Jista' l-Ministru jgħid xi pjani hemm biex l-area tal-Blat II Ħal-Qormi tiġi serviced b'arranġamenti tat-trasport pubbliku xieraq biex jaqdi l-bżonnijiet tal-familji li jgħixu f'din l-area? Jekk hemm pjani, meta se jitwettqu? Jekk m'hemmx, meta se jsiru?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li ma hemm l-ebda pjan sabiex jingħata servizz tat-trasport pubbliku fil-lokalita' indikata.
Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed isir mill-iskart li jitniżżel minn fuq il-vapuri fil-portijiet tagħna?
Ta' min hi r-responsabilita' sabiex jiddisponi minn dan l-iskart?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-iskart li jinżel minn fuq il-vapuri jiġi miġbur minn operaturi liċenzjati mill-Ministeru ta' l-Ambjent. L-Awtorita' Marittima tassigura li l-iskart jinġabar minn persuni liċenzjati. Hu mifhum li dawn l-operaturi jiddisponu minn dan l-iskart skond regolamenti u proċeduri maħruġa mill-Ministeri ta' l-Ambjent u tas-Saħħa. Għalhekk għal aktar informazzjoni ta' xi jsir minn dan l-iskart nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li fil-ġranet li ġejjin jinfetħu l-applikazzjonijiet għal xi vacancies fil-Malta Maritime Authority? Jekk iva, f'liema grad u meta se jinfetħu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li bħalissa qed isiru interviews biex jiġu ngaġġati żewġ I.T. application developers u ħames Flag & Port State Control Inspectors ma l-Awtorita' Marittima ta' Malta, waqt li ftit żmien ieħor ser toħroġ applikazzjoni għall-ingaġġ ta' Mechanical Fitter (HVAC).
Jien infurmat ukoll li bħalissa għaddejin proċeduri ma' l-Employment & Training Corporation biex ikunu jistgħu jintlew vakanzi ta' żewġ clerks, żewġ Maintenance/Handymen, żewġ Site Supervisors/Draughtsmen u Berthing Master (Yacht Marina) fl-istess Awtorita'.
Peress li r-radio frequency electromagnetic field li ġie stallat fil-Baħrija huwa kbir għaliex x'aktarx irid jitrasmetti għal Għawdex, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kapaċita ta' radioattivita li jilħaq u livelli tagħha?
Jista' jinfurmani jekk din il-kapaċita radioattiva li jilħaq dan ir-radio frequency electromagnetic field taffettwax saħħet il-bniedem?
Jekk le, jista' jispjega għaliex? Jekk iva, jista' jieħu l-passi neċessarji?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-uniċi stallazzjonijiet riċenti fil-Baħrija huma ta' żewġ transmitters tat-telefonija ċellulari. Wieħed huwa repeater b'saħħa ta' 2 Watts u l-ieħor huwa base station b'saħħa ta' 20 Watts. Jiena ġejt infurmat li dan ta' l-aħħar ġie nstallat fuq talba tar-residenti. L'ebda wieħed minn dawn ma huwa ntenzjonat li jkopri Għawdex.
Id-Dipartiment tat-Telegrafija mingħajr Fili kien kejjel il-livelli ta' electromagnetic field strength f'diversi postijiet fir-raħal, kemm ġo djar kif ukoll barra, u rriżulta li fl-ebda każ il-kejl ma eċċeda il-5% mill-limiti stipulati fir-Report on Recommendations for Limiting Exposure to Time-Varying Electric, Magnetic and Electromagnetic Fields in the Frequency Range from 0Hz to 300GHz li kien ippreparat minn Kumitat Inter Dipartimentali u li hu bbażat fuq il-linji ta' gwida ta' l-ICNIRP (International Commission for Non-Ionizing Radiation Protection).
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq li ser isir fihom xi xogħol fil-Fgura u l-ispiża tintrefa' mill-gvern ċentrali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fil-Fgura qed isiru xogħolijiet fi Triq il-Koppla, Scicluna, San Ġwann u l-Iskola, u fil-preżent qed isir xogħol ta' l-aġġudikazzjoni fuq il-kuntratt ta' bini mill-ġdid ta' Triq Hompesch.
Fid-dawl tal-parking li tneħħa minn quddiem id-dar ta' l-anzjani Nikola Saura, ir-Rabat, u l-wegħda li għamel li jsib parking flok dak li tneħħa, jista' jinfurmani bil-proġress li sar?
Jista' jara li tiġi rimedjata l-kwistjoni mill-aktar fis possibli?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi għar-risposta tad-Domanda Parlamentari Nru. 22305 u l-fatt li dik il-parti tat-triq li tmiss mad-dar ta' l-anzjani hija dejqa ħafna u li mhux possibli li jsir reserved parking fiha tant li l-Pulizija ddeċidiet li din il-parti hekk sensittiva tiġi ddikjarata bħala Tow Zone.
L-uniku post fejn jista' jsir reserved parking għall-użu tad-Dar ta' l-Anzjani Nikola Saura huwa fejn Triq Nikola Saura tiltaqa' ma' Triq San Frangisk.
Peress li hemm distanza ta' xi mija u ħamsin metru, il-Bord qed jikkonsulta mal-Kunsill Lokali tar-Rabat biex jara jekk dan il-post hux aċċettabli għad-Dar ta' l-Anzjani.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqija parlamenti nru. 22916 dwar vapuri taħt il-bandiera meħtieġa miżmuma f'portijiet barranin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li huwa ferm diffiċli għal kull Amministrazzjoni li tkun taf kemm mill-bastimenti reġistrati magħha li jbaħħru ma kull parti tad-dinja huma suġġetti għal xi detenzjoni li din tista' tkun għal diversi raġunijiet ukoll kummerċjali. Irrid ngħid madanakollu, illi matul ix-xahar ta' Jannar, skond l-informazzjoni li għandha l-Awtorita' Marittima ta' Malta, ġew detenuti 22 bastiment Malti f'portijiet madwar id-dinja taħt is-sistema tal-Port State Control.
Dan in-numru hu differenti minn dak li ngħata fil-PQ: 23258 għaliex l-informazzjoni tkompli dieħla minn diversi portijiet sa żmien wara li jseħħu d-detenzjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm, sena b'sena mill-1994 'il hawn, il-Ministeru tiegħu nefaq flus għal xogħlijiet lill-kunsilli lokali? X'kienu dawn ix-xogħlijiet u f'liema kunsilli lokali saru?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant ser tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'wassal biex it-tiġdid tal-liċenzi tal-karozzi privati jrid jitħallas b'cheque minflok kif kien isir qabel ħlas cash fid-dipartiment tal-liċenzji? Jikkonferma l-Ministru li b'din il-miżura ser jiżdiedu l-piżijiet fuq iċ-ċittadini? Hemm-il ħsieb li din id-deċiżjoni tinbidel?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-ħlas tal-liċenzji tal-karozzi kien u għadu jista' jsir b'cheque jew cash fid-Dipartiment tal-Liċenzji u Testijiet.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jinbena iċ-ċint li jifred Triq l-Għargħar 1979 f'Ħal Qormi mid-diżlivell li hemm għal wied, minħabba l-periklu kbir li tippreżenta s-sitwazzjoni kif inhi llum, partikularment meta jgħola l-ilma fil-wied u jaqbeż għat-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 20841.
Fl-ispezzjoni li saret fil-lokalita' irriżiluta li hemm djar li l-livelli tagħhom qiegħed prattikament mal-livell tal-wied, u għalhekk kwalunkwe kostruzzjoni tista' tikkaġuna aktar għargħar.
Id-Dipartiment tat-Toroq ikkommisjona survey dettaljat ta' din iż-żona biex ikompli jiġi stabbilit x'jista' jsir.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 23607, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent u li ġiet riferuta lilu u cioe': Jista' jagħti indikazzjoni meta ser tiġi irrangata Triq il-Batterija taż-Żonqor ġewwa Wied il-Għajn minħabba l-istat diżastruż li tinsab fiha, kif ukoll minħabba l-perikli u l-inkonvenjent li jinqalgħu meta jkun il-maltemp u d-diffikulta' li teżisti biex tidħol ambulanza fl-inħawi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 23449. L-Asfaltar ta' Triq il-Batterija qiegħed fit-tieni fażi tal-programm.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq li ser isir fihom xi xogħol fil-Kalkara u l-ispiża tintrefa mill-gvern ċentrali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fil-preżent qed isir xogħol fi Triq Straubenzie, iżda għaddejien diskussjonijiet ukoll mal-Kunsill sabiex jitwettaq proġett biex titranġa t-triq u jitneħħa l-għargħar f'Bighi Road, asfaltar fi triq Ġianni Raimondo u pjan għat-titjib ta' Triq Santa Liberata.
Meta dan il-pjan jiġi ffinaliżżat, ix-xogħol isir skond il-prijoritajiet ta' xogħol li jkollu quddiemu d-Dipartiment.