Legislature:
Category:
Reset
Active:

Parkeġġ għall-vetturi — spazzju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, b’kemm żdied jew naqas l-ispazju għall-parkeġġ għall-vetturi, lokalità b’lokalità?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li Transport Malta ma żżommx statistika ta' kemm żdiedu jew naqsu kaxxi għall-parkeġġ.

Parkeġġ għall-muturi — spazju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid b’kemm żdied jew naqas l-ispazju għall-parkeġġ għall-muturi, lokalità b’lokalità?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 19547.

National Road Safety Council – terms of reference

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17617, jista’ l-Ministru jgħid min huma r-rappreżentanti tad-diversi entitajiet fuq in-National Road Safety Council?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bord tan-National Road Safety Council huwa kompost minn dawn il-membri: Chairman – Mr Roderick Vella (Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura) Vice-Chairman – Mr Philip Agius (Touring Club Malta) Executive Manager – Mr Pierre P. Vella (TM) Members – Mr Clint Axisa (TM Enforcement) Mr Charles Axisa (TM Marketing & Communications) Mr Peter Paul Coleiro (Civil Protection Department) Mr Adrian Galea (Malta Insurance Association) Mr Alex Borg (Intelligent Transport Systems Committee) Sen. Insp. Mario Tonna (Malta Police Force) Mr Jonathan Joslin (Health Department) Barra minn dawn il-membri, hemm ukoll rappreżentanti tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni, Federazzjoni taċ-Ċiklisti, Kummissarju għat-Tfal, Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, 2 Wheels Foundation, Malta Motorsport Federation, Red Cross Malta, Driving Instructors Association, Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’ Diżabilita’ u tal-Għaqda Żwiemel u Kultura.

Road works — kuntratturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-kuntratturi, kuntrattur b’kuntrattur, li ngħataw kuntratti fir-rigward ta’road works (kemm bini mill-ġdid kif ukoll irranġar) mill-1 ta’ Marzu 2013 sad-data li fiha saret il-mistoqsija parlamentari u ċjoè fil-5 ta’ Ottubru 2015? Jista’ jgħid kemm minnhom ingħataw b’direct order u lil min ingħataw u kemm kien il-valur?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu msemmi ngħataw 255 kuntratt li l-valur tagħhom ivarja bejn €6255.21 u €26,647,208.58 . Dawn jinkludu proġetti kbar fosthom il-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Kosta. Dawn il-kuntratti ngħataw lil diversi kumpaniji u f’kull każ Transport Malta segwiet il-proċeduri ta’ procurement tal-Gvern.

Ħal Tarxien – Triq Mikiel Calleja

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsir it-tarmak fi Triq Mikiel Calleja f’Ħal Tarxien?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq din it-triq ser isiru skont il-progress tal-formazzjoni, fondi disponibbli kif ukoll il-proċess tal-akwist tas-servizzi tal-kuntratturi.

Ħal Tarxien – Triq ix-Xintill – Sleeping policeman

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn waslet l-applikazzjoni li l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien għamel fuq sleeping policeman fi Triq ix-Xintill f’Ħal Tarxien?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni għal xogħlijiet fuq ir-round topped road hump fi Triq Xintill, Ħal Tarxien, ġiet approvata minn Transport Malta matul Awwissu li għadda.

Xogħlijiet li saru biex tkun indirizzata l-problema tal-għargħar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol sar minn Marzu 2013 sal-lum biex tkun indirizzata l-problema tal-għargħar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li bejn Marzu 2013 u Settembru 2015 sar dan ix-xogħol biex tkun indirizzata l-problema tal-għargħar: · Gżira – Tkompla u tlesta x-xogħol fuq il-bini ta’ ġibjun fit-tarf ta’ Wied Għollieqa li għandu ħażna ta’ madwar 10,000 metru kubu ta’ ilma tax-xita u li jipperkolaw għall-ilma tal-pjan. · Birkirkara – Tkompla x-xogħol fuq it-tħaffir u l-bini ta’ 11-il kilometru ta’ mini u 90 kanal u gradilji ta’ madwar 8 metri tul kull waħda biex jilqgħu l-ilma fit-toroq bejn il-Mosta, Ħ’Attard, Ħal-Balzan, Birkirkara u Ta’ Xbiex. Inbniet l-istruttura li minnha joħroġ l-ilma għall-baħar ġewwa Ta’ Xbiex kif ukoll li fiha jinħażen madwar 30,000 metru kubu ta’ ilma li jkun jista’ jiġi ppumpjat għal ġibjun fil-Gżira kull darba li jinġabar. Ix-xogħol fuq dan il-proġett laħaq 96% u għandu jitlesta sal-aħħar gimgħa ta’ Novembru 2015. · L-Iklin – Saru 450 metru ta’ culverts. · Ħaż-Żebbuġ - Tkompla x-xogħol u tlesta fuq it-tħaffir u l-kostruzzjoni ta’ 2.3 kilometri ta’ mini u 34 kanal u gradilji fit-toroq. Saru wkoll 400 metru ta’ culverts . · Ħaż-Żabbar u Marsaskala – Tkompla x-xogħol u tlesta fuq it-tħaffir u l-kostruzzjoni ta’ 3.2 kilometri ta’ mini u 28 kanal u gradilji fit-toroq bejn Ħaż-Żabbar u Marsaskala. Inbniet ukoll l-istruttura li minnha joħroġ l-ilma għall-baħar kif ukoll li fiha jinħażen kwantita’ ta’ ilma li jkun jista’ jiġi ppumpjat għal ilqugħ tal-ilma li hemm fi Triq Wied il-Għajn. Ser isiru wkoll madwar 515-il metru ta’ culverts li x-xogħol fuqhom ser jinbeda fil-ġranet li ġejjin. · Ħal Qormi – Tkompla u tlesta x-xogħol fuq il-bini ta’ żewġ culverts kbar ta’ tul ta’ 550 metru l-waħda taħt Triq il-Wied, il-bini ta’ erba’ culverts kbar ta’ tul ta’ 110 metri l-waħda taħt Triq Aldo Moro, il-bini ta’ żewġ culverts kbar ta’ tul ta’ 100 metru l-waħda ħdejn il-pont l-antik fil-Korsa tal-Golf tal-Marsa, it-twaqqiegħ u rikostruzzjoni ta’ erba’ pontijiet - wieħed fi Triq Manwel Dimech, ieħor fi Triq Correa, ieħor fi Triq il-Mitħna u ieħor fi Triq il-Wied. Sar ukoll ftuħ ġdid maġenb il-pont antik li hemm taħt Triq San Bastjan biex l-ilma jkun jista’ jgħaddi b’mod aktar faċli. Saru wkoll 625 metru ta’ culverts f’diversi toroq. Barra minn hekk sar u għadu jsir xogħol ieħor ta’ tindif fil-widien u fil-culverts tat-toroq sabiex titnaqqas il-possibilta’ ta’ għargħar meta tagħmel ħafna xita.

Karozzi tal-linja — ħsarat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il karozza tal-linja waqfet bejn l-1 ta’ Jannar 2015 sad-data li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari minħabba xi ħsarat li tkun ġarrbet, tant li temporanjament ma setgħetx tkompli fuq ir-rotta? Jista’ jgħid x’kienet din il-ħsara?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont informazzjoni provduta mill-operatur tat-trasport publiku jirriżulta li bejn il-perjodu l-1 ta’ Jannar 2015 u l-10 ta’ Ottubru 2015 kien hemm medja ta’ wieħed minn kull 500 vjaġġ fejn minħabba xi ħsarat li ġarrbu dawn il-karozzi tal-linja, temporanjament ma setgħux ikomplu fuq ir-rotta. Infurmat ukoll illi kien hemm raġunijiet diversi għala dawn il-karozzi tal-linja ġarrbu dawn il-ħsarat. Ta’ min jgħid li minn Settembru li għadda, ingħaqdu karozzi ġodda mal-flotta, b’ hekk hu mistenni li l-ammont ta’ ħsarat jitnaqqas konsiderevolment.

Karozzi tal-linja – karozzi tal-linja li jintużaw bħala replacement

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il karozza tal-linja għandha l-kumpanija privata li llum hemm tmexxi t-trasport pubbliku, li huma over and above il-complement tal-karozzi tal-linja li jaħdmu fuq ir-rotot, liema karozzi tal-linja jintużaw biss bħala replacement meta xi karozza tal-linja ġġarrab xi ħsara u jkun hemm bżonn li tinbidel? Jista’ jgħid fejn qegħdin jinżammu dawn ir-replacements?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat illi l-kumpanija privata li illum tmexxi t-trasport pubbliku għandha madwar 35 karozzi tal-linja li jintużaw bħala replacement buses. Dawn il-karozzi tal-linja huma addizzjonali mal-kumplament tal-karozzi tal-linja li jaħdmu fuq is-servizz tat-trasport pubbliku. Dawn il-karrozzi tal-linja jinżammu ġewwa il-Floriana, il-Marsa, iċ-Ċirkewwa u Għawdex.

Servizz tat-trasport pubbliku – sussidju u pagamenti oħra

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu flus il-kumpanija responsabbli mill-għoti tas-servizz tat-trasport pubbliku bejn l-1 ta’ Jannar 2015 u l-aħħar ta’ Settembru 2015, f’sussidju kif ukoll f’pagamenti oħrajn li setgħu sarulhom? Jista’ jgħid x’bilanċ kien hemm ma’ Autobuses de Leon fl-aħħar ta’ Settembru 2015 kemm f’sussidju kif ukoll f’pagamenti oħrajn li setgħu kienu dovuti lilhom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn l-1 ta’ Jannar u t-30 ta’ Settembru 2015 il-Malta Public Transport tħallsu l-ammont dovut kollu ta’ €17,249,994 f’pagamenti relatati ma’sussidju. Infurmat ukoll illi fil-perjodu bejn Jannar u April 2015, l-operatur tat-trasport pubbliku tħallas ukoll is-somma ta’ €16,408 f’dak illi jirrigwardja manutenzjoni ta’ bus stops. L-ispejjeż relatati mal-manutenzjoni ta’ bus stops għall-perjodu bejn Mejju u Awwissu 2015 għadhom qegħdin jiġu vverifikati.

Karozzi tal-linja – vjaġġi/rotta li ma sarux fil-ħin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il vjaġġ/rotta tal-karozzi tal-linja ma sarx fil-ħin jew inkella ma sarx bejn l-1 ta’ Jannar 2015 sat-30 ta’ Settembru 2015 (ir-rotta kollha jew parti minnha)?

Response (MIZZI, JOE)

Filwaqt li nitlob lill-Onorevoli Interpellant tirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 16205, ninfurmaha wkoll li meta jidħol fis-seħħ in-network il-ġdid se jibda jintuża Rostering Software li bl-introduzzjoni tiegħu se tkun tista’ tinġabar l-informazzjoni dwar l-andament tar-rotot.

Kumpaniji Maltin – kuntratti għal kostruzzjoni u turnkey

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm Transport Malta u l-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura taw kuntratti lill-kumpaniji Maltin involuti fi kwalunkwe tip ta’ kostruzzjoni u turnkey mill-1 ta’ Marzu 2013 sad-data li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari, kuntrattur b’kuntrattur?? Jista’ jagħti l-valur ta’ kull kuntratt, dettalji fuq in-natura tax-xogħol ta’ kull kuntratt, u jekk il-kuntratt ingħatax wara sejħa pubblika jew b’mod dirett?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 17095.

Parkeġġ riservat għall-persuni b’diżabilità — tneħħija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, kemm tneħħew parkeġġi riservati għall-persuni b’diżabilità, minn kull lokalità, lokalità b’lokalità?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tispeċifika għal liema perjodu qed tirreferi.

Xatt tal-Imsida – Triq l-Abate Rigord — tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li Triq l-Abate Rigord, int u nieżel minn Ta’ Xbiex għax-Xatt tal-Imsida, tingħata t-tarmak?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li it-triq imsemmija ma taqax taħt ir-responsabilità ta’ Transport Malta. Madankollu wieħed jara kif nistgħu nagħtu l-għajnuna tagħna.

Tal-Linja Card — każ ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jara kif l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ilu aktar minn 4 xhur li applika għal TalLinja Card u sal-lum għadu ma rċevijhiex?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni pprovduta mill-opertur tat-trasport pubbliku jirriżulta li l-istess operatur ma’ rċeviex l-applikazzjoni għal tallinja card f’ isem il-persuna li d-dettalji tiegħu ngħataw separatament.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-Ministeru jew fi kwalunkwè entità li taqa’ taħt ir-responsabiltà tiegħu (segretarjat, dipartimenti, kumitati, kunsilli, aġenziji, kummissjonijiet, awtoritajiet eċċ.) għandux impjegati fi kwalunkwè kapaċità u jaħdmu jew fuq bażi full-time jew part-time jew li qed jirċievu xi forma ta’ ħlas minn fondi pubbliċi, persuni li sa Marzu 2013 kienu impjegati mal-Partit Laburista u b’mod speċifiku mar-radju u t-televiżjoni tiegħu? Jekk fl-affermattiv, jista’ jipprovdi lista ta’ dawn il-persuni kif ukoll il-pakkett finanzjarju inkluż il-benefiċċji li qed jirċievu?

Response (MIZZI, JOE)

Naghmel referenza għall-prassi li kienet użata f’leġiżlaturi preċedenti u ngħarraf lill-Onor. Interpellant li informazzjoni ta’ natura personali kif mitluba minnu, tingħata biss bil-kunsens tal-individwi kkonċernati.

Transport Malta — twaħħil ta' bus stop

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhu jżomm lill-Transport Malta milli twaħħal bus stop f' kull direzzjoni tat-traffiku, ħdejn Għajn Stas fit-triq li mix-Xemxija twassal għal Għajn Tuffieħa, u dan biex in-nies li joqogħdu hemm ma jkollhomx għalfejn jimxu tul kbir biex jirkbu karozza tal-linja?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara spezzjoni li saret fuq il-post imsemmi ġie deċiż li jitwaħħal bus stop f' kull direzzjoni tat-traffiku fiż-żona hekk kif indikata. Fil-preżent għaddej programm ta’ twahhil ta’ bus stops ġodda b’konnessjoni mal-introduzjoni tan-network il-ġdid tat-trasport pubbliku u ninsab infurmat illi dan il-bus stop sejjer ikun qed jitwaħħal fil-futur qrib bħala parti minn dan il-programm.

Triq li mix-Xemxija twassal għall-Mellieħa – laqgħat ta’ konsultazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġibiet dwar il-laqgħat ta’ konsultazzjoni li qed isiru dwar it-triq li mix-Xemxija twassal għall-Mellieħa, billi f’numru ta’ partijiet tagħha hemm diffikultajiet mhux żgħar, kif ukoll hemm il-periklu li l-pont tal-Mistra jisfronda, kif diġà hu viżibilment evidenti ukoll jekk tgħaddi minn fuqu, jista’ l-Ministru jassigura li l-interventi neċessarji għal tiswijiet temporanji jsiru fl-iqsar żmien possibli biex jiġi evitat li l-eluf kbar ta’ nies li jgħaddi minn din it-triq jibqagħlhom aċċess kontinwu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn investigazzjonijiet li għamlet l-Awtorità ma jidhirx li hemm xi periklu imminenti li għandu jwassal għall-isfrondar tal-pont tal-Mistra. Sadanittant u sakemm jibdew ix-xogħlijiet prinċipali, Transport Malta xorta se tkun qiegħda tagħmel xi interventi biex tnaqqas l-inkonvenjent.

Buġibba/Qawra – studju ta’ Transport Malta

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’tip ta’ studji wettqet Transport Malta biex tassigura li l-ħtiġijiet ta’ parking għar-residenti u dawk li jżuru Buġibba/Qawra jkunu sodisfatti? Billi mid-diskors tal-baġit u jidher li jekk kien hemm konsiderazzjoni għat-twettiq ta’ parkeġġ f’dawn in-naħat, l-istess studju ġie mwarrab, jista’ jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm tali studju?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li saru studji dwar parkeġġ fit-toroq kummerċjali u dawk f'postijiet ta' divertiment, fosthom ġewwa Buġibba u fil-Qawra. Dawn l-istudji huma l-bażi tal-proposti tal-Polza tal-Parkeġġ fit-Toroq li ġiet riveduta u li ser titnieda għall- proċess ta' konsultazzjoni estensiva fil-ġimgħat li ġejjin.