istudji Turistiċi, liema riżenja ġiet aċċettata minnufih mill-Ministru għat-Turiżmu.
Ir-rapport isemmi nuqqasijiet fl-ITS ta’ checks and balances li kienu ilhom hemm għal snin sħaħ u li fuq direzzjoni diretta tal-Ministru, il-management il-ġdid tal- Istitut qed jindirizza minnufih.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni dwar ix-xogħol li sar f’garaxxijiet f’area magħrufa bħala Martin Luther King fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi u jqassamha kif ġej (fl-aħħar sentejn minn meta qed issir din il-mistoqsija):
(a) Kategorija (tip) ta’ xogħol li sar;
(b) Kemm swiet kull kategorija (tip) ta’ xogħol;
(c) Min għamel ix-xogħol; u
(d) Fil-każ ta’ kull xogħol jgħid jekk intgħażilx permezz ta’
qoutation
,
tender
jew
direct order
?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn qed jintużaw il-garaxxijiet fl-area magħrufa bħala Martin Luther King fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa, il-garaxxijiet fl-area magħrufa bħala Martin Luther King fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi, m’hux qiegħdin attwalment jintużaw u dan għaliex ma xtaqniex infixklu l-iskola fin-nofs ta’ sena skolastika b’ċaqlieq ta’ uffiċini. Il-garaxxijiet iżda, ser ikunu assenjati u użati mis-sena skolastika li ġejja.
B’referenza għall-ingaġġ ta’ purchasing manager fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi, jista’ l-Ministru jgħid min ġie magħżul f’din il-kariga? X’kienu l-kwalifiki ta’ din il-persuna?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna magħżula bħala Purchasing Officer Food and Beverage huwa s-Sur Victor Zarb illi għandu Diploma f’Food Preparation and Production (Level 4) mill-Istitut għall-Istudji Turistiċi. Is-Sur Zarb għandu wkoll esperjenza vasta fis-settur privat f’diversi lukandi ta’ ħames stilel.
Ninforma lill-Interpellant illi l-persuna magħżula kienet mibgħuta mill-ETC flimkien ma' tlett persuni oħra wara li l-ETC stħarrġet fuq dawk kollha li kienu fuq reġistri 1, 2 u 3 u li kellhom il-kriterji mitluba għall-pożizzjoni vakanti. Mill-erba’ persuni li applikaw, persuna m’attendietx għall-interview filwaqt illi oħra m’għaddietx. Il-persuna li ntagħżlet kienet dik illi ġabet il-massimu tal-punti miż-żewġ persuni illi għaddew mill-interview.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-eks direttur eżekuttiv tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament irritornax f’xi impjieg fl-istess Istitut?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-eks Direttur Eżekuttiv tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi ssottometta r-riżenja tiegħu b’effett mit-18 ta’ Mejju li għadda u irreverta għall-kariga preċedenti, cioe’ dik ta’ lecturer fi ħdan l-istess Istitut, hekk kif kien stipulat fil-kuntratt li kellu ta’ Direttur Eżekuttiv.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament irritornatx għax-xogħol fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi? Jekk iva, x’impieg? X’kienu t-termini tal-impieg?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ma’ din il-mistoqsija rritornat għax-xogħol fl-Istitut ghall-Istudji Turistici (ITS) proprju fl-10 ta’ Marzu 2015 fuq bażi ta’ teleworking li ġie approvat mill-management tal-ITS. Dan kollu sar abbazi tal-family-friendly measures kif stipulat fil-Public Service Management Code.
Il-persuna kkonċernata rritornat lura l-ITS fl-10 ta’ Marzu 2015 minħabba l-fatt li kienet ħadet tmien (8) gimgħat
unpaid leave
‘il fuq mill-
maternity leave
, liema
leave
kien ġie terminat fit-12 ta’ Jannar 2015. Madankollu, l-persuna baqgħat bl-istess kuntratt ta’ xogħol li kellha qabel ħarget bil-
maternity leave
.
Intlaħaq ftehim bejn il-persuna kkonċernata u l-
management
dwar meta hija għandha tirrapporta għax-xogħol u meta jija tista’ tipprevalixxi ruħha mit-
teleworking
hekk kif inhi intitolata.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kopji tal-permessi oriġinali relatati mal-barfiż-Żurrieq, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, u li bil-liġi għandu jkollu sabiex tingħata l-istess liċenzja u ċjoe:
(a) permess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u PAPB u l-kopja tal-applikazzjoni;
(b) kopja tal-liċenzja oriġinali tal-Kummissarju tal-Pulizja (Trade Licence);
(c) kopji tal-liċenzji maħruġa mill-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu mill-2002 sal-2015;
(d) kopji tal-firem tal-ġirien (Neighbour's Consent); u
(e) applikazzjoni (kopja) għal bar għand il-Kumissarju tal-Pulizija?
(Dawn qed jintalbu lill-Ministeru għat-Turiżmu peress li infurmat li dak kollu li għandu x'jaqsam ma' bars u li kienu għand il-Pulizija, għaddew kollox għand l-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu fl-2002).
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor/ Interpellant illi l-bar fiż-Żurrieq illi d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ma’ din il-Mistoqsija, m’għadux jopera taħt l-istess isem.
Dan l-operat ġie lliċenzjat oriġinarjament mill-Pulizija u min-numru ta’ riferenza jidher illi dan kien fl-1993. Hekk kif indikat mill-Interpellant, fl-2002, b’deċiżjoni meħuda mill-Awtoritajiet, il-liċenzji t’operati simili ġew trasferiti b’mod elettroniku lill-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu. Il-permess oriġinali maħrug mill-Pulizija flimkien ma’ dokumentazzjoni oħra marbuta miegħu jew kopja tagħhom ma ġewx mgħoddija lill-Awtorita’. Id-dokumenti mitluba f’a, b, d, u e fil-Mistoqsija, m’humiex disponibbli għand l-Awtorita’.
Madanakollu, kopja tal-liċenzja rispettiva illi fiha jinkludi t-tibdiliet li seħħew minn meta l-liċenzja għaddiet għand l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Titjiriet issussidjati tal-Air Malta –referendum u elezzjonijiet lokali 2015
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' passiġġieri li gawdew mit-titjiriet issussidjati tal-Air Malta biex ġew Malta ħalli jivvutaw fir-referendum u l-elezzjonijiet lokali tal-11 t'April 2015? Kemm minn dawn il-passiġġieri kienu eletturi u kemm minnhom kienu dipendenti, mhux eletturi? Minn liema ajruporti taru lejn Malta? X'kienet is-somma globali li tħallset bħala sussidju?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru totali ta’ passiġġieri li vvjaġġaw lejn Malta għar-Referendum 2015 kien biss ta’ 1,723. Votanti għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali ma kinux eliġibbli għal titjiriet bi prezz speċjali. Mill-passiġġieri li ġew fuq dawn it-titjiriet, 1,346 kienu votanti eliġibbli u 377 oħra dipendenti tagħhom (mhux eletturi).
L-ajruporti li minnhom taru dawn il-passiġġieri huma l-ajruporti li minnhom l-Air Malta għandha scheduled flights.
Il-prezz totali u kummerċjali mħallas għal dawn il-biljetti kien jammonta għal €1,349,538.43, liema somma madankollu tinkludi l-ispejjeż kollha involuti. Ir-rati tal-biljetti kienu jvarjaw abbażi tar-rotta u d-disponibbilità fuq l-ajruplan.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li preżentament qegħdin jaħdmu mal-Air Malta? Jisa’ jgħid kemm daħlu persuni jaħdmu minn Marzu 2013 sal-lum u kemm spiċċaw ħaddiema minn dik il-ġurnata sal-lum? Jista’ jindika n-natura tal-impjieg ta’ dawn il-persuni?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ impjegati mal-Air Malta sa’ Marzu 2015 kien ta’ 1,014. Il-lista li tindika n-natura ta’ impjiegi qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Minn Marzu 2013 sa Marzu 2015, daħlu total ta’ 322 ħaddiem fil-kategoriji ndikati fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Tajjeb illi wieħed jiċċara illi, fl-istess perjodu, in-numru ta’ ħaddiema illi ntemm l-impjieg tagħhom mal-Air Malta minħabba skadenza ta’ kuntratt definit jew riżenji jew irtirar kien ta’ 333. Kif indikat fit-tabella, il-maġġoranza tal-persuni li ġew impjegati bejn Marzu 2013 u Marzu 2015, kienu ngaġġjati mal-kumpanija fuq ba¿i temporanja u part-time bħala cabin crew, clerks, airport handlers u junior first officers fil-peak period partikolarment bejn April u Ottubru.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' ħaddiema li hemm fl-Air Malta, skont il-kategorija ta' impjiegi differenti li għandha l-Air Malta? Kif inbidel dan in-numru ta' ħaddiema skont il-grad tagħhom bejn Marzu 2013 u llum?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ impjegati mal-Air Malta sa’ Marzu 2015 kien ta’ 1,014. Il-lista li tindika l-kategoriji ta’ impjiegi differenti qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ninforma wkoll lill-Interpellant illi bħala parti mill-pjan ta’ ristrutturar tal-Air Malta, fil-2012, il-kumpanija kienet infurmat lill-ħaddiema illi wara li ntgħażlu għall-pożizzjonijiet li kienu diġa’ jokkupaw jew pożizzjonijiet ġodda, kellhom jingħataw grad u salarju ġdid. In-negozjati mal–Union li tirrappreżenta dawn il-kategoriji ta’ ħaddiema kien ġie konkluż f'Diċembru 2014. Għaldaqstant, il-grad tal-ħaddiema kien inbidel skond il-pjan ta' ristrutturar hekk kif mifthem mal-Union rispettiva, liema ftehim kien daħal b'effett mill-1 ta' April 2012. Huwa għalhekk li ma kienx hemm bdil fil-gradi hekk kif mistoqsi f'din il-Mistoqsija Parlamentari minħabba li dan kien effettiv mis-sena preċedenti.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kollaborazzjoni qiegħda ssir mal-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali biex jiġi assigurat li fil-lokalitajiet fejn hemm bosta stabilimenti turistiċi, ikun hemm żieda fin-numru ta' pulizija li jkunu qed iservu fil-lokalità matul ix-xhur fejn il-preżenza tkun ikbar min-normal?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm koperazzjoni sħiħa bejn il-Ministeru li jaqa' taħt ir-risponsabilità tiegħi u l-Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali u dana sabiex nilqgħu għall-isfida tan-numri rekord ta' turisti li qed jiġu f'pajjiżna. Nikkonferma li se tiżdied il-presenza tal-pulizija eżekuttiva fil-lokalitajiet fejn hemm bosta stabbilimenti turistiċi fix-xhur li ġejjien.
Ministeru għat-Turiżmu — investiment minn pubbliċità ġenerali
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' investiment li hemm mill-pubbliċità ġenerali dwar Malta u Għawdex jagħmel il-Ministeru biex ikabbar l-identità lokali tad-diversi bliet u rħula li għadna f'Malta u Għawdex?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ħidma promozzjonali għal Malta u Għawdex barra l-pajjiż hija kontinwa u tara li tuża l-mezzi kollha possibli sabiex nilħqu kemm lill-pubbliku ġenerali li jfittex btala fi klima aħjar milli għandu f’pajjiżu, baħar sabiħ u postijiet storiċi x’iżur, kif ukoll niċeċ partikolari li l-għażla ta’ destinazzjoni tagħhom hi influwenzata minn dak li jinteressahom partikolarment bħal ma huma passatempi, attivita sportiva, gastronimija, storja, kultura, tagħlim tal-Ingliż kif ukoll vjaġġi għal negozju u konferenzi jew vjaġġi b’tema partikolari bħal ma’ huma pellegrinaġġi, żwiġijiet u qamar il-għasel fost oħrajn.
Fost il-mezzi u¿ati nistgħu nsemmu reklamar fuq karta stampata, televizjoni, radju, karozzi tal-linja, trams, ferroviji, posters, billboards u internet. Issir ukoll attivita’ promozzjonali fuq networks ta’ midja soċjali, parteċipazzjoni ġo fieri ġenerali, fieri speċjalizzati u anke workshops. L-attività ta’ relazzjonijiet pubbliċi tinkludi l-ospitalità ta’ ġurnalisti, krews tat-televizjoni u bloggers barranin f’pajjiżna, komunikazzjoni għall-istampa, komunikazzjoni diretta permezz ta’ emails mal-pubbliku, operaturi turistiċi u assoċċjazzjonijiet li jinsabu fuq id-database tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kif ukoll attivitatijiet li l-istess Awtorità tipparteċipa fihom f’diversi pajjiżi regolarment. Issir ukoll attivita’ ta’ reklamar u promozzjoni ma’ operaturi turistiċi kif ukoll linji tal-ajru u tal-baħar.
Filwaqt li l-objettiv prinċipali tal-ħidma promozzjonali li ssir għandha l-għan li tippromwovi l-gzejjer tagħna bħala destinazzjoni ġenerali permezz tal-prodott turistiku li nistgħu noffru, l-attivita’ tagħna tinkludi wkoll promozzjoni ta’ lokalitijiet partikolari jew attività li ssir fihom fejn it-turist jista’ jsib esperjenza tal-identita’ Maltija fl-aspett awtentiku tagħha. Id-domanda għal dan it-tip ta’ prodott qiegħda tikber fejn it-turist ifittex li jieħu esperjenza awtentika tal-pajjiż. L-investimenti li qiegħdin isiru fejn qiegħdin naraw żieda ta’ akkomodazzjoni turistika fl-irħula tagħna se tgħin sabiex dan il-prodott ikompli jikber u titwettaq il-wegħda tal-Gvern Laburista li tassigura li l-benefiċċji tal-Industrija tat-Turiżmu jinfirxu mal-pajjiż kollu.
Policy ta' ġbir ta' skart minn lukandi u stabilimenti ta' ikel
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru għandux xi policy dwar il-ġbir ta' skart minn lukandi u stabilimenti oħra ta' ikel? Jekk iva, kif jiġi garantit li din qed tiġi osservata?
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-bajjiet blue flag li għandna f'Malta u Għawdex? Liema bajjiet oħra qegħdin fil-proċess li jiġu mogħtija dan l-istatus?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta’ bajjiet Blue Flag għas-sena 2015 jinkludu:
- Il-Bajja tal-Għadira
- Għajn Tuffieħa
- Il-Ponta tal-Qawra
- Buġibba
Perched Beach
- Il-Bajja ta’ San Ġorġ, San Ġiljan
- Fond Għadir
-
Paradise Bay Resort
-
Westin Dragonara Resort
- Ir-Ramla l-Ħamra, Xagħra Għawdex.
Tajjeb ukoll li ninforma lill-Interpellant li Golden Bay illi bħalissa tikkwalifika bħala Beach of Quality, mistennijja tieħu ċ-ċertifikat Blue Flag fl-2016.